Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika (ta' dokumenti) hija terminu legali li jintuża meta n-notifika ta' dikjarazzjonijiet bil-miktub u deċiżjonijiet trid titwettaq u tiġi dokumentata f'forma ġuridika. In-notifika tista' tkun iddefinita bħala li tagħmilha possibbli għal destinatarju li jieħu nota ta' ċerta informazzjoni.

Id-dokumenti huma nnotifikati fl-interess li jiġi żgurat proċess ġuridiku ġust u proċedimenti ġuridiċi ġusti. In-notifika hija ntiża sabiex jiġi żgurat li d-destinatarju jsir attwalment konxju minn proċedimenti ġuridiċi jew, għallinqas, li huwa għandu ċans mingħajr xkiel li jsir konxju minnhom. Konsegwentement, kull meta d-dokumenti huma nnotifikati, l-għan huwa dejjem li tinġibed l-attenzjoni għall-kontenuti tagħhom. Madankollu, hija r-responsabbiltà tad-destinatarju li attwalment jieħu nota tagħhom.

Il-parti li tinnotifika d-dokumenti trid tiġi pprovduta b'mezz li jivverifika meta u kif dokument kien ġie kkonsenjat lid-destinatarju. Dan huwa rekwiżit ta' ċertezza tad-dritt.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

Ma hemm ebda leġiżlazzjoni definittiva li tirregola liema dokumenti partikolari jridu jkunu nnotifikati formalment.

Id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati b'mod awtomatiku huma dawk fejn hemm stipulazzjoni legali korrispettiva jew ordni tal-qorti (Artikolu 166(2) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili) (Zivilprozessordnung – ZPO).

In-notifika fuq it-talba tal-partijiet issir meta tkun stipulata mil-liġi, bħal fil-każ ta' arrest, ordni temporanju ta’ restrizzjoni jew mandat ta' sekwestru bit-trasferiment tat-talba għas-sekwestru (Artikolu 191 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

In-notifika formali hija meħtieġa kull fejn adegwat u fejn jagħmel sens, u kull meta tkun meħtieġa għaċ-ċertezza tad-dritt – pereżempju, meta d-drittijiet jiġu stabbiliti biss u l-iskadenzi jibdew jiskattaw biss permezz tal-avviż li jkun ingħata. Dan ifisser, pereżempju, li r-rikorsi jew is-sentenzi u d-deċiżjonijiet tal-qorti li jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' appell immedjat iridu jiġu nnotifikati skont il-liġi.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Trid issir distinzjoni bejn notifika awtomatika u notifika wara t-talba tal-partijiet.

Meta d-dokumenti huma nnotifikati b'mod awtomatiku, dawn ikunu dejjem innotifikati mir-reġistru tal-qorti fejn il-proċedimenti jkunu għadhom pendenti (Artikolu 168(1) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Ir-reġistru huwa intitolat li jagħżel il-metodu ta' notifika skont l-aħjar ġudizzju tiegħu

u huwa liberu li jagħżel bejn l-għażliet segwenti:

  • Huwa jista', pereżempju, jinnotifika dokumenti lil avukat bil-konferma tar-riċevuta (Artikolu 174 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Huwa jista' jinnotifika dokument lid-destinatarju jew lir-rappreżentant legali tiegħu direttament billi jikkonsenjah fiżikament fil-post uffiċjali tal-qorti (Artikolu 173 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Huwa jista' jħalli f'idejn is-servizz postali għan-notifika ta' dokumenti. Fil-Ġermanja, il-kelma "servizz postali" tfisser kumpaniji li huma liċenzjati mill-Aġenzija tan-Netwerk Federali (Bundesnetzagentur) sabiex jipprovdu servizzi postali. F'dan il-kuntest, hija tista' tagħżel submetodu speċjali: notifika permezz ta' ittra reġistrata, bil-konferma tar-riċevuta (Artikolu 175 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Hija tista' tordna lil impjegat tal-ġudikatura sabiex jinnotifika d-dokumenti.

