Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F'termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali "notifika ta’ dokumenti"? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-"notifika ta' dokumenti"?

In-notifika tad-dokumenti fi proċedimenti ġudizzjarji hija l-metodu stabbilit mill-leġiżlatura biex tinnotifika lill-partijiet u lill-parteċipanti l-oħra fil-proċedimenti ġudizzjarji bl-atti ġudizzjarji bil-miktub.

In-notifika tagħti lill-parteċipanti fil-proċedimenti ġudizzjarji l-opportunità illi jsiru aktar midħla tal-progress li sar f'ħin tajjeb u skont il-liġi, li b'hekk tiggarantixxi illi l-proċedimenti jkunu ġusti u ekwitabbli.

L-għan tan-notifika huwa illi r-destinatarju jiġi nnotifikat bil-proċedimenti pendenti jew tal-inqas jingħata kull garanzija li jiġi nnotifikat. In-natura tan-notifika tad-dokumenti hija għalhekk illi r-destinatarjui jsiru midħla tal-kontenut tad-dokumenti; jekk jagħmlux hekk huwa fid-diskrezzjoni u l-għażla personali tagħhom.

Il-karatteristika ewlenija tan-notifika hija illli min jinnotifika għandu jivverifika l-ħin u l-metodu ta' notifika u l-identità tal-persuna li se tiġi nnotifikata sabiex dik in-notifika tista' titqies li saret kif xieraq mil-lat taċ-ċertezza tad-dritt.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b'mod formali?

  1. Ċitazzjonijiet biex wieħed jitlà l-qorti, li jiġu nnotifikati lill-parteċipanti fil-proċedimenti;
  2. id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, is-sentenzi u l-ordnijiet, li jiġu nnotifikati lill-partijiet fil-proċedimenti, lil partijiet terzi li jieħdu sehem fl-istadju quddiem il-qorti u kull parti terza oħra mitluba mill-qorti biex teżegwixxi l-ordni tagħha;
  3. rikorsi u appelli mill-partijiet, li jiġu nnotifikati lill-parti opposta;
  4. komunikazzjonijiet mill-qorti lill-partijiet fil-proċedimenti;
  5. dokumenti oħra fejn meħtieġa mil-liġi, inkluż in-notifika lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-gvern, u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-persuni li ġejjin, kif imsemmi fl-Artikolu 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, huma kompetenti biex jinnotifikaw komunikazzjonijiet, ċitazzjonijiet u dokumenti oħra:

  • uffiċjali tal-qorti; bailiffs;
  • ħaddiema tal-posta; fejn id-dokumenti jiġu nnotifikati b'ittra reġistrata b'konferma tal-wasla;
  • is-sindku tal-muniċipalitajiet konċernati, u fejn mhemmx istituzzjoni ġudizzjarja fil-lokalità fejn għandha ssir in-notifika;
  • bailiffs privati, b'ordni tal-qorti fuq talba espressa ta' parti minnhom, li f'dan il-każ iġġarrab l-ispejjeż tan-notifika.

4 Tiftix tal-indirizz

4.1 Skont ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, l-awtorità rikjesta f'dan l-Istat Membru tipprova u tistabbilixxi hi bl-inizjattiva tagħha fejn tinsab il-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokumenti ladarba din ma tkunx għadha toqgħod fl-indirizz magħruf mill-awtorità rikjedenti?

Għalkemm mhumiex obbligati espressament bil-liġi, il-qrati Bulgari normalment jagħmlu sforz biex isibu l-indirizz ta' parti fil-proċedimenti billi jwettqu tiftixa fir-Reġistru Kummerċjali jew fil-Bażi tad-Dejta Nazzjonali tal-Popolazzjoni.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f'dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x'reġistri jew servizzi jeżistu u x'inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Ir-Reġistru Kummerċjali huwa pubbliku. Kulħadd għandu dritt għal aċċess ħieles u mingħajr ħlas għad-dejta (pereżempju dettalji dwar in-negozjanti) maħżuna fir-Reġistru Kummerċjali. L-indirizz tan-negozjant jista' jinsab permezz ta' tiftixa fir-reġistru mingħajr ħlas. L-Aġenzija tar-Reġistru tipprovdi aċċess reġistrat, fuq ħlas ta' tariffa statutorja, għall-fajl tan-negozjament u d-dokumenti li jkun hemm fih (pereżempju l-istatut ta' assoċjazzjoni).

Skont l-Artikolu 16d tal-Iskeda dwar it-Tariffi Statutorji Miġbura mill-Aġenzija ta' Reġistrazzjoni, trid titħallas tariffa annwali ta' BGN 100 għall-aċċess għall-bażi tad-dejta tar-Reġistru Kummerċjali kollhu, inkluż l-aġġornamenti.

L-indirizz tas-sit elettroniku tar-Reġistru Kummerċjali huwa http://www.brra.bg

Il-Bażi tad-Dejta Nazzjonali tal-Popolazzjoni (NPD) hija bażi tad-dejta elettronika li tiġbor ir-rekords ta' reġistrazzjoni personali taċ-ċittadini Bulgari kollha. Hija tinkludi wkoll informazzjoni dwar persuni barranin li huma residenti permanenti jew fuq terminu twil fil-Bulgarija u persuni li ngħataw l-istatus ta' refuġjat, l-istatus umanitarju jew tal-ażil fir-Repubblika tal-Bulgarija. Din hija l-akbar bażi dejta kbira tal-Bulgarija, li fiha d-dejta personali tal-persuni fiżiċi (ismijiet, data tat-twelid, numru ta' identifikazzjoni personali (EGN) jew in-numru ta' identifikazzjoni, post tat-twelid, reġistrazzjoni tat-twelid, status familjari u parentela, dokument ta' identità, eċċ). L-NPD hija mantnuta mid-Direttorat-Ġenerali għar-Reġistrazzjoni Ċivili u s-Servizzi Amministrattivi fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Reġjonali u x-Xogħolijiet Pubbliċ).

L-Att dwar ir-Reġistrazzjoni Ċivili (ZGR) jirregola speċifikament il-każijiet fejn id-dejta maħżuna fl-NPD tista' ssir aċċessibbli u jispeċifika l-persuni li jistgħu jingħataw din id-dejta.

1. Dawn huma primarjament il-persuni fiżiċi (ċittadini Bulgari u barranin) li huma kkonċernati bid-dejta u terzi (persuni fiżiċi) li għalihom id-dejta hija importanti minħabba l-okkorrenza, l-eżistenza, l-emendar jew terminazzjoni tad-drittijiet u interessi ġuridiċi tagħhom;

2. L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Gvern ukoll għandhom dritt ta' aċċess skont is-setgħat statutorji tagħhom, jiġifieri fi ħdan is-sfera tal-kompetenzi tagħhom;

3. Persuni ġuridiċi (Bulgari u barranin) ukoll jistgħu jingħataw aċċess għall-bażi tad-dejta, fejn ikun provdut f'liġi speċifika jew att ġudizzjarju (ordni tal-Qorti) jew awtorizzat mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali.

4.3 L-awtoritajiet f'dan l-Istat Membru kif jittrattaw talba mibgħuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali bl-għan li jinstab l-indirizz attwali ta' persuna?

Tapplika l-proċedura standard għall-eżaminazzjoni ta' talba għal ġbir ta' provi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (l-Artikoli 614 sa 618 tal-GPK).

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (ħlief in-notifika indiretta msemmija fil-punt 6 iktar 'l isfel)?

Bosta ċitazzjonijiet u komunikazzjonijiet jiġu nnotifikati mill-uffiċjali tal-qorti u mill-persunal tal-posta tas-servizz ta' konsenja rilevanti.

L-Artikolu 43 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għall-metodi ta' notifiki li ġejjin:

  1. notifika personali;
  2. notifika permezz ta' persuna oħra;
  3. notifika permezz tat-twaħħil ta' avviż ta' notifika fl-indirizz permanenti jew attwali tal-konvenut;
  4. notifika permezz tal-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Istat;
  5. in-notifika lix-xhieda, xhieda esperti jew terzi li mhux parti fil-kawża ssir permezz tad-depożitu ta' komunikazzjoni fil-kaxxa tal-ittri jew bit-twaħħil tan-notifika

In-notifika personali: In-notifika ssir lill-persuna fl-indirizz għan-notifika kif speċifikat fil-każ partikolari. Jekk ir-destinatarju ma jkunx hemm fl-indirizz speċifikat, il-komunikazzjoni tiġi nnotifikata fl-indirizz attwali, u fin-nuqqas, fl-indirizz permanenti (l-Artikolu 38 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-komunikazzjoni tiġi nnotifikata personalment lir-destinatarju, u n-notifika lil rappreżentant titqies ekwivalenti għan-notifika personali skont l-Artikolu 45 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

In-notifika permezz ta' persuna oħra: Din issir meta l-komunikazzjoni ma tistax tiġi notifikata personalment fuq ir-destinatarju u l-persuna l-oħra tagħti l-kunsens tagħha biex tirċeviha hi. Il-persuna l-oħra tista' tkun kull adult mill-familja tar-destinatarju jew li tgħix f'dak l-indirizz, jew ħaddiem, impjegat jew impjegatur f'dak l-indirizz. Il-persuna li permezz tagħha ssir in-notifika tiffirma l-irċevuta u terfa' r-responsabbiltà biex tgħaddi n-notifika lir-destinatarju.

Il-qorti teskludi mill-grupp ta' persuni oħra li jistgħu jirċievu l-komunikazzjoni lil kull min għandu interess fl-eżitu tal-kawża jew li huwa indikat b'mod espliċitu permezz ta' dikjarazzjoni bil-miktub mir-destinatarju.

Skont l-Artikolu 46 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, l-irċevuta tal-komunikazzjoni mill-persuna l-oħra titqies bħala notifika fuq ir-destinatarju.

6 Hija permessa n-notifika elettronika ta' dokumenti (notifika ta' dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta' proċedimenti huwa permess dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta' notifika ta' dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Il-komunikazzjonijiet jistgħu jiġu nnotifikati lil parti f'indirizz elettroniku speċifikat minn dik il-parti. Dawn il-komunikazzjonijiet jitqiesu li ġew notifikati hekk kif jaslu fis-sistema ta' informazzjoni speċifikata (Artikolu 42(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). In-notifika f'indirizz elettroniku tiġi kkonfermata minn kopja tar-rekord elettroniku korrispondent. Mhemmx restrizzjonijiet fir-rigward tat-tip ta' proċedimenti jew kapaċità tal-parti. L-unika restrizzjoni hija illi l-partijiet iridu jipprovdu l-indirizz elettroniku huma stesss, hekk kif imbagħad il-kunsens jitqies li ngħata għal dan it-tip ta' notifika.

7 Notifika "indiretta"

7.1 Il-liġi ta' dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta' notifika fejn ma jkunx possibbli li d-dokumenti jkunu nnotifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b'reklamar)?

In-notifika permezz tat-twaħħil tan-notifika: Skont l-Artikolu 47 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, jekk il-konvenut ma jinstabx fl-indirizz speċifikat għall-każ u ma jkun hemm ħadd aktar li jkun irid jaċċetta l-komunikazzjon, il-persuna li twassal in-notifika twaħħalha mal-bieb ta' barra jew mal-kaxxa tal-ittri tar-destinatarju jew, jekk ma jkunux aċċessibbli, fl-entrata prinċipali tal-bini jew f'post qrib u viżibbli. In-notifika tgħid illi d-dokumenti konċernati jistgħu jinkisbu fi żmien ħmistax minn meta tkun twaħħlet in-notifika. Jekk il-konvenut ma jidhirx biex jirċievi d-dokumenti, il-qorti tordna lir-rikorrent biex jagħti prova tat-tiftixa għall-indirizz reġistrat tal-konvenut. Jekk l-indirizz mogħti mhuwiex l-indirizz permanenti, attwali tal-konvenut, il-qorti tordna illi ssir in-notifika fl-indirizz attwali jew permanenti skont il-proċedura deskritta hawn fuq. Jekk il-persuna li kellha tinnotifika tistabbilixxi illi l-konvenut ma joqgħodx fl-indirizz speċifikat għan-notifika, il-qorti tordna lir-rikorrent biex jagħti prova tat-tiftixa għall-indirizz reġistrat tar-rikorrent, irrispettivament mill-fatt jekk twaħħlitx notifika jew le.

Il-komunikazzjoni titqies li ġiet innotifikata fil-ħin mal-iskadenza taż-żmien previst għaliha. Meta l-imħallef jistabbilixxi illi l-komunikazzjoni ġiet notifikata kif xieraq, huwa jordna illi hija tiġi miżjuda mal-fajl tal-kawża u jaħtar rappreżentant speċjali għall-konvenut bl-ispejjeż għar-rikorrent.

It-twaħħil ta' notifika huwa wkoll il-mod kif jiġu nnotifikati l-komunikazzjonijiet fuq il-partijiet li jassistu.

In-notifika fuq ix-xhieda, ix-xhieda esperti jew terzi li mhux jieħdu sehem fil-kawża ssir permezz tad-depożitu tal-komunikazzjoni fil-kaxxa tal-ittri jew, jekk l-aċċess għaliha ma jkunx possibbli, bit-twaħħil tan-notifika.

In-notifika permezz tal-pubblikazzjoni: In-notifika permezz tal-pubblikazzjoni hija regolata mill-Artikolu 48 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

Jekk, meta jitressaq il-każ, il-konvenut ma jkollux indirizz permanenti jew attwali, ir-rikorrent jista' japplika għan-notifika biex issir permezz tal-pubblikazzjoni fit-taqsima mhux uffiċjali tal-Gazzetta tal-Istat mill-inqas xahar qabel is-seduta ta' smigħ il-qorti. In-notifika tista' ssir hekk biss jekk ir-rikorrent jiċċertifika, permezz ta' dikjarazzjoni ta' tiftixa fir-rekords, illi l-konvenut ma għandux indirizz reġistrat u r-rikorrent jikkonferma dan permezz ta' dikjarazzjoni illi ma jafx bl-indirizz barrani tal-konvenut. Jekk, minkejja l-pubblikazzjoni, il-konvenut jonqos milli jidher il-qorti meta tinstema' l-kawża, il-qorti taħtar rappreżentant speċjali għalih bl-ispejjeż għar-rikorrent.

7.2 Jekk japplikaw metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew innotifikati?

Meta n-notifika ssir permezz tat-twaħħil tan-notifika, il-komunikazzjoni titqies li ġiet notifikata fil-ħin mal-iskadenza taż-żmien previst għaliha.

7.3 Jekk metodu ieħor ta' notifika huwa d-depożitu tad-dokumenti f'post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif ikun infurmat b'dak id-depożitu?

Meta n-notifika ssir bit-twaħħil tan-notifika, fuq id-dokument ta' notifika jkun hemm miktub illi d-dokumenti jistgħu jinġabru fi żmien ġimgħatejn mid-data li fiha tkun twaħħlet in-notifika.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament innotifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati kif xieraq jekk il-proċedura stabbilita għat-twaħħil tan-notifika ġiet osservata u ż-żmien biex jinġabru d-dokumenti jkun għadda. Rifjut tan-notifika ma jitqiesx leġittimu jew le, għaliex il-fattur determinanti huwa l-osservanza tal-proċedura ta' notifika u mhux ir-raġunijiet ta' dik il-parti li taċċetta n-notifika. Jekk il-parti tonqos milli tidher fiż-żmien stabbilit biex tiġbor id-dokumenti u jekk l-imħallef jistabbilixxi illi l-komunikazzoni ġiet notifikata kif xieraq, huwa jordna illi din tiddaħħal fil-fajl tal-kawża u jaħtar rappreżentant speċjali għall-konvenut bl-ispejjeż għar-rikorrent.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki)

8.1 Jekk is-servizz postali jwassal dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f'dan l-Istat Membru f'sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn tal-aċċettazzjoni tal-irċevuta (l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar in-Notifiki), is-servizz postali jista' jħalli d-dokument biss mad-destinatarju stess jew jista', skont ir-regoli nazzjonali tal-posta, iħalli d-dokument ukoll ma' persuna oħra fl-istess indirizz?

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regoli Komuni dwar il-Kundizzjonijiet għall-Konsenja tal-Oġġetti tal-Posta u Pakketti Postali (adottati bid-Deċiżjoni Nru 581 tal-Kummissjoni għar-Regolament tal-Komunikazzjonijiet tas-27 ta' Mejju 2010), il-firma tar-destinatarju hija meħtieġa mal-konsenja tal-oġġetti mibgħuta bil-posta reġistrata, L-oġġetti mibgħuta bil-posta reġistrata jistgħu jintbagħtu lil persuna li hija membru tal-familja, għandha l-età ta' 18-il sena u li tgħix fl-indirizz speċifikat għall-konsenja. Trid tingħata firma u jiġi preżentat dokument tal-identità. L-isem u l-kunjom tal-persuna li aċċettat l-oġġett jiġu mniżżla fir-rekord uffiċjali.

8.2 Skont ir-regoli tal-posta f'dan l-Istat Membru kif tista' ssir in-notifika ta' dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tan-Notifiki Nru 1393/2007, jekk la d-destinarju u lanqas ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-posta – ara fuq) ma jkun instab fl-indirizz fejn tkun intbagħtet?

Jekk l-oġġett postali ma jistax jintbagħat f'dak l-indirizz minħabba l-assenza tar-destinatarju jew ta' persuna oħra li permezz tagħha tista' ssir in-notifika, titħalla notifika formali bil-miktub fil-kaxxa tal-ittri, li titlob lir-destinatarju sabiex imur il-posta u jiġbor l-oġġett saż-żmien stipulat mill-fornitur tas-servizz postali, li ma jistax ikun inqas minn 20 jum u mhux aktar minn 30 jum mid-data tal-wasla fl-uffiċċju tal-posta għall-konsenja. In-numru ta' notifiki formali u l-iskadenza għall-ġbir huma stabbiliti mill-fornituri tas-servizz postali fit-termini u kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt tagħhom mal-utenti; b'mod ġenerali, iridu jintbagħtu mill-inqas żewġ notifiki formali.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għax ma twasslux? Jekk iva, kif ikun infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x'jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Ara t-tweġiba għal 8.2.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie nnotifikat?

Meta ssir in-notifika jkun hemm rikonoxximent tal-wasla mingħand membru rilevanti tal-persunal. Dan iservi bħala prova tan-notifika. Ir-rikonoxximent tal-wasla jrid ikun fih id-dettalji rikjesti li ġejjin li juru illi n-notifika saret kif xieraq:

-          l-isem tal-persuna li lilha hija ndirizzata l-komunikazzjoni;

-          l-isem tal-persuna li lilha ssir in-notifika;

-          il-persuna li qed twettaq in-notifika: uffiċjal tal-qorti, l-impjegat tal-posta jew messaġġier, sindku jew bailiff privat.

Meta n-notifika ssir lil persuna li mhix id-destinatarju, dejjem jiġi speċifikat illi għandha l-obbligu twassal dik il-komunikazzjoni lid-destinatarju.

L-Artikolu 44 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jispeċifika l-metodi li ġejjin sabiex jiġi ċċertifikat illi saret in-notifika:

-          il-persuna li qed twettaq in-notifika tiċċertifika bil-firma tagħha id-data u l-metodu ta' notifika u l-identità tal-persuna li lilha ġiet notifikata l-komunikazzjoni;

-          rifjut tal-komunikazzjoni jrid jiġi mniżżel fuq ir-rikonoxximent tal-irċevuta u ċċertifikat bil-firma tal-persuna li twettaq in-notifika; madankollu n-notifika titqies li saret kif xieraq;

-          notifika bit-telefown jew bil-faks tiġi ċċertifikata bil-miktub mill-persuna li twettaq in-notifika;

-          in-notifika permezz ta' telegramm tiġi ċċertifikat permezz ta' avviż tal-konsenja;

-          in-notifika bit-telex tiġi ċċertifikata permezz ta' konferma bil-miktub li l-komunikazzjoni intbagħtet;

-          notifika bil-posta tiġi ċċertifikata permezz ta' rikonoxximent tal-irċevuta;

-          notifika f'indirizz elettroniku tiġi ċċertifikata permezz ta' kopja tar-rekord elettroniku tan-notifika.

L-irċevuta għall-prestazzjoni tan-notifika trid tiġi magħduda mal-fajl tal-kawża hekk kif tiġi mfassla.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk id-destinatarju ma jirċevix il-komunikazzjoni jew ma jiġix notifikat biha skont kif inhu previst fil-liġi, in-notifika ma tagħtix lok għal konsegwenzi legali. Fejn parti f'kawża ma ġietx imħarrka kif xieraq għas-seduta ta' smigħ, l-Artikolu 46 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jipprovdi għal posponiment tas-seduta u għal ħruġ ta' taħrika ġdida. Il-parti tista', madankollu, tidher personalment u tapplika oralment jew bil-miktub biex tidher quddiem il-qorti, u tiddikjara illi ġiet innotifikata bis-seduta ta' smigħ u tixtieq illi jinstema' l-każ. F'dak il-każ, it-taħrika titqies li ġiet innotifikata kif suppost.

Fejn il-partijiet jiġu nnotifikati kif xieraq iżda l-każ ġie pospost għal raġunijiet ta' provi, mhemmx bżonn li ssir notifika għal taħrika ġdida.

11 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas?

It-tariffi statutorji miġbura mill-qrati fir-Repubblika tal-Bulgarija għall-eżami ta' każ ikopru l-ispejjeż kollha tat-taħrika, fejn ikunu twettqu minn uffiċjal tal-qorti, minn ħaddiem tal-posta jew mis-sindku tal-muniċipalità konċernata.

Fejn parti f'kawża titlob lill-qorti sabiex tordna illi n-notifika ta' komunikazzjoni ssir minn bailiff privat, l-Artikolu 42(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jipprovdi illi dik il-parti għandha terfa' l-ispejjeż tan-notifika.

L-aħħar aġġornament: 08/11/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna