Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

"In-notifika ta' dokument" hija l-metodu li bih jitwassal dokument lid-destinatarju, biex jiġi infurmat bil-kontenut tad-dokument, skont ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi proċedurali li jispeċifikaw l-istrument, il-metodu wżat għan-notifika tad-dokument u ċ-ċertifikazzjoni li saret in-notifika.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Id-dokumenti li jridu nnotifikati uffiċjalment jinkludu d-dokumenti ta' miżura l-qorti, rikors biex titħassar sentenza mogħtija b'kontumaċja, appell, appell fil-kassazzjoni, rikors għal reviżjoni ta' sentenza, proċedimenti ta' terzi, rikors kontra atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji, intervent primarju jew sekondarju, notifika ta' proċess u notifika ta' terzi, rikors għal miżuri provviżorji, rikors għal protezzjoni ġudizzjarja fi proċedimenti mhux kontenzjużi, iċ-ċitazzjoni għas-seduta ta' smigħ u s-sentenzi kollha tal-qorti (finali u mhux finali).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

In-notifika hija r-responsabbiltà tal-parti fil-kawża wara li jkun ingħata ordni bil-miktub, skont id-dokument li jrid jiġi notifikat, jew minn dik il-parti jew mill-aġent tagħha jew fuq talba tal-istess parti, mill-imħallef kompetenti, jew f'każ illi l-qorti tkun iffurmata minn diversi membri, mill-imħallef presjedenti tal-qorti (l-Artikolu 123 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (CCP)). Id-dokumenti jiġu notifikati minn bailiff maħtur mill-qorti li għandha sede fir-reġjun li fih huwa domiċiljat jew residenti d-destinatarju dakinhar tan-notifika (122.1 CCP). Fejn in-notifika tad-dokumenti sseħħ taħt ir-responsabbiltà tal-qorti, in-notifika tista' ssir ukoll minn bailiff fil-qasam kriminali stabbilit fir-reġjun konċernat jew minn uffiċjal tal-Pulizija Griega, għassies tal-foresti jew minn segretarju muniċipali (122.2, 3 CCP). Barra minn hekk, fi proċedimenti għal miżuri provviżorji, il-post u l-ħin tas-seduta ta' smigħ jiġu avżati permezz tan-notifika tad-dokument maħruġ mir-reġistru tal-qorti, li tindika l-post, id-data u l-ħin tas-seduta, jew bi stedina mir-reġistru tal-qorti b'telegramm jew telefonata. L-imħallef jista' jordna wkoll illi tiġi notifikata kopja tar-rikors flimkien maċ-ċitazzjoni (686.4 CCP).

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Iva

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Le, ma għandhomx aċċess dirett, kif jista' jinftiehem ukoll mir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 li jgħid illi l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jikkomunikaw ma' xulxin sabiex iwieġbu għal talba biex jinstab individwu.

Għandu jiġi nnutat illi r-residenti kollha fit-territorju Grieg huma reġistrati fil-bażi tad-dejta ta' kull muniċipalità permezz tal-uffiċċji tar-reġistru kompetenti. Madankollu, il-bażi tad-dejta nazzjonali waħdanija tinkludi biss liċ-ċittadini adulti, li huma rreġistrati skont il-karta tal-identità/passaport tagħhom, u li tiġi aġġornata kif xieraq mill-muniċipalitajiet fil-Greċja.