F'xi każijiet stipulati fil-liġi, l-imħallef huwa responsabbli li jirranġa għan-notifika, pereżempju fil-każ ta' notifika barra mill-pajjiż (Artikoli 183 u 184 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili) jew notifika permezz ta' pubblikazzjoni (Artikoli 186 u 187 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

In-notifika wara t-talba tal-partijiet trid dejjem titwettaq mill-marixxall maħtur mill-qorti, li huwa fdat b'din il-funzjoni direttament mill-parti jew permezz tal-intermedjarju tar-reġistru tal-qorti li qed tisma' il-kawża (Artikolu 192 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

Min-naħa tiegħu, il-marixxall maħtur mill-qorti jista' jafda s-servizz postali bin-notifika tad-dokumenti (Artikolu 194 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Fejn id-destinatarju ma jgħix fl-indirizz speċifikat fit-talba għan-notifika, l-aġenzija riċeventi Ġermaniża li tilqa' ir-rikors tipprova ġeneralment tiċċertifika l-indirizz tiegħu. Dan ma japplikax biss f'każijiet fejn id-destinatarju jkun iċċaqlaq iżda wkoll meta l-indirizz tiegħu wara t-talba għan-notifika jkun żbaljat jew mhux komplut. Madankollu, l-aġenzija riċeventi tipprovdi s-servizzi tagħha volontarjament f'dan ir-rigward u ma hija taħt ebda obbligu li tagħmel dan.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Skont l-Artikolu 44 tal-Att Federali Ġermaniż dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini (Bundesmeldegesetz – BMG), l-awtoritajiet pubbliċi barranin u individwi barranin privati huma intitolati li jiksbu ċerta informazzjoni dwar persuna partikolari mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni Germaniżi mingħajr ma jagħtu r-raġunijiet tagħhom għalfejn qedgħin jitolbuha. Dan id-dokument jissejjaħ estratt sempliċi mir-reġistru (einfache Melderegisterauskunft).

L-estratt sempliċi mir-reġistru jinkludi:

● il-kunjom,

● l-ismijiet,

● il-lawrja dottorali,

● l-indirizzi attwali u,

● fil-każ li l-persuna tkun mejta, dikjarazzjoni għal dan il-fini.

It-talba trid tiġi indirizzata lill-awtorità tar-reġistrazzjoni kompetenti. Bħala regola, dan ikun l-uffiċċju amministrattiv għaċ-ċittadini (Bürgeramt) fil-muniċipalità jew belt fejn huwa maħsub li l-persuna qed tirrisjedi.

Hemm tariffa għall-estratt mir-reġistru. L-ammont tal-miżata jvarja minn stat federali għall-ieħor.

L-estratt mir-reġistru jista' jinħareġ biss jekk il-persuna li qed tiġi mfittxija tista' tiġi identifikata b'mod preċiż mid-dettalji pprovduti mill-awtorità riċeventi, jiġifieri mhuwiex possibbli li tintbagħat "hit list" ta' individwi possibbli.

Barra minn dan, estratt mir-reġistru ma għandux jinħareġ jekk iddaħħlet projbizzjoni ta' divulgazzjoni fir-reġistru għall-persuna kkonċernata f'konformità mal-Artikolu 41 tal-Att Federali dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini jew jekk id-divulgazzjoni jikser l-interessi protetti tal-persuna kkonċernata bi kwalunkwe mod ieħor (Artikolu 8 tal-Att Federali dwar ir-Reġistrazzjoni taċ-Ċittadini).

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Fil-Ġermanja, il-proċess li indirizz jiġi ċċertifikat mhuwiex ġeneralment meqjus bħala funzjoni ġudizzjarja.

Peress li anki l-awtoritajiet pubbliċi barranin u l-individwi privati barranin jistgħu jiksbu estratt sempliċi mir-reġistru fuq l-inizjattiva tagħhom stess, ma hemmx bżonn li ssir talba skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

It-tip ta' notifika l-iktar komuni li seħħ fil-prattika hija n-notifika awtomatika. Dan jitwettaq ġeneralment mis-servizz postali. Ir-reġistratur tal-qorti jagħmel talba għan-notifika u jitrażmetti fiżikament id-dokument li għandu jiġi nnotifikat f'envelopp siġillat flimkien ma' rekord tan-notifika stampat minn qabel u lest għall-użu (Artikolu 176 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Id-dokument huwa mbagħad innotifikat mill-impjegat tal-posta. Preferibbilment, id-dokument jeħtieġ li jiġi nnotifikat direttament lid-destinatarju, li jfisser li dan jeħtieġ li jiġi kkonsenjat lid-destinatarju personalment. Din il-konsenja fiżika tista' issir f'kull post u mhijiex marbuta ma' post speċifiku (Artikolu 177 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

Id-destinatarju msemmi aktar 'il fuq hija l-persuna li d-dokument huwa intiż għaliha, ir-rappreżentant tagħha (Artikolu 170 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), jew ir-riċevitur awtorizzat tagħha (Artikolu 171 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

Ladarba d-dokument jiġi nnotifikat, l-impjegat tal-posta jimla r-rekord tan-notifika stampat minn qabel u jibgħatu minnufih lura għand ir-reġistru tal-qorti bħala prova li saret in-notifika.

Jekk il-parti tkun rappreżentata minn avukat, id-dokumenti jiġu ġeneralment innotifikati permezz tal-avukat bil-konferma tar-riċevuta (Artikoli 171 u 174 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Meta jirċievi d-dokument, l-avukat jiffirma l-konferma tar-riċevuta u jibgħatha lura lill-qorti.

Jekk iż-żewġ partijiet ikunu rappreżentati minn avukat, avukat wieħed minnhom jista' jinnotifika d-dokumenti permezz tal-avukat l-ieħor (Artikolu 195 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Dan japplika wkoll għal ittri li għandhom jiġu nnotifikati b'mod awtomatiku, sakemm il-kwerelant ma jkollux għalfejn ikun informat b'ordni tal-qorti fl-istess ħin. L-ittra trid tinkludi dikjarazzjoni li tistipula li din qed tiġi nnotifikata minn avukat wieħed għal ieħor. Għal darba oħra, hija l-konferma tar-riċevuta ffirmata u ddatata li tipprovdi prova li n-notifika tkun saret.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Id-dokumenti legali assoċjati mal-proċedimenti ċivili kollha jistgħu jiġu nnotifikati b'mod elettroniku. Għall-iskop tat-trasferiment, id-dokument irid ikun fih firma elettronika leġittima u jkun protett minn aċċess mhux awtorizzat minn partijiet terzi. Kull avukat, nutar, marixxall maħtur mill-qorti u konsulent tat-taxxa, u kull awtorità, korp jew entità ta' liġi pubblika huwa meħtieġ/hija meħtieġa li jaċċetta/taċċetta dokumenti li jkunu ġew innotifikati b'mod elettroniku. Id-dokumenti jistgħu biss jiġu nnotifikati elettronikament fuq il-partijiet l-oħra tal-proċedimenti jekk dawn ikunu qablu espressament mat-trasferiment tad-dokumenti elettroniċi.

Id-dokumenti jistgħu wkoll jiġu nnotifikati lill-avukati, lin-nutara, lill-marixxalli maħtura mill-qorti, lill-konsulenti tat-taxxa u lill-awtoritajiet, korpi u entitajiet tal-liġi pubblika bil-faks.

Bħala prova li n-notifika tkun saret, il-konferma tar-riċevuta li tkun ġiet iffirmata u ddatata mid-destinatarju hija biżżejjed. Il-konferma tar-riċevuta tista' tintbagħat lura lill-qorti fuq formula bil-miktub stampata minn qabel, bil-faks jew bħala dokument elettroniku.

In-notifika bl-SMS mhijiex permessa.

7 Notifika "indiretta"

Jekk mhuwiex possibbli li d-dokumenti jiġu nnotifikati lid-destinatarju direttament, tista' tiġi segwita minflok proċedura msejħa "notifika alternattiva".

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

Notifika alternattiva lil "riċevitur alternattiv"

L-ewwel għażla hija notifika alternattiva fir-residenza, fil-post tan-negozju u fl-entitajiet (Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Skont din il-proċedura, in-notifika alternattiva tista' titwettaq jekk il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti mhijiex preżenti fir-residenza tagħha, fil-post tan-negozju u fl-entità li hija residenti fih/a.

In-notifika alternattiva titwettaq bil-konsenja fiżika tad-dokument lil waħda mill-persuni segwenti:

  • Fir-residenza tad-destinatarju: membru familjari adult, persuna impjegata mill-familja jew adult li jgħix b'mod permanenti fid-dar tad-destinatarju
  • Fil-post tan-negozju tad-destinatarju: persuna impjegata hemmhekk
  • F'entitajiet: il-kap tal-entità jew rappreżentant debitament awtorizzat

Madankollu, in-notifika alternattiva fuq il-persuni msemmija aktar 'il fuq mhijiex permessa jekk il-persuna kkonċernata tkun involuta fit-tilwima ġuridika bħala kwerelant kontra l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti.

Notifika alternattiva permezz ta' impostar fil-kaxxa postali

Jekk in-notifika alternattiva fir-residenza jew fil-post tan-negozju ma setgħetx issir, hija possibbli n-notifika alternattiva permezz ta' impostar fil-kaxxa postali (Artikolu 180 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). F'dan il-każ, id-dokument irid jiġi impostat f'kaxxa postali li tappartjeni lir-residenza jew lill-post tan-negozju.

Notifika alternattiva permezz ta' trażmissjoni tad-dokumenti

Jekk mhuwiex possibbli li ssir notifika alternattiva fil-post tar-residenza tad-destinatarju jew li ssir notifika alternattiva permezz tal-impostar fil-kaxxa postali, in-notifika alternattiva tista' issir bit-trażmissjoni tad-dokument lill-qorti (Artikolu 181 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

Id-dokument jista' jiġi trażmess lir-reġistru tal-qorti lokali (Amtsgericht) li għandha ġurisdizzjoni għall-post tan-notifika jew, jekk is-servizz postali ġie fdat bin-notifika tad-dokument, f'post stabbilit mis-servizz postali fil-post tan-notifika jew fil-lokazzjoni tal-qorti lokali.

Notifika bil-miktub ta' tali trażmissjoni trid tintbagħat lid-destinatarju bil-mod standard għall-konsenja ta' ittri regolari. Jekk dan mhuwiex possibbli, in-notifika bil-miktub trid titwaħħal mal-bieb tar-residenza, tal-post tan-negozju jew tal-entità.

Id-dokument trażmess irid jinżamm disponibbli għall-ġbir sa tliet xhur. Jekk dan ikun għadu ma nġabarx sal-aħħar ta' dan il-perjodu, irid jintbagħat lura lill-ispeditur.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Fil-każ ta' notifika alternattiva fir-residenza, fil-post tan-negozju u fl-entitajiet (Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), in-notifika ssir billi d-dokument jiġi kkonsenjat fiżikament lill-persuna alternattiva.

Fil-każ ta' notifika alternattiva bl-impostar fil-kaxxa postali (Artikolu 180 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat minn meta jkun ġie mqiegħed hemmhekk.

Fil-każ ta' notifika alternattiva permezz ta' trażmissjoni tad-dokumenti (Artikolu 181 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili), id-dokument jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat minn meta n-notifika bil-miktub tkun ġiet trażmessa.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Mhux biss id-dokumenti jridu jkunu ġew trażmessi, iżda trid ukoll titħalla notifika fl-indirizz tal-persuna li tkun ġiet innotifikata bid-dokumenti, bl-użu tal-forma indikata u bil-mod standard għall-konsenja ta' ittri regolari. Jekk dan mhuwiex possibbli, din trid titwaħħal mal-bieb tar-residenza, tal-post tan-negozju jew tal-entità.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarju jinsab id-dar iżda jirrifjuta li jaċċetta d-dokument, trid issir distinzjoni bejn ix-xenarji segwenti:

  • Jekk ir-rifjut ikun ġġustifikat, il-proċedura tan-notifika trid tibda mill-ġdid mill-bidu nett. Eżempju ta' rifjut ġustifikat ikun jekk l-indirizz kien żbaljat jew jekk id-destinatarju ma kienx ġie identifikat preċiżament.

Jekk ir-rifjut ma jkunx ġustifikat, id-dokument irid jitħalla fir-residenza jew fil-post tan-negozju. Jekk id-destinatarju ma għandux residenza jew post tan-negozju, id-dokument irid jintbagħat lura lill-ispeditur. Jekk id-dokument li għandu jiġi nnotifikat huwa rrifjutat mingħajr ġustifikazzjoni, id-dokument jitqies xorta waħda li jkun ġie nnotifikat (Artikolu 179 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Skont l-Artikolu RL141.3 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-ittri bil-posta tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, il-firma fuq il-konferma tar-riċevuta tista' tinkiseb ukoll minn persuna oħra li hija awtorizzata li taċċetta konsenja tal-ittri abbażi ta' regolamenti nazzjonali. (Bħala operatur magħżul għat-traffiku postali internazzjonali, Deutsche Post AG tirreferi għal din il-persuna bħala "riċevitur alternattiv" ("Ersatzempfänger"), kif definit mit-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tagħha għall-ittri bil-posta (Allgemeine Geschäftsbedingungen Brief.)) Ir-riċevituri alternattivi jistgħu jkunu l-persuni speċifikati fl-Artikolu 178 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili kif elenkati taħt 7.1 aktar 'il fuq.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Skont l-Artikolu RL 151 tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-ittri bil-posta tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, is-servizz postali jrid iżomm l-ittri lesti għall-ġbir jekk it-tentattiv ta' notifika tad-dokumenti jkun falla. Deutsche Post AG tikkonsenja biss l-ittri reġistrati lid-destinatarju jew lil xi ħadd li jkun ġie awtorizzat mid-destinatarju bil-miktub sabiex jaċċetta l-konsenja.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Skont l-Artikolu 151.5.3 tal-Konvenzjoni tal-Unjoni Postali Universali, il-perjodu ta' kustodja huwa ddefinit bir-regolamenti nazzjonali rispettivi. Madankollu, dan ma jridx jaqbeż perjodu ta' xahar. Ladarba d-destinatarju jkun ġie nnotifikat bl-ittra, Deutsche Post AG iżżommha għal ġimgħa. L-aġent inkarigat mill-konsenja jħalli notifika fil-kaxxa postali tad-destinatarju bid-dettalji tal-fergħa li minnha jistgħu jinġabru l-ittri u kemm idumu disponibbli għall-ġbir.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Iva. Sabiex jiġi pprovat li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati, irid isir rekord tan-notifika fuq formularju stampat minn qabel previst għal dan l-għan u dan għandu jiġi rritornat minnufih lir-reġistru tal-qorti (Artikolu 182 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). Dan ikun fih id-dettalji kollha meħtieġa għall-prova tan-notifika, inkluż b'mod partikolari:

  • L-isem tal-persuna li trid tkun innotifikata bid-dokument
  • L-isem tal-persuna li lilha jkun twassal fiżikament id-dokument
  • Il-post, id-data u – fuq l-ordni tal-qorti – il-ħin tan-notifika
  • Il-kunjom, l-ismijiet u l-firma tal-aġent tal-konsenja u, meta jkun applikabbli, id-dettalji tal-kumpanija kkummissjonata jew l-awtorità rikjesta

Fil-każ ta' notifika wara t-talba tal-partijiet, ir-rekord tan-notifika jrid jintbagħat lill-parti li f'isimha d-dokumenti jkunu ġew innotifikati (Artikolu 193(3) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

F'każijiet ta' notifika alternattiva, japplikaw rekwiżiti speċjali: F'dawn il-każijiet, ir-raġuni għal servizz alternattiv trid dejjem tiġi inkluża fir-rekord ukoll. Fil-każ ta' servizz alternattiv permezz ta' trażmissjoni tad-dokumenti, trid issir nota fuq ir-rekord sabiex tindika kif din it-trażmissjoni ġiet ikkomunikata bil-miktub. Jekk l-aċċettazzjoni tad-dokument tiġi rrifjutata mingħajr ġustifikazzjoni, trid issir nota fuq ir-rekord sabiex jiġi indikat min irrifjuta li jaċċettah u li l-ittra tħalliet fil-post tan-notifika jew li ġiet irritornata lill-ispeditur.

F'xi xenarji legali, ebda rekord tan-notifika ma huwa meħtieġ bħala prova:

  • Meta dokument jiġi nnotifikat billi jiġi trażmess fiżikament fil-bini uffiċjali tal-qorti, nota fuq id-dokument u fil-fajlijiet li tindika li dan ġie nnotifikat u meta dan sar, tikkostitwixxi prova tan-notifika (it-tieni sentenza tal-Artikolu 173 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Meta dokument jiġi nnotifikat lil avukat, konferma tar-riċevuta mingħand l-avukat tikkostitwixxi prova suffiċjenti (Artikolu 174(1) u (4) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Fil-każ ta' notifika b'ittra reġistrata b'talba ta' konferma tar-riċevuta, il-konferma tar-riċevuta tikkostitwixxi prova suffiċjenti (it-tieni sentenza tal-Artikolu 175 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • L-istess japplika meta d-dokumenti huma nnotifikati barra mill-pajjiż bl-użu tal-proċedura "permezz ta' ittra reġistrata, bil-konferma tar-riċevuta" (il-punt 1 tal-Artikolu 183(1), l-ewwel sentenza tas-subartikolu (2) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).
  • Meta d-dokumenti huma nnotifikati barra mill-pajjiż b'assistenza mill-awtoritajiet tal-istat barrani jew il-missjoni tal-konsulat tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (konsularische Vertretung des Bundes) jew l-Uffiċċju Federali għall-Affarijiet Barranin (Auswärtiges Amt), il-konferma mill-awtorità rikjesta tikkostitwixxi prova tan-notifika (il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 183(1), it-tieni sentenza tas-subartikolu (2) tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Bħala prinċipju bażiku, in-notifika tiġi invalidata jekk din tonqos milli taderixxi mal-forma preskritta b'mod legali u b'dan il-mod tikser ir-regolamenti fundamentali.

Il-liġi tippermetti għal eċċezzjonijiet minn dan il-prinċipju li jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tan-notifika, jiġifieri li jiġi pprovat jekk id-destinatarju rċeviex id-dokument li jrid jiġi nnotifikat u, jekk iva, meta.

Jekk mhuwiex possibbli li jiġi pprovat li dokument ġie nnotifikat fil-forma debita jew jekk id-dokument ġie riċevut bi ksur tar-regolamenti obbligatorji li jirregolaw in-notifika ta' dokumenti, id-dokument jitqies li jkun ġie nnotifikat fil-punt li fih id-dokument ġie fil-fatt riċevut mill-persuna li lilha n-notifika kienet jew setgħet tiġi indirizzata legalment (Artikolu 189 tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili). F'dan il-każ, id-difett fin-notifika jiġi rrimedjat. Il-qorti ma għandha ebda setgħat diskrezzjonali fuq ir-rimedji tal-ksur ta' regolamenti għan-notifika. Anki f'każijiet fejn in-notifika tiskatta xi terminu ta' skadenza fiss, jiġifieri skadenza li ma tkunx negozjabbli, xorta jista' ikun hemm rimedju jekk japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq.

Jekk id-destinatarju ma jirċeviex id-dokument tan-notifika, żewġ xenarji differenti huma possibbli:

  • Jekk in-notifika tikser ir-regolamenti fondamentali, ma jista' jkun hemm ebda rimedju. Dan ifisser li l-proċedura tan-notifika hija invalida u trid issir mill-ġdid mill-bidu nett.
  • Jekk in-notifika tkun saret f'konformità mar-regolamenti legali, l-avviż jiġi preżunt li jkun ingħata abbażi tad-dispożizzjonijiet tan-notifika alternattiva. Madankollu, jekk – mingħajr ebda żball tagħha – parti tibqa' ma tkunx konxja li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati, it-treġġiegħ lura tal-istatus quo ante huwa possibbli (Artikolu 230 et seq tal-Kodiċi Ġermaniż tal-Proċedura Ċivili).

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

Trid issir distinzjoni bejn notifika awtomatika u notifika wara talba mingħand il-partijiet.

Fil-kuntest ta' xi proċedimenti, fejn it-tariffi huma bbażati fuq l-ammont ikkontestat, it-tariffa proċedurali tkopri l-ewwel għaxar darbiet li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. Fil-każ ta' dokumenti li jkunu ġew innotifikati sussegwentement u kull meta d-dokumenti jkunu nnotifikati fil-kuntest ta' proċedimenti oħra, jittieħed ħlas ta' darba ta' EUR 3,50 kull darba li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati permezz ta' rekord tan-notifika, permezz ta' ittra reġistrata bit-talba ta' konferma tar-riċevuta jew permezz ta' impjegat tal-qorti. In-notifika wara talba mingħand il-partijiet issir mill-marixxall tal-qorti. Sabiex jirranġa għan-notifika tat-trażmissjoni tad-dokument(i) mis-servizz postali, il-marixxall tal-qorti jirċievi ħlas ta' EUR 3,00. Barra minn dan, l-ispejjeż huma pagabbli sabiex jiġi kopert il-kost tal-fotokopji u ta' affrankament meħtieġa. Jekk dokument ikun ġie fdat lill-marixxall tal-qorti bl-għan li jinnotifikah u dan irid jiġi ċċertifikat, trid titħallas tariffa speċjali li tammonta għal tariffa ta' darba fuq dokument. Din tqum EUR 0,50 għal kull paġina għall-ewwel ħamsin paġna u EUR 0,15 għal kull paġna sussegwenti.

Jekk id-dokument huwa nnotifikat personalment mill-marixxall tal-qorti, it-tariffa tkun ta' EUR 10,00. F'dan il-każ, il-marixxall tal-qorti jrid jitħallas ukoll għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta' bejn EUR 3,25 u EUR 16,25, skont id-distanza li trid tkun koperta sabiex jasal għand id-destinatarju.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna