Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

F'termini prattiċi, "in-notifika tad-dokumenti" hija kunċett legali li teħtieġ illi d-dokumenti fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali jiġu nnotifikati lill-partijiet kollha fil-proċedimenti.

Punti 6, 7, u 8 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Digriet dwar it-Tranżazzjonijiet tal-Uffiċċju (Uredba o uredskom poslovanju) (minn issa 'l quddiem: Id-Digriet), Narodne Novine (NN; Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 7/09 jipprevedu illi dan id-dokument jista' jkun jew sottomissjoni jew att uffiċjali.

- sottomissjoni hija dokument użat mill-partijiet biex jagħtu bidu għal proċedimenti, jissupplimentaw jew jemendaw rikors jew xi talba ġuridika oħra jew biex jieqfu milli jkomplu b'dik it-talba.

L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (NN Nos 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13 u 89/14; minn issa 'l quddiem:' CPA) jipprovdi illi jekk għal xi miżuri partikolari l-liġi ma tispeċifikax f'liema forma għandhom jittieħdu l-partijiet għandhom jieħdu miżuri proċedurali jew bil-kitba barra s-seduta ta' smigħ jew oralment waqt is-seduta.

L-Artikolu 106 tac-CPA jistipula illi s-sottomissjonijiet - ilmenti, tweġibiet għall-ilmenti, rimedji legali u dikjarazzjonijiet oħra, mozzjonijiet u notifiki mogħtija barra l-proċess għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub.

Għalhekk is-sottomissjonijiet huma d-dokumenti maħruġa mill-klijenti u partijiet oħra fil-proċedimenti li jintużaw biex tittieħed azzjoni.

- att huwa dokument maħruġ minn awtorità li tiddeċiedi fuq kwistjoni, twieġeb għal sottomissjoni magħmula minn parti jew tiddertermina, tittermina jew tiffinalizza azzjonijiet uffiċjali u jkollha korrispondenza formali mal-korpi l-oħra jew entitajiet legali b'awtorità pubblika.

In-notifika tad-dokumenti kif imfissra mil-liġi hija l-kompitu ta' awtoritajiet u persuni kompetenti li permezz tagħha d-destinatarji jingħataw aċċess għall-kontenut tad-dokumenti indirizzati lilhom. Dan huwa mportanti għaliex jekk dokument ma jiġix innotifikat lil parti, hija ma tkunx tista' tinstema, u l-każ jikkostitwixxi ksur sostanzjali tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-azzjonijiet legali, u jista' jagħti lok għal rimedju legali straordinarju.

In-notifika ta' lment fuq il-konvenut huwa wkoll rekwiżit neċessarju sabiex jinbdew proċedimenti litiġjużi, u dawn il-proċedimenti jibdew minn meta l-konvenut jiġi notifikat bl-ilment (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 194 CPA).

Għalhekk, japplikaw regoli speċjali għan-notifika ta' dokumenti għaliex hija rekwiżit neċessarju fi proċedimenti litiġjużi ġejja mill-prinċipju tad-dritt tal-partijiet li jinstemgħu; tfisser illi l-partijiet għandhom jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar il-post u l-ħin tal-proċedimenti litiġjużi u l-fatti materjali ta' każ. Barra minn hekk, il-proċedimenti ta' lment ma jistgħux jinbdew jekk l-ilment ma jkunx ġie notifikat lill-konvenut skont ir-regoli applikabbli. In-notifika tad-dokumenti hija mportanti wkoll għaliex f'ċerti każijiet il-preskrizzjoni għall-partijiet biex jieħdu miżuri proċedurali (tweġiba għal ilment, appell) tibda tgħodd min-notifika tad-dokument, jiġifieri matul il-proċedimenti l-qorti trid tittieħed kull azzjoni meħtieġa sabiex id-destinatarji jsiru jafu bil-kontenut tad-dokumenti notifikati lilhom (il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju tal-preżentazzjoni orali u bil-miktub). Dokument jitqies li notifikat kif xieraq biss jekk jiġu osservati r-regoli dwar in-notifika tad-dokumenti.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

L-azzjonijiet legali, l-ordnijiet ta' ġbir, is-sentenzi u deċiżjonijet oħra tal-qorti li jistgħu jiġu appellati separatament u li kontrihom hemm rimedji legali jridu jiġu notifikati fuq il-parti rilevanti personalment; dan japplika wkoll għal dokumenti oħra fejn teħtieġ il-liġi jew fejn qorti tqis li huwa neċessarju li jittieħdu miżuri speċjali kawtelatorji, pereżempju fejn jiġu dokumenti ta' identifikazzjoni oriġinali jew għal xi raġunijiet oħra simili (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 142 tac-CPA).

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

It-titolu 11 tac-CPA jinkludi dispożizzjonijiet li jirregolaw in-notifika tad-dokumenti.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 133 tac-CPA jistabbilixxi l-mod tan-notifika tad-dokumenti, jistipula illi d-dokumenti jridu jiġu notifikati bil-posta jew minn uffiċjali jew impjegat tal-qorti apposta, minn korp amministrattiv kompetenti, minn nutar pubbliku jew direttament mill-qorti, jew alternattivament, bil-posta elettronika skont liġi separata.

L-Artikolu 133a tac-CPA jipprovdi illi wara t-talba ta' parti li tgħid illi hija lesta tħallas l-ispejjeż, il-qorti tista', permezz ta' sentenza li ma tistax tiġi appellata, tordna illi n-notifika tad-dokument issir minn nutar pubbliku. In-nutar pubbliku jista' jiġi sostitwit fil-qadi ta' dan il-kompitu minn nutar pubbliku assessur jew minn nutar pubbliku konsulent jew nutar pubbliku apprendist.

L-Artikolu 133b tac-CPA jipprovdi li, jekk qabel jippreżenta ilment quddiem il-qorti, bi ftehim mar-rikorrent bil-miktub, il-konvenut jaqbel illi ssir in-notifika ta' dokumenti marbuta ma' tilwim li dwarhom jirrigwarda l-ftehim f'indirizz speċifiku fir-Repubblika tal-Kroazja jew permezz ta' persuna speċifika fir-Repubblika tal-Kroazja, l-ilment u dokumenti oħra tal-qorti fil-proċedimenti jiġu notifikati lill-konvenut, fuq mozzjoni tar-rikorrent, f'dak l-indirizz jew lil dik il-persuna. Jekk in-notifika ma tistax issir il-qorti tieħu deċiżjoni fejn tordna illi dokumenti ulterjuri jiġu notifikati lill-konvenut billi jiġu mehmuża fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti.

L-Artikolu 133c tac-CPA jipprovdi illi jekk il-partijiet jaslu għal ftehim dwar dan matul il-proċedimenti, il-qorti tiddeċiedi għalihom li jibgħatu sottomissjonijiet u dokumenti oħra direttament lil xulxin, b'ittra reġistrata u nota għar-ritorn. Jekk xi ħadd fost il-partijiet hija persuna ġuridika jew persuna fiżika b'attività reġistrata, id-dokumenti jistgħu jintbagħtu direttament fl-uffiċċju prinċipali tagħha b'ċertifikat ta' teħid ta' pussess tad-dokument ivverifikat bis-siġill tagħha. F'litigazzjoni fejn iż-żewġ partijiet huma rappreżentati minn avukati jew prosekuturi pubbliċi, il-qorti tista' tordna lir-rappreżentanti tal-partijiet biex jibgħatu s-sottomissjonijiet direttament lil xulxin - bil-posta b'nota għar-ritorn jew li jwassluhom għand xulxin direttament fl-uffiċċju jew fl-uffiċċju tar-reġistru.

L-Artikolu 134a jipprovdi illi n-notifika għandha ssir lil persuna ġuridika li hija reġistrata ma' xi qorti speċifika jew reġistru ieħor fl-indirizz indikat fl-ilment. Jekk in-notifika fl-indirizz mogħti fl-ilment ma ssirx, in-notifika ssir fl-indirizz tas-sede ta' dik il-persuna miktuba fir-reġistru. Jekk in-notifika ma ssirx f'dan l-indirizz l-anqas, issir billi tiġi mehmuża fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti. Dan japplika wkoll għall-persuni fiżiċi li jwettqu ċerti professjonijiet reġistrati (nies tas-snajja', bejjiegħa individwali, nutara pubbliċi, avukati, tobba, eċċ) fejn in-notifika ssir lil dawn il-persuni fir-rigward tal-professjoni tagħhom.

L-Artikolu 134b tas-CPA jipprovdi illi jekk, wara talba ta' persuna speċifika u l-approvazzjoni tal-president tal-qorti, issir in-notifika lilha l-qorti, id-dokumenti indirizzati lilha mill-qorti jiġu mqiegħda f'kaxxa postali f'kamra magħżula mill-qorti għal dan il-għan. In-notifika ssir minn uffiċjal tal-qorti. Il-president tal-qorti jista', permezz ta' sentenza mogħtija f'proċedimenti amministrattivi, tordna illi l-avukati kollha li għandhom uffiċċji ta' reġistri propji u nutara pubbliċi b'uffiċċji prinċipali fit-territorju tal-qorti jridu jirċievu d-dokumenti tal-qorti fil-kaxex postali msemmija.

L-Artikolu 135 tac-CPA jipprovdi illi ċ-ċitazzjonijiet iridu jiġu notifikati lil persunal militari, lill-membri tal-korp tal-pulizija u persuni impjegati fil-qasam tat-trasport fuq l-art, marittimu u bl-ajru permezz tal-kmandant jew superjur tagħhom. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu nnotifikati aktar dokumenti lilhom b'dan il-mod.

L-Artikolu 136 tac-CPA jipprovdi illi meta n-notifika ssir lil persuni jew istituzzjonijiet f'pajjiż barrani jew lil barranin li għandhom id-dritt ta' immunità, hija għandha ssir permezz ta' metodi diplomatiċi, ħlief jekk ipprovdut mod ieħor fi ftehim internazzjonali jew fic-CPA (l-Artikolu 146). Jekk in-notifika ta' dokument trid issir lil ċittadini tar-Repubblika tal-Kroazja f'pajjiż barrani din tista' ssir permezz tar-rappreżentant konsulari jew diplomatiku tar-Repubblika tal-Kroazja li jwettaq kompiti konsulari fil-pajjiż barrani konċernat. Din in-notifika hija valida biss jekk il-persuna li lilha se jiġi nnotifikat id-dokument taċċetta li tirċevih.

L-Artikolu 137 tac-CPA jgħid illi n-notifika lil persuni mċaħħda mil-libertà personali tagħhom trid issir mill-maniġment tal-ħabs, jew faċilità penitenzjarja jew korrettiva.

Il-persuni msemmija fl-Artikoli 141 u 142 tac-CPA (persuna fiżika li ma twettaqx attività professjonali reġistrata u persuna fiżika li twettaq attività professjonali reġistrata, jekk it-tilwima ma għandhiex taqsam ma' dik l-attività) jistgħu f'ċerti każijiet jiġu nnotifikati bid-dokumenti billi dawn jiġu mehmuża fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Jekk l-indirizz tal-persuna li lilha huwa indirizzat id-dokument u jrid jiġi notifikat wara talba ta' awtorità barranija kompetenti safrattant inbidel, u għalhekk id-dokument ma jistax jiġi notifikat, il-Qorti Kroata għandha l-obbligu skont l-Artikolu 143 tac-CPA li tipprova tinnotifika d-dokument fil-post ta' residenza tagħha fil-Kroazja kif indikat mir-rekords tal-Ministeru għall-Affarijiet Interni tar-Repubblika tal-Kroazja.

Sakemm tinġieb prova li tikkonferma li jeżisti interess ġuridiku, tista' ssir talba lill-amministrazzjoni tal-pulizija għal informazzjoni dwar il-residenza permanenti jew temporanja ta' persuna li lilha jridu jiġu notifikati dokumenti minħabba proċedimenti ċivili.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Ir-Reġistru tal-Qorti tal-Entitajiet tan-Negozju fir-Repubblika tal-Kroazja huwa servizz mingħajr ħlas li jagħti aċċess lill-korpi ġudizzjarji barranin u/jew lill-partijiet f'proċedimenti l-qorti biex jiksbu l-informazzjoni kollha li għandhom bżonn dwar kumpaniji Kroati f'dan l-indirizz: https://sudreg.pravosudje.hr/registar/f?p=150:1

L-indirizzi ta' persuni fiżiċi mhumiex disponibbli għall-pubbliku u jistgħu jinkisbu biss mill-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika tal-Kroazja.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Mhemmx regoli fissi fil-liġi Kroata dwar kif il-qrati għandhom jimxu meta japplikaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali. Madankollu huwa ċar illi minn esperjenzi fil-passat il-qrati Kroati jwieġbu kif xieraq u jitrattaw it-talbiet għall-indirizz kurrenti tal-persuna konċernata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Normalment id-dokumenti jiġu notifikati bil-posta jew minn uffiċjal tal-qorti maħtur għal dan il-għan. Il-metodi alternattivi li jistgħu japplikaw huma elenkati fl-Artikoli 133-137 tac-CPA. Dawn jinkludu n-notifika ta' dokumenti permezz ta' korp amministrattiv kompetenti, nutar pubbliku, direttament il-qorti jew inkella b'ittra elettronika skont liġijiet differenti. F'ċerti każijiet id-dokumenti jistgħu jiġu notifikati wkoll permezz tal-pubblikazzjoni fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika tad-dokumenti b'telefonata, faks jew ittra elettronika hija possibbli fil-każijiet stipulati fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 193 tac-CPA u s-seba' paragrafu tal-Artikolu 321 tac-CPA (notifika maħruġa minn qorti tal-appell lil qorti tal-prim'istanza illi appell diġa' ġie deċiż u notifika mill-qorti tal-prim'istanza lil qorti tal-appell dwar l-irtir ta' appell jew deċiżjoni mill-partijiet biex jaslu għal ftehim).

L-Artikolu 495 tac-CPA jipprovdi illi f'każijiet urġenti data għal seduta ta' smigħ tista' tiġi ffissata b'telefonata, telgramm jew ittra elettronika skont liġijiet separati jew b'modi xierqa oħra. Trid issir nota uffiċjali ta' dan jekk ma jkunx hemm prova oħra bil-miktub illi ġiet iffissata seduta.

L-Artikolu 507 jipprovdi illi formoli skont ir-Regolament Nru 861/2007 u talbiet oħra jew dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati fil-forma ta' sottomissjonijiet bil-faks jew ittra elettronika. Il-Ministru responsabbli għall-affarijiet ġudizzjarji jrid joħroġ regoli separati għas-sottomissjoni tal-atti bil-faks jew ittra elettronika u fir-regoli jrid jispeċifika wkoll id-data li minnha jibdew japplikaw. Minħabba l-fatt illi r-regoli msemmija s'issa għadhom ma ħarġux, il-kundizzjonijiet tekniċi biex tintuża din it-tip ta' komunikazzjoni għadhom mhumiex sodisfatti.

Madanakollu, fil-prinċipju l-Artikoli 492a, 492b u 492c jistipulaw il-metodu ta' notifika u r-regoli għan-notifika ta' sottomissjonijiet bil-posta elettronika fi proċedimenti quddiem il-qrati kummerċjali. Jekk iridu jintużaw mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni jeħtieġ illi jinħarġu regoli li jistabbilixxu l-kontenut u l-istruttura tal-forma ta' dawn il-komunikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet li taħthom is-sottomissjonijiet jistgħu jiġu notifikati b'ittra elettronika, ir-rekords li jridu jsiru meta dawn jintbagħtu b'ittra elettronika (is-sura tal-ittra elettronika) u l-organizzazzjoni u l-funzjonalitajiet tas-sistema ta' informazzjoni. Minħabba li r-regoli msemmija s'issa għadhom ma nħarġux, il-prerekwiżiti tekniċi għall-użu ta' dawn il-komunikazzjonijiet għadhom ma daħħlux fis-seħħ.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 tac-CPA jistabbilixxi li fejn dokument għandu jiġi notifikat lil persuna u din il-persuna mhix fl-indirizz stipulat fl-ilment jew fid-dokument, l-uffiċjal li jrid jinnotifika d-dokuemnt irid jikseb informazzjoni dwar id-data u l-post fejn se jkun id-destinatarju f'dak l-indirizz u jista' jħalli avviż bil-miktub lill-persuna stipulata fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 141 tac-CPA li titlob lil dik il-persuna biex tkun id-dar jew fuq il-post tax-xogħol tagħha f'ċerta data u ħin sabiex tirċievi d-dokument. Jekk wara dan l-avviż l-uffiċjal tan-notifika jibqa' ma jistax isib lill-persuna li lilha jridu jiġu notifikati d-dokumenti, huwa jmexxi kif previst fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141 tac-CPA, skont il-metodu ta' notifika tad-dokument.

B'rabta ma' dan, fil-prattika, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-Att dwar is-Servizzi tal-Posta ((NN Nos 144/12 u 153/13) bħala notifika ta' sostituzzjoni. L-Att jipprovdi illi l-konsenji postali, minbarra l-konsenji postali ordinarji, jridu jiġu konsenjati lid-destinatarju, lir-rappreżentant legali tiegħu jew lil persuna awtorizzata b'prokura. B'deroga minn dan, meta pakkett postali ma jistax jintbagħat lill-ebda mill-persuni mniżżla, il-pakkett jista' jingħata lil adult fl-unità domestika, lil persuna impjegata b'mod permanenti fl-unità domestika jew stabbiliment tan-negozju tad-destinatarju jew lil persuna awtorizzata fl-istabbiliment tan-negozju tal-entità legali jew persuna fiżika fejn jaħdem b'mod permanenti d-destinatarju. Jekk il-konsenji ma jistgħux jingħataw bil-metodu deskritt, jitħalla avviż fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju li jindika fejn u meta jista' jiġbor il-konsenja. Normalment il-posta tħalli nota li tindika illi l-konsenja tista' tinġabar fl-uffiċċju speċifiku tal-posta fi żmien ħamest ijiem mid-data li fiha wasslet in-nota. Jekk id-destinatarju ma jiġborx il-konsenja fiż-żmien previst, il-fornitur tas-servizz jirritorna l-konsenja lil min bagħtha.

Bħala metodu tal-aħħar rikors dokument jista' jiġi notifikat fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti (Artikoli 133b, 134a, 134b, 143 u 144 tac-CPA).

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Jekk jintuża metodu ieħor għan-notifika, id-dokumenti jitqiesu li ġew notifikati fil-ġurnata li fiha ngħataw lid-destinatarju jew lil persuna awtorizzata tirċievi d-dokument f'isem id-destinatarju jew, jekk in-notifika saret fuq il-bord tal-bullettini, wara li jiskadu tmint ijiem minn meta d-dokument ġie mehmuż fuq il-bord tal-bullettini.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

L-Artikolu 37 tal-Att dwar is-Servizzi Postali (NN Nos 144/12 u 153/13) jipprovdi illi l-konsenji postali, minbarra konsenji ordinarji, għandhom jaslu għand id-destinatarju personalment, għand ir-rappreżentant legali tiegħu jew persuna li għandha l-awtorizzazzjoni ta' prokura. B'deroga minn dan, meta pakkett postali ma jistax jintbagħat lill-ebda mill-persuni mniżżla, il-pakkett jista' jingħata lil adult fl-unità domestika, lil persuna impjegata b'mod permanenti fl-unità domestika jew stabbiliment tan-negozju tad-destinatarju jew lil persuna awtorizzata fl-istabbiliment tan-negozju tal-entità legali jew persuna fiżika fejn jaħdem b'mod permanenti d-destinatarju. Jekk il-konsenji ma jistgħux jingħataw bil-metodu deskritt, jitħalla avviż fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju li jindika fejn u meta jista' jiġbor il-konsenja. Jekk id-destinatarju ma jiġborx il-konsenja fiż-żmien previst, il-fornitur tas-servizz jirritorna l-konsenja lil min bagħtha.

Jekk, wara talba ta' persuna speċifika u l-approvazzjoni tal-president tal-qorti, issir in-notifika fil-qorti, id-dokumenti indirizzati lilha mill-qorti jiġu mqiegħda f'kaxxa postali f'kamra magħżula mill-qorti għal dan il-għan. In-notifika ssir minn uffiċjal tal-qorti. Il-president tal-qorti jista', permezz ta' sentenza mogħtija f'proċedimenti amministrattivi, jordna illi l-avukati kollha li għandhom uffiċċji tar-reġistru propji u nutara pubbliċi b'uffiċċji prinċipali fit-territorju tal-qorti jridu jirċievu d-dokumenti tal-qorti fil-kaxex postali msemmija fl-(Artikolu 134(b) tac-CPA). F'dawk iċ-ċirkostanzi l-persuni mniżżla huma obbligati jiġbru d-dokumenti fi żmien tmint ijiem. Jekk dokument ma jinġabarx f'dak il-perjodu ta' żmien id-dokument jiġi mehmuż fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti. Dokument jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tat-tmien jum minn meta jkun ġie mehmuż fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarji jirrifjutaw li jiffirmaw in-nota ta' konsenja, min iwassal iċ-ċitazzjoni jniżżel dan il-fatt fuq in-nota tal-konsenja kif ukoll tad-data ta' notifika u d-dokument mbagħad jitqies li ġie notifikat (l-Artikolu 149(3) tac-CPA).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

L-Artikolu 507c jipprovdi illi l-prova tan-notifika tad-dokumenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandha ssir permezz ta' nota ta' ritorn jew dokument ekwivalenti. Dokument li jrid jiġi notifikat jew imwassal minn post fir-Repubblika tal-Kroazja fi ħdan it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jista' jiġi notifikat ukoll permezz ta' ittra reġistrata flimkien ma' nota ta' ritorn.

Ic-CPA ma jistipulax illi n-notifika tad-dokumenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandha ssir lid-destinatarju biss u għalhekk id-dispożizzjonijiet tac-CPA li jirregolaw il-konsenja personali fil-fatt jipprovdu għan-notifika "sostitwita".

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Id-dispożizzjonijiet tac-CPA li jirregolaw metodi ta' "sostituzzjoni" jew alternattivi ta' konsenja personali jistipulaw illi d-dokumenti jistgħu jiġu mehmuża fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti fl-aħħar rikors biex b'hekk in-notifika titqies li saret fir-Repubblika tal-Kroazja.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 tac-CPA jipprovdi illi jekk il-persuna li lilha trid issir in-notifika tad-dokument ma tinstabx fil-post indikat għan-notifika skont l-informazzjoni mogħtija fl-ilment jew rekords uffiċjali, il-persuna li trid twettaq in-notifika trid tiġi infurmata dwar fejn u meta hija tista' ssib lil dik il-persuna. Barra minn hekk, il-persuna li twettaq in-notifika għandha tħalli, ma xi ħadd mill-persuni msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tal-Artikolu 141 tac-CPA, avviż bil-miktub lid-destinatarju li jindika l-ġurnata u s-siegħa meta għandu jkun id-dar jew fuq il-post tax-xogħol biex jirċievi d-dokument. Jekk, wara dan, id-destinatarju jkun għadu ma nstabx, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141 tac-CPA u n-notifika titqies li saret b'mod xieraq.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

L-Artikolu 149 tac-CPA jgħid illi ċ-ċertifikat tan-notifika (in-nota tal-konsenja) jrid jiġi ffirmat mid-destinatarju, li jrid iniżżel id-data li fiha rċieva n-nota ta' konsenja. Jekk id-dokument jiġi notifikat lil korp statali, entità legali jew persuna fiżika li għandha attività ta' negozju reġistrata, id-destinatarju jrid mhux biss jiffirmah iżda juża t-timbru jew siġill uffiċjali ta' dak il-korp jew entità. F'każ illi man-notifika ta' dokument lil korp jew entità dawn tal-aħħar ma jużawx is-siġill jew timbru tagħhom fuqu, il-persuna li qed twettaq in-notifika trid tniżżel ir-raġunijiet fuq in-nota tal-konsenja. Jekk id-destinatarju ma jafx jikteb u jaqra jew ma jistax jiffirma ismu, il-persuna li qed twettaq in-notifika tiktiblu ismu u kunjomu, tniżżel, bl-ittri, id-data tan-notifika u tehmeż nota li tgħid għalfejn mhemmx il-firma tad-destinatarju. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma n-nota ta' konsenja, il-persuna li wasslitu jieħu nota ta' dan fuq in-nota ta' konsenja u jikteb bl-ittri id-data tan-notifika u d-dokument irid jitqies li ġie notifikat. Jekk in-notifika ssir skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 142 CPA in-nota tal-konsenja għandha, flimkien ma' ċertifikat tal-irċevuta tad-dokument tindika illi kien hemm avviż bil-miktub qabel. Meta, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, id-dokument jiġi notifikat lil persuna oħra u mhux lill-persuna li lilha huwa indirizzat id-dokument, dak li jwettaq in-notifika għandu jindika fuq in-nota tal-konsenja it-tip ta' relazzjoni bejn dawk iż-żewġ persuni. Jekk id-dokument mhux se jiġi notifikat lil korp statali jew entità legali min qed iwettaq in-notifika jrid, jekk il-persuna mhix magħrufa lilu, jitlobha tidentifika ruħha. Min iwettaq in-notifika jrid jikteb isem u kunjom il-persuna li lilha twassal id-dokument fuq in-nota ta' konsenja u jindika jekk kienx jafha jew alternattivament jiddikjara n-numru tal-karta tal-identità mogħtija lilu biex jivverifika l-identità tagħha u tal-persuna li pprovdiet id-dokument ta' identifikazzjoni. Persuna li twettaq notifika li mhix nutar pubbliku trid tikteb b'mod li jinftiehem isimha u kunjomha u l-istat soċjali tagħha fuq in-nota ta' konsenja u tiffirmaha wkoll. Jekk ikun meħtieġ, hija tista toħloq rekord separat għan-notifika/konsenja u tehmżu man-nota ta' konsenja. Jekk tkun ġiet imniżżla d-data l-ħażina fuq in-nota ta' konsenja n-notifika titqies li saret fil-jum li fih ġie konsenjat id-dokument. Jekk in-nota ta' konsenja ntilfet in-notifika tista' tiġi ppruvata b'modi oħra.

It-tielet u r-raba' paragrafu tal-Artikolu 133a tac-CPA jipprovdu illi n-nutar pubbliku jrid juri rekords dwar il-wasla tad-dokument u l-miżuri li ttieħdu għan-notifika tad-dokument. In-nutar pubbliku jrid jippreżenta lill-qorti mingħajr dewmien kopja ċertifikata tar-rekord tal-irċevuta tad-dokument li jrid jiġi notifikat u ċertifikat tan-notifika flimkien ma' kopja ċertifikata tar-rekord tan-notifika jew dokument li ma setax jiġi notifikat flimkien ma' kopja ċertifikata tar-rekord tal-miżuri li ttieħdu.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Id-destinatarju jew persuna li lilha jrid jiġi notifikat id-dokument huma awtorizzati jirrifjutaw li jaċċettaw dokument biss jekk in-notifika saret f'ħin jew post jew b'metodu mhux previst mil-liġi. Madankollu, jekk id-destinatarji jew persuni li jridu jirċievu dokument minkejja kollox jirrifjutaw kontra l-liġi jew jekk jarmuh jew jeqirduh qabel ma jaqrawh, dan ir-rifjut ikun mingħajr preġudizzju għall-konsegwenzi legali tad-dokument notifikat (VsSr Gzz 61/73 – ZSO 4/76-140).

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma n-nota ta' konsenja, min iwassal in-notifika iniżżel dan il-fatt fuq in-nota tal-konsenja kif ukoll tad-data ta' notifika u d-dokument mbagħad jitqies li ġie notifikat (l-Artikolu 149(3) tac-CPA).

Meta tiġi rifjutata n-notifika l-aħħar mezz biex issir in-notifika huwa li d-dokument jiġi mehmuż fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti. Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat mal-iskadenza tat-tmien jum minn meta jkun ġie mehmuż fuq il-bord tal-bullettini tal-qorti.

B'rabta man-notifika ta' dokumenti lil terzi persuni għandu jiġi nnutat illi meta d-dokument jingħata lil persuna għajr id-destinatarju, ir-relazzjoni bejniethom trid tiġi indikata fuq in-nota ta' konsenja (il-ħames paragrafu tal-Artikolu 149 CPA). Jekk id-dokument mhux se jiġi notifikat lil korp statali jew entità legali min qed iwettaq in-notifika jrid, jekk il-persuna mhix magħrufa lilu, jitlobha tidentifika ruħha. Min iwettaq in-notifika jrid jikteb isem u kunjom il-persuna li lilha twassal id-dokument fuq in-nota ta' konsenja u jindika jekk kienx jafha jew alternattivament jiddikjara n-numru tal-karta tal-identità mogħtija lilu biex jivverifika l-identità tagħha u tal-persuna li pprovdiet id-dokument ta' identifikazzjoni. Persuna li twettaq notifika li mhix nutar pubbliku trid tikteb b'mod li jinftiehem isimha kunjomha u l-istat soċjali tagħha fuq in-nota ta' konsenja u tiffirmaha wkoll. Jekk ikun meħtieġ, hija tista toħloq rekord separat għan-notifika/konsenja u tehmżu man-nota ta' konsenja. Jekk tkun ġiet imniżżla d-data l-ħażina fuq in-nota ta' konsenja, in-notifika titqies li saret fil-jum li fih ġie konsenjat id-dokument. Jekk in-nota ta' konsenja ntilfet in-notifika tista' tiġi ppruvata b'modi oħra.

Jekk id-dokument ma jiġix notifikat b'diliġenza, u b'hekk jirriżulta dewmien sinifikanti fil-proċedimenti, hija tista' teħel multa mill-qorti.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

L-Artikolu 63 tar-Regolament jipprovdi illi l-ispejjeż tal-konsenja bil-posta jiġu mħallsa minn u jinżamm kont tagħhom skont ir-regoli li jirregolaw is-servizzi tal-posta.

Il-ħames, is-sitt u s-seba' paragrafu tal-Artikolu 133a tac-CPA jipprovdi illi l-partijiet jħallsu għas-servizzi ta' nutar pubbliku billi jħallsu lin-nutar innifsu. In-nutara pubbliċi li ma jirċevux pagament bil-quddiem biex ikopru l-ispiża tas-servizz ma għandhomx għalfejn jinnotifikaw id-dokument. In-nutar pubbliku jipprovdi rekord ta' dan u jinnotifika lill-qorti direttament. Il-partijiet ma għandhomx l-obbligu jħallsu t-tariffi ta' nutar pubbliku għal kull miżura li tittieħed sabiex dokument jiġi notifikat permezz ta' nutar pubbliku. L-ispejjeż ta' notifika permezz ta' nutar pubbliku jiġu nklużi fl-ispejjeż legali jekk il-qorti tqis li huwa meħtieġ. It-tariffi u l-kumpens ta' nutar pubbliku talli pprovda servizz huma regolati mir-Regoli dwar it-tariffi temporanji tan-nutara pubbliċi (NN Nos 97/01 and 115/12).

Il-ħames paragrafu tal-Artikolu 146 tac-CPA jgħid illi l-fondi biex ikopru l-ispejjeż għall-ħatra u l-prestazzjoni ta' rappreżentant tal-konvenut li jkollu d-dmir jirċievi d-dokumenti għandhom jitħallsu bil-quddiem mir-rikorrent skont sentenza tal-qorti li minnha mhemmx appell. Jekk ir-rikorrent ma jħallasx bil-quddiem fiż-żmien previst għal dan il-għan, il-kawża tiġi miċħuda.

B'rabta mal-ispejjeż tan-notifika permezz ta' uffiċjal maħtur mill-qorti, l-ispejjeż assoċjati jitħallsu bil-quddiem f'ammont determinat mill-qorti. Din il-prattika hija prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49 tar-Regoli tal-Qorti tal-Proċedura (NN No 35/15) li jgħidu illi dawk il-miżuri uffiċjali biss jistgħu isiru barra l-bini tal-qorti li huma neċessarji biex tissolva kwistjoni skont il-liġi; l-Artikolu 50 tal-istess Att jipprovdi illi l-irkupru tal-ispejjeż għall-attivitajiet li jsiru barra l-qorti għandu jiġi trattat taħt regoli separati u li dawk l-attivitajiet barra l-qorti li saru u tħallsu minn partijiet skont sentenza tal-qorti jistgħu fil-prinċipju jsiru biss wara li l-parti konċernata tkun iddepożitat l-ammont stipulat tal-ħlas bil-quddiem.

L-aħħar aġġornament: 31/10/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.