Il-bażi tad-dejta hija aċċessibbli miċ-ċittadini (mingħajr ħlas) biss permezz tad-direttorji pubbliċi tat-telefown.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Il-qorti ta' eżekuzzjoni tippreżenta talba biex jinstab individwu mal-awtoritajiet tal-pulizija kompetenti.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Il-metodu normali użat għan-notifika tad-dokumenti huwa li jitwassal f'idejn id-destinatarju (127.1 CCP), irrispettivament minn fejn jinsab id-destinatarju (124 CCP). Madankollu, jekk id-destinatarju għandu domiċilju, ħanut jew uffiċċju jew ħanut tax-xogħol fil-post fejn se ssir in-notifika, jew waħdu jew ma' persuna oħra, jew jaħdem hemmhekk bħala impjegat, ħaddiem jew fiċ-ċivil, id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat f'post differenti mingħajr il-kunsens tiegħu (124.2 CCP). Fir-rigward ta' metodi alternattivi li jistgħu jintużaw, huwa possibbli, permezz ta' digriet mogħtija fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja, Trasparenza u Drittijiet tal-Bniedem, illi d-dokumenti jiġu notifikati bil-posta jew b'telegramm jew b'telefonata, li jispeċifikaw ukoll kif għandha ssir in-notifika u ċertifikata (122.4 CCP). S'issa qatt ma ingħataw digrieti ta' din ix-xorti.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jiġu nnotifikati wkoll b'mezzi elettroniċi, sakemm ikunu ġew iffirmati elettronikament. Dokument ġudizzjarju li ġie nnotifikat b'mezzi elettroniċi jitqies li ġie nnotifikat jekk min bagħtu jkun irċieva prova ta' rċevuta elettronika mid-destinatarju, li għandu jkollha firma elettronika avvanzata u li tikkostitwixxi rapport tan-notifika (122.5 CCP). Għandu jiġi nnutat illi l-għażla msemmija hawn fuq għan-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji b'mezzi elettroniċi tiddependi mill-kwistjoni ta' digriet presidenzjali fuq proposta tal-Ministru għall-Ġustizzja, Trasparenza u Drittijiet tal-Bniedem, li l-quddiem jistabbilixxi rekwiżiti aktar speċifiċi. Barra minn hekk, deċiżjoni konġunta tal-Ministru għall-Finanzi u l-Ministru għall-Ġustizzja, Trasparenza u Drittijiet tal-Bniedem tistabbilixxi wkoll kif għandhom jitħallsu u jinġabru t-tariffi u t-timbri għad-dokumenti ġudizzjarji li jiġu nnotifikati b'mezzi elettroniċi.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Jekk id-destinatarju ma jkunx fir-residenza tiegħu, id-dokument jitwassal lil persuna oħra li tkun tgħix fl-istess residenza, sakemm tkun taf bil-kawża u ma tkunx il-parti opposta fil-kawża (128.1 CCP).

Jekk ma jkun hemm ħadd mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 fir-residenza:

(a) id-dokument irid jiġi mehmuż mal-bieb tad-dar fil-preżenza ta' xhud;

(b) fil-ġurnata tax-xogħol wara dik tal-impustjar mill-aktar tard, trid tiġi konsenjata kopja tad-dokument, li titfassal mingħajr ħlas, f'idejn il-kap tad-dipartiment jew għassa tal-pulizija tad-distrett li fih tinsab id-dar u, fin-nuqqas tal-kap, lill-uffiċjal jew deputat uffiċjal jew l-għassies tad-dipartiment tal-pulizija. F'dawn il-każijiet kollha, il-konsenja trid tiġi ppruvata permezz ta' rċevuta mfassla mingħar ħlas skont ir-rapport tan-notifika;

(c) fil-ġurnata ta' xogħol ta' wara, l-individwu li nnotifika d-dokument irid jibgħat bil-posta lid-destinatarju avviż bil-miktub li jindika t-tip ta' dokument notifikat, l-indirizz tar-residenza fejn ġie mpustat id-d-dokument, id-data ta' mpustjar, l-awtorità lil min għandha tintbagħat kopja u d-data ta' konsenja. Il-prova illi l-avviż intbagħat bil-posta trid tiġi mfassla u ffirmata mingħajr ħlas skont ir-rapport tan-notifika mill-persuna li wettqet in-notifika. Il-prova trid tindika l-uffiċċju tal-posta minn fejn intbagħat l-avviż, kif ukoll il-membru tal-persunal li rċevih, u dan tal-aħħar irid jikkonferma l-prova (128.4 CCP).

Jekk id-destinatarju ma jkunx fil-ħanut, uffiċċju jew ħanut tax-xogħol, id-dokument jingħata lill-maniġer tal-ħanut, uffiċċju jew ħanut tax-xogħol jew lil wieħed mill-imsieħba, assoċjati, impjegati jew impjeġati taċ-ċivil, jekk ikunu jafu bil-kawża u mhumiex il-parti opposta fil-kawża (129.1 CCP).

Jekk ħadd mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunu fil-ħanut, uffiċċju jew ħanut tax-xogħol, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 128(4) tas-CCP (129.2 CCP).

Jekk id-destinatarju jew il-persuni msemmija fl-Artikoli 128 u 129 ma jaċċettawx in-notifika tad-dokument jew jiffirmaw ir-rapport tan-notifika, jew f'każ li ma jistgħux jiffirmawh, l-uffiċjal tan-notifika jehmeż id-dokument mal-bieb tad-dar, uffiċċju, ħanut jew ħanut tax-xogħol fil-preżenza ta' xhud (130.1 CCP).

Jekk id-destinatarju ma għandux residenza, ħanut, uffiċċju jew ħanut tax-xogħol jew jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokument, jew ma jistax jew jirrifjuta li jiffirma r-rapport tan-notifika, u r-rifjut jew inabilità tiegħu hija konfermata minn xhud imqabbad mill-uffiċjal li qed iwettaq in-notifika għal dan il-għan, ir-rapport jingħata f'idejn dawk il-persuni msemmija fl-Artikolu 128(4)(b) (130.2 CCP).

Jekk id-destinatarju jiddaħħal l-isptar jew il-ħabs u għalhekk il-kuntatt miegħu jkun impossibbli, kif ikkonfermat mill-maniġment tal-isptar jew ħabs imsemmi fir-rapport tan-notifika, id-dokument jista' jiġi nnotifikat lill-maniġer tal-isptar jew tal-ħabs, li huwa taħt obbligu li jwassal id-dokument lid-destinatarju (131 CCP).

Jekk id-destinatarju qiegħed xogħol abbord bastiment merkantili li qiegħed f'port Grieg, jekk huwa assenti jew jirrifjuta li jaċċetta n-notifika ta' dokument jew jirrifjuta jew ma jistax jiffirma r-rapport, id-dokument jiġi notifikat lill-kaptan tal-bastiment jew lid-deputat tiegħu u, jekk huma assenti jew jirrifjutaw illi jaċċettaw in-notifika tad-dokument ukoll, dan jiġi notifikat lill-kap tal-awtorità tal-port, li huwa taħt obbligu li jinnotifika lid-destinatarju (132.1 CCP).

Jekk id-destinatarju qiegħed xogħol fuq bastiment merkantili li mhuwiex f'port Grieg, id-dokument jiġi notifikat fir-residenza tiegħu skont l-Artikolu 128 u, jekk ma għandux residenza, jiġi notifikat skont id-dispożizzjonijiet dwar in-notifika ta' dokumenti lil persuni b'residenza mhux magħrufa. F'kull każ, id-dokument jiġi notifikat fl-uffiċċju ta' sid il-bastiment fil-Greċja jew inkella fl-uffiċċju tal-aġent tal-bastiment f'xi port Grieg, jekk ikun hemm (132.2 CCP).

Għal persuni f'xi waħda mill-kategoriji li ġejjin li huma attivi fis-servizz, jekk in-notifika tad-dokument ma tkunx possibbli, lilhom jew lill-qraba tagħhom jew impjegati li jgħixu fl-istess domiċilju, id-dokument jiġi notifikat skont l-Artikolu 128(3) u (4) u fir-rigward ta:

(a) persuni li qiegħdin fl-Armata Griega, id-dokument jiġi notifikat lill-kmandant tal-unità jew stazzjoni jew aġenzija li taħtha qiegħed id-destinatarju. Jekk l-unità jew stazzjoni jew aġenzija mhumiex magħrufa, id-dokument jiġi notifikat lill-kap tal-fergħa rilevanti;

(b) l-uffiċjali, uffiċjali deputati u l-baħrin tal-Flotta Griega, id-dokument jiġi notifikat lill-kap tal-persunal ġenerali tal-flotta;

(b) l-uffiċjali, uffiċjali deputati u l-ħaddiema tal-Forza tal-Ajru Griega, id-dokument jiġi notifikat lill-kap tal-persunal ġenerali tal-forza tal-ajru;

(d) l-uffiċjali u l-uffiċjali deputati tal-Pulizija u l-Gwardja tal-Kosta, kif ukoll il-pulizija u l-gwardji tal-kosta, id-dokument jiġi notifikat lill-kap tas-servizz tagħhom;

(e) il-persunal tal-fanali tal-portijiet, dwal u semafori, id-dokument jiġi notifikat lill-kap tal-awtorità tal-port fir-reġjun fejn iwettqu d-dmirijiet tagħhom (133.1 CCP).

Jekk id-destinatarju jgħix barra l-pajjiż jew għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu barra l-pajjiż, id-dokument jiġi notifikat lill-prosekutur pubbliku tal-qorti li quddiemha l-kawża qiegħda pendenti jew li se titressaq għas-smigħ jew tal-qorti li tat is-sentenza li trid tiġi notifikata u, għall-kawżi mressqa quddiem il-qorti ċivili distrettwali, lill-prosekutur pubbliku tal-qorti tal-prim'istanza tar-reġjun li fih topera l-qorti ċivili distrettwali. Kull dokument marbut mal-eżekuzzjoni għandu jiġi nnotifikat lill-prosekutur pubbliku tal-qorti ta' prim'istanza li fil-ġuriżdizzjoni tagħha se sseħħ l-eżekuzzjoni, u kull dokument ekstraġudizzjarju għandu jiġi notifikat lill-prosekutur pubbliku tal-aħħar domiċilju jew residenza barranija magħrufa u, fin-nuqqas ta' domiċilju jew residenza barranija magħrufa, id-dokumenti jiġu notifikati lill-prosekutur pubbliku tal-qorti ta' prim'istanza tal-belt kapitali (132.1 CCP). Kif jirċievi d-dokument, il-prosekutur pubbliku għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħatu lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, li għandu l-obbligu jwasslu lid-destinatarju (134.3 CCP).

Jekk il-post ta' residenza jew l-indirizz eżatt tad-dar tad-destinatarju mhumiex magħrufa, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 134(1), u jiġi ppubblikat ukoll sommarju tad-dokument ġudizzjarju notifikat f'żewġ gazzetti ta' kuljum fl-istess ġranet, waħda ppubblikata f'Ateni u l-oħra fil-post fejn qiegħda l-qorti, jew it-tnejn li huma ppubblikati f'Ateni wara rakkomandazzjoni mill-prosekutur pubbliku li lilu ġie notifikat sommarju tad-dokument ġudizzjarju. Is-sommarju jiġi mfassal u ffirmat mill-persuna li twettaq in-notifika u jrid jindika l-ismijiet sħaħ tal-partijiet fil-kawża, it-tip ta' dokument ġudizzjarju notifikat, it-talba rilevanti u, fil-każ ta' sentenzi tal-qorti, il-parti operattiva tagħhom, il-qorti li quddiemha l-kawża qiegħda pendenti jew li se titressaq għas-smigħ, jew l-uffiċċjal li jrid iwettaq in-notifika u, jekk id-destinatarju jiġi mħarrek biex jitla' l-qorti jew biex iwettaq ċertu att, iridu jiġu indikati l-post u l-ħin tad-dehra u t-tip ta' att konċernat (135.1 CCP). Dak li ssemma hawn fuq japplika wkoll fejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin jikkonferma illi huwa mpossibbli li wieħed jibgħat id-dokument lil persuna residenti jew b'uffiċċju reġistrat barra l-pajjiż (135.3 CCP).

Jekk l-uffiċċji jew il-ħwienet imsemmija fl-Artikolu 128(4)(b), 131, 132, u 133 jkunu magħluqa jew l-awtoritajiet jew persuni msemmija jirrifjutaw li jaċċettaw in-notifika tad-dokument jew jiffirmaw ir-rapport tan-notifika, il-persuna li tkun qed twettaq in-notifika tfassal rapport rilevanti u tibgħat id-dokument lill-prosekutur pubbliku tal-qorti ta' prim'istanza li taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha taqa' n-notifika, u l-prosekutur pubbliku mbagħad jibgħat id-dokument lill-persuna li rrifjutat li taċċetta n-notifika jew li tiffirma r-rapport.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk il-metodu ta' notifika previst fil-punt 7.1 intuża għal persuna li daħlet l-isptar jew il-ħabs, jew baħri, membru tal-armata jew persuna li tgħix barra l-pajjiż, id-dokument li qed jiġi notifikat jitqies li ġie notifikat hekk kif twassal lill-awtoritajiet jew lill-persuni msemmija fil-punt ta' qabel, irrispettivament mid-data li fih intbagħat u wasal (136.1 CCP).

Jekk il-metodu ta' notifika previst fil-punt 7.1 intuża għal persuna li ma nstabitx fil-post fejn hi domiċiljata, sakemm ma nstabx l-anqas xi qarib adult jgħix ukoll f'dak id-domiċilju, id-dokument soġġett għan-notifika jitqies li ġie notifikat hekk kif jiġi mehmuż mal-bieb tad-dar tad-destinatarju, jekk jiġu osservati r-rekwiżiti kollha fil-punt 7.1 fir-rigward tal-metodu ta' notifika (pereżempju n-notifika tad-dokument għand il-kap tad-dipartiment tal-pulizija u l-impustjar ta' avviż bil-miktub rilevanti).

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Kif imsemmi fil-punt 7.1, jekk il-metodu ta' notifika maħsub għal persuna li ma nstabitx id-dar tagħha, jekk ma kienx hemm l-anqas xi qarib adult jgħix hemmhekk, wara li d-dokument ġie mehmuż mal-bieb tad-dar tad-destinatarju u intbagħtet kopja lill-kap tad-dipartiment tal-pulizija, jintbagħat avviż bil-miktub lid-destinatarju, fejn jindika t-tip ta' dokument notifikat, l-indirizz tad-domiċilju fejn ġiet mpustat id-dokument, id-data tal-impustar, l-awtorità li lilha ntbagħat id-dokument u d-data ta' konsenja.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Kif imsemmi fil-punt 7.1, jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokument konċernat jew li jiffirma r-rapport tan-notifika, l-uffiċjal li jkun qed iwettaq in-notifika jehmeż id-dokument mal-bieb tad-dar, tal-uffiċċju, tal-ħanut jew tal-ħanut tax-xogħol fil-preżenza ta' xhud. Hekk kif jiġi mehmuż, id-dokument jitqies li ġie notifikat.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

F'dan il-każ, is-servizz postali jibgħat id-dokument personalment lid-destinatarju biss.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

F'dan il-każ, is-servizz postali jinnotifika lid-destinatarju assenti li d-dokument se jibqa' fl-uffiċċju tal-posta għal perjodu speċifiku ta' żmien, li matulu jista' jitlob għalih.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Ara d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punt 8.2.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Il-persuna li qed twettaq in-notifika għandha tfassal rapport, li jrid ikun fih (a) l-ordni għan-notifika, (b) deskrizzjoni ċara tad-dokument notifikat u tal-persuni konċernati, (c) id-data u l-ħin tan-notifika, (d) il-persuna li lilha ġie notifikat id-dokument u l-metodu ta' notifika f'każ ta' assenza jew rifjut mid-destinatarju jew mill-persuni msemmija fl-Artikoli 128 sa 135 u 138 (131.1 CPP).

Ir-rapport jiġi ffirmat mill-persuna li twettaq in-notifika u mill-persuna li tirċievi d-dokument, jew, f'każ ta' rifjut jew inabilità, mix-xhud imqabbad għal dak il-għan (139.2 CCP).

Il-persuna li twettaq in-notifika għandha tieħu nota tad-data u l-ħin tan-notifika u tiffirma d-dokument. Din in-nota hija prova biex tintuża mill-persuna li lilha jiġi notifikat id-dokument. Jekk ikun hemm xi diskrepanza bejn ir-rapport tan-notifika u n-nota, jieħu preċedenza r-rapport (139.3 CCP).

Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 139 jiġi mfassal f'żewġ kopji, waħda biex tingħata lill-persuna li ordnat in-notifika u l-oħra biex tinżamm, mingħajr ħlas, mill-uffiċjal tan-notifika. Issir nota qasira dwar in-notifika fi ktieb speċjali miżmum mill-uffiċjal tan-notifika (140.1 CCP).

Il-bailiff irid, fuq talba, jipprovdi kopji tad-dokumenti oriġinali li jkollu fil-fajl lill-persuna li tkun ordnat in-notifika u lid-destinatarju, kif ukoll kull min għandu interess leġittimu, jekk ingħatat approvazzjoni għal dak il-għan, permezz ta' nota fuq it-talba, mill-imħallef presjedenti tal-qorti ta' prim'istanza li għandha sede fir-reġjun li fih seħħet in-notifika (140.2 CCP).

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk il-parti f'kawża ma tistax tosserva skadenza minħabba force majeure jew minħabba frodi min-naħa tal-parti opposta (pereżempju notifika invalida mill-bailiff jew nuqqas intenzjonat tal-persuna li rċeviet id-dokument biex tinnotifika lill-parti fil-kawża), hija għandha dritt titlob li jerġa kollox għall-istatus quo ante (152.1 CCP) fi żmien tletin ġurnata mid-data li fiha nqala' l-ostaklu li kkawża l-force majeure jew li fih hija saret taf bil-frodi tal-parti opposta (153 CCP).

Jekk persuna li kontriha ngħatat sentenza b'kontumaċja ma ġietx imħarrka, jew ma ġietx imħarrka legalment jew fiż-żmien previst għal dan il-għan, hija għandha d-dritt titlob it-tħassir tas-sentenza mogħtija b'kontumaċja fi żmien ħmistax-il ġurnata min-notifika tas-sentenza jekk hija toqgħod il-Greċja, jew fi żmien sittin ġurnata mill-aħħar pubblikazzjoni tas-sommarju tar-rapport tan-notifika tas-sentenza skont l-Artikolu 135(1) jekk ir-residenza tagħha mhix magħrufa jew tgħix barra l-Greċja (501, 503.1, 2 CCP).

Jekk il-parti f'kawża ħarrket lill-parti opposta fejn tiddikjara illi din tal-aħħar ma kellhiex residenza magħrufa, minkejja li kienet taf li għandha residenza, din tal-aħħar, jekk hija tilfet il-kawża għal kollox jew parti minnha, għandha dritt tippreżenta rikors għar-reviżjoni tas-sentenza mogħtija, fi żmien sittin ġurnata jekk hija tgħix il-Greċja, jew fi żmien 120 ġurnata mid-data tan-notifika tas-sentenza kontestata jekk ma għandiex residenza magħrufa jew tgħix barra l-pajjiż, jew fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tas-sentenza kontestata, jekk tkun finali jew irrevokabbli, inkella mid-data li fiha ssir finali, jekk is-sentenza qatt ma ġiet innotifikata (538, 544.9, 545.1, 2, 3 , 5 CCP).

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-ispejjeż tan-notifika għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-persuna li tordna n-notifika (173.1, 3 CCP).

Il-parti telliefa tiġi ordnata tħallas dawn l-ispejjeż, ukoll (176,189.1 CCP). Is-somma tiddependi mill-metodu u t-tip ta' notifika użati. L-ammont minimu ta' spejjeż tan-notifika huma ta' EUR 23 jekk id-dokument konċernat jiġi notifikat lil persuna li tgħix jew li tirrisjedi fil-post fejn il-bailiff għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

L-aħħar aġġornament: 16/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna