Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Spanja

Din il-paġna tagħti informazzjoni dwar il-prezz tal-proċeduri fi Spanja. Għal analiżi aktar fid-dettall dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti, jekk jogħġbok ikkonsulta dawn l-istudji ta' każijiet: IL-LIĠI TAL-FAMILJA-DIVORZJU IL-LIĠI TAL-FAMILJA-IL-KUSTODJA IL-LIĠI TAL-FAMILJA-IL-MANTENIMENT IL-LIĠI KUMMERĊJALI-IL-KUNTRATTI IL-LIĠI KUMMERĊJALI-IR-RESPONSABBILTÀ

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonisti tal-ġustizzja.

L-Avukati

Fi Spanja teżisti biss kategorija waħda ta' avukati, li jistgħu jieħdu sehem, ladarba jsiru parti mill-Kamra tal-Avukati, f'kull tip ta' proċediment u quddiem kull tip ta' Tribunal.

L-Avukati jiffissaw it-tariffi tagħhom skont linji gwida ppubblikati mill-Kamra tal-Avukati. Dawn isegwu kriterji ġenerali biex jinħareġ il-kont tal-avukat bħall-kumplessità tal-kawża. il-proporzjonalità, eċċ., u huma segwiti mill-avukati kollha meta joħorġu l-kont tagħhom.

Dawn in-normi jagħmlu dejjem distinzjoni skont il-qasam ġuriżdizzjonali li l-kawża tkun taqa' taħtu.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-Artikolu 241(1)(1) tal-Liġi ta' Proċedura Ċivili jkopri espressament it-tariffi tal-avukati f'kawżi fejn l-intervent ta' avukat bħala entrata li għandha tkun inkluża fid-dikjrazzjoni tal-ispejjeż.

Il-Liġi ta' Proċedura Ċivili tistabbilixxi li l-avukati jiffissaw it-tariffi tagħhom suġġetti għan-normi regolatorji tal-professjoni tagħhom.

Fażi tal-proċediment ċivili fejn għandek spejjeż fissi.

Il-klijent huwa dejjem obbligat iħallas it-tariffi tal-avukat tiegħu. Huwa ikollu idea mill-bidu kemm se tiġih imma ladarba tispiċċa l-kawża jkun jaf l-ammont preċiż. L-avukat jista' jesiġi l-ħlas mill-klijent, anke permezz ta' proċedimenti privileġġati bħal ħlas ta' parti mill-kont bil-quddiem (waqt li tkun għaddejja l-kawża) jew b'dikjarazzjoni tal-kontijiet (ladarba tingħalaq il-kawża).

Normalment li jiġri hu li l-klijent iħallas parti mill-kont bil-quddiem u mbagħad jistenna d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż. F'każ fejn l-ispejjeż ikollhom jitħallsu mill-parti l-oħra, l-Avukat u l-Prokuratur jippreżentaw il-kontijiet lill-qorti, u ladarba jiġu approvati jitħallsu mill-parti l-oħra.

Minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi 10/2012 ġiet imposta taxxa tal-qorti.

X'inhi taxxa tal-qorti?

Din hija imposta statali li trid titħallas f'ċerti każijet mill-utenti, kemm persuni fiżiċi u kemm ġuridiċi, biex jużaw is-servizzi tat-Tribunali u s-servizz pubbliku tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. Il-liġi tagħti l-ġestjoni ta' din l-imposta f'idejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika. Il-possibilità li jintalab il-ħlas ta' dawn it-taxxi daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2003, u attwalment hija rregolata mil-Liġi 10/2012 tal-20 ta' Novembru, emendata mil-Liġi b'Digriet Irjali 3/2013, tat-22 ta' Frar, li tirregola ċerti taxxi fl-ambitu tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tal-Istitut Nazzjonali tat-Tossikoloġija u x-Xjenzi Forensiċi.

Kawżi fejn din it-taxxa hija obbligatorja (Att Taxxabbli)

L-Artikolu 1 tal-Liġi 10/2012 jistabbilixxi li t-taxxa għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja f'kawżi ċivili, amministrattivi u industrijali hija imponibbli fit-territorju nazzjonali kollu fiċ-ċirkostanzi stipulati minn din il-Liġi, bla preġudizzju għat-taxxi u imposti oħra li jistgħu jkunu mitluba mill-Komunitajiet Awtonomi fl-eżerċizzju tas-setgħat finanzjarji rispettivi tagħhom li madankollu ma jistgħux jintaxxaw l-istess atti taxxabbli.

Skont l-Artikolu 2, l-att taxxabbli huwa l-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja li tkun ġejja mill-eżerċizzju tal-passi proċedurali li ġejjin:

  • Rikors fi kwalunkwe tip ta' proċediment dikjaratorju u l-eżekuzzjoni ta' titoli eżekuttivi ekstraġudizzjarji fil-qasam ġuriżdizzjonali ċivili, it-tressiq ta' kontrotalba u r-rikors inizjali għall-proċedura għal ordni ta' ħlas u l-proċedura Ewropea għal ordni ta' ħlas.
  • Rikors għal insolvenza obbligatorja u talbiet inċidentali fi proċedimenti ta' falliment.
  • It-tressiq ta' appell amministrattiv.
  • It-tressiq ta' appell straordinarju għal infrazzjoni proċedurali fl-ambitu ċivili.
  • It-tressiq ta' appell (apelación jew casación) kontra sentenzi fil-qasam ċivili jew amministrattiv.
  • It-tressiq ta' appell (suplicación jew casación) kontra sentenzi fil-qasam industrijali.
  • Oġġezzjoni għall-eżekuzzjoni ta' titoli ġudizzjarji.

Min hu obbligat iħallas it-taxxa ġudizzjarja?

L-Artikolu 3 jindika li t-taxxa trid titħallas minn min jiftaħ il-kawża li tipproduċi l-att taxxabbli.

Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, jitqies li seħħ att taxxabbli wieħed biss meta d-dokument li jwassal għall-pass proċedurali li jikkostitwixxi att taxxabbli jkopri bosta azzjonijiet ewlenin li ma joriġinawx mill-istess titolu. F'dak il-każ, l-ammont tat-taxxa jiġi kkalkulat billi l-ammonti għal kull waħda mill-azzjonijiet konġunti jingħaddu flimkien.

Il-ħlas tat-taxxa jista' jsir mir-rappreżentant proċedurali jew avukat f'isem il-persuna suġġetta li tħallas, speċjalment meta din ma tkunx tirrisjedi fi Spanja u mingħajr ma jkollha tikseb numru ta' identifikazzjoni fiskali għall-awtovalutazzjoni tat-taxxa. Il-prokuratur jew l-avukat ma jkollhomx responsabilità ta' kontribut minħabba dan il-ħlas.

Eżenzjonijiet:

  • Eżenzjonijiet skont l-azzjoni:
    • Rikors għal talba jew appell fir-rigward ta' proċedimenti dwar kapaċità, filjazzjoni, żwieġ u minuri koperti mit-Titolu 1 tal-Ktieb IV tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Madankollu, proċedimenti koperti mill-Kapitolu IV tat-Titolu u l-Ktieb msemmija hawn fuq tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili li ma jinfetħux bi qbil reċiproku jew minn waħda mill-partijiet għall-ftehim bi qbil mal-oħra, anke fejn ikunu involuti minuri (sakemm il-miżuri mitluba ma jkunux jikkonċernaw minuri biss) huma taxxabbli.
    • Rikors għal talba jew appell li jinvolvi proċedimenti speċifikament stabbiliti biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi kif ukolla azzjonijiet kontra l-imġiba tal-Amministrazzjoni elettorali.
    • Rikros għal insolvenza volontarja mid-debitur.
    • Appell amministrattiv minn uffiċjali pubbliċi biex jiddefendu d-drittijiet statutorji tagħhom.
    • Rikors għall-ftuħ ta' proċediment għall-ordni ta' ħlas u t-talba għal sentenza biex jintalab l-ammont pretiż meta dan ma jkunx jaqbeż l-elfejn euro. Din l-eżenzjoni ma tapplikax meta l-pretensjoni f'dawn il-proċeduri tkun ibbażata fuq dokument li jieħu l-forma ta' titolu eżekuttiv ekstraġudizzjarju konformi mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 517 tal-Liġi 1/2000 tas-7 ta' Jannar, dwar il-Proċedura Ċivili.
    • Appelli amministrattivi fejn l-appell ikun kontra nuqqas ta' risposta jew azzjoni mill-Amministrazzjoni.
    • Rikors għal talba ta' eżekuzzjoni ta' pretensjonijiet deċiżi mill-Bordijiet ta' Arbitraġġ tal-Konsumaturi.
    • Azzjonijiet li, bil-kundizzjoni ta' awtorizzazzjoni mill-Qorti Kummerċjali, jinġiebu mill-amministraturi tal-insolvenza fl-interess tal-patrimonju insolventi.
    • Il-proċedimenti għall-partizzjoni ġudizzjarja tal-patrimonji, ħlief f'każ li jkun hemm oġġezzjoni jew ikun hemm tilwima dwar l-inklużjoni u l-esklużjoni tal-assi, it-taxxa titħallas għas-smigħ tal-kawża u għall-ammont ikkontestat jew l-ammont li jiġi mill-kontestazzjoni tal-għoti tal-patrimonju lill-parti avversarja, u jekk it-tnejn li huma joġġezzjonaw kull wieħed minnhom iħallas l-ammont rispettiv tiegħu.
  • Eżenzjonijiet skont il-persuna:
    • Persuni intitolati għall-għajnuna legali u li kien ippruvat li jissodisfaw ir-rekwiżiti statutorji.
    • Il-Prosekutur Pubbliku.
    • L-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Istat u tal-Komunitajiet Awtonomi, l-awtoritajiet lokali u l-korpi pubbliċi kollha taħt l-awtorità tagħhom.
    • Il-Parlament u l-Assemblej Leġiżlattivi tal-Komunitajiet Awtonomi.

Fl-aħħar nett, fil-qasam industrijali, il-ħaddiema, kemm impjegati u kemm impjegati għal rashom, huma intitolati għal eżenzjoni ta' 60% tal-ammont tat-taxxa li trid titħallas biex iressqu appell. Fil-qasam amministrattiv, l-impjegati pubbliċi li jkunu qed jaġixxu biex jiddefendu d-drittijiet statutorji tagħhom igawdu minn eżenzjoni ta' 60% tal-ammont tat-taxxa li trid titħallas biex iressqu appell.

Spejjeż fissi fi proċeduri kriminali.

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali.

Dan is-suġġett hu rregolat mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

Kull persuna mixlija b’reat punibbli tista teżerċita d-dritt għal difiża, waqt li taġixxi matul il-proċediment, ikun xi jkun, minn meta tkun infurmata bl-eżistenza tiegħu, kemm jekk tkun suġġetta għal arrest jew kwalunkwe miżura kawtelatorja oħra jew li tkun se tiġi proċessata, li minħabba f'hekk tkun infurmata b’dan id-dritt.

Biex jeżerċitaw id-dritt konċess lilhom, il-partijiet ikkonċernati jridu jkunu rrappreżentati minn Prokuratur u difiżi minn Avukat, li jinħatar mill-qorti nnifisha meta l-partijiet ikkonċernati ma jkunux qabbdu wieħed huma stess u jitolbu dan, u f'kull każ, meta ma jkollhom l-ebda kompetenza legali biex jivverifikaw dan.

Persuni li jkunu partijiet f’kawża, fejn id-dritt għall-għajnuna legali ma jkunx ġie rikonoxxut, ikunu obbligati li jħallsu t-tariffi tal-prokuraturi li jirrappreżentawhom, tal-avukati li jiddefenduhom, tal-esperti li jinfurmaw fuq talba tagħhom u l-kumpens għax-xhieda li jistgħu jidhru fil-qorti, fejn l-esperti u x-xhieda, minħabba l-fatt li jixhdu, ikunu ressqu t-talba tagħhom u l-Imħallef jew il-Qorti jippermettu dik it-talba.

Huma m’għandhomx ikunu obbligati jħallsu l-ispejjeż l-oħra tal-proċedimenti la waqt il-kawża u lanqas wara, sakemm ma jkunux ikkundannati jagħmlu dan.

Il-prokuratur, mqabbad mill-partijiet f’kawża, li jkun aċċetta li jirrappreżentanzahom ikun obbligat li jħallas it-tariffi lill-Avukati li l-klijenti jkunu qabbdu għad-difiża tagħhom.

Il-partijiet li kellhom id-dritt tagħhom għall-għajnuna legali rikonoxxut ikunu jistgħu jqabbdu avukat u prokuratur tal-għażla tagħhom; madankollu, f’dan il-każ huma jkunu obbligati jħallsu t-tariffi tagħhom, kif ipprovdut għal kwalunkwe parti li ma kellhiex dak id-dritt rikonoxxut, sakemm il-professjonisti legali magħżula b’mod liberu ma jirrinunzjawx għall-ġbir tat-tariffi kif stipulat fl-Artikolu 27 tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali.

Fażi tal-proċediment krimnali fejn għandek spejjeż fissi

Klijent dejjem ikun obbligat iħallas il-kont li jinħareġ malli jintemm il-proċess. Ma jsir l-ebda ħlas ta’ flus bil-quddiem f'każ ta' avukati maħtura mill-qorti minħabba li l-għajnuna legali ġeneralment tiġi pproċessata fl-istess ħin.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-avukati maħtura mill-qorti jintużaw ħafna. Għaldaqstant, meta d-dritt tal-klijent għall-għajnuna legali jiġi rikonoxxut, huwa m’għandux iħallas il-kont tal-avukat peress li jħallsu l-Istat sakemm il-qagħda finanzjarja tal-klijent ma titjiebx fi żmien tliet snin (ħafna drabi huma ma jħallsu xejn).

Informazzjoni li trid tiġi pprovduta mir-rappreżentanti legali

Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet

Bħala r-rappreżentant tal-parti, il-prokuratur ikollu d-dmir li jinforma lill-klijent dwar il-proċeduri kollha li jsiru.

Kemm l-avukat kif ukoll il-prokuratur għandhom id-dmir li jinfurmaw lill-klijent kull meta jkunu meħtieġa li jagħmlu dan.

Spejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispejjeż fi Spanja?

M’hemmx paġna speċifika fejn tista’ ssib informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-proċedimenti ġudizzjarji fi Spanja. Madankollu, jeżistu paġni fuq l-internet, bħal dawk tal-Kamra tal-Avukati, li jipprovdu informazzjoni dwar it-tariffi tal-membri tagħhom.

B’liema lingwi tista’ tinkiseb l-informazzjoni dwar l-ispejjeż fi Spanja?

L-informazzjoni pprovduta ġeneralment tkun bl-Ispanjol. Huwa possibbli wkoll li ssib informazzjoni bil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Awtonomi.

Barra minn hekk, xi paġni jipprovdu ċerta informazzjoni bl-Ingliż.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Ara l-informazzjoni relatata mal-Medjazzjoni fi Spanja u Kif issib medjatur fi Spanja.

It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

L-Aġenzija tat-Taxxa Spanjola toffri din l-informazzjoni fil-Paġna fuq l-internet tagħha.

Liema tariffi japplikaw?

L-Aġenzija tat-Taxxa Spanjola toffri din l-informazzjoni fil-Paġna fuq l-internet tagħha.

L-Għajnuna Legali

Xi tkun?

L-Għajnuna Legali hija proċedura fejn, bl-implimentazzjoni tal-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni Spanjola, dawk li jistgħu juru nuqqas ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti jingħataw sensiela ta’ benefiċċji li jikkonsistu prinċipalment mill-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-Avukati u tal-Prokuraturi u mill-ispejjeż li jirriżultaw mix-xhieda tal-esperti, garanziji, eċċ.

B’mod ġenerali, id-dritt għall-għajnuna legali jkopri l-prestazzjonijiet li ġejjin:

Parir u gwida b’xejn qabel ma jibda il-proċess.

Aċċess għal Avukat lill-persuna detenuta jew arrestata.

Difiża u rappreżentanza b’xejn minn Avukat u Prokuratur matul il-proċedimenti ġudizzjarji.

Pubblikazzjoni b’xejn ta’ avviżi u editti matul il-proċess, li jridu jiġu ppubblikati fil-gazzetti uffiċjali.

Eżenzjoni mill-ħlas ta’ depożiti għall-preżentazzjoni ta’ appelli.

Assistenza b’xejn minn esperti matul il-proċess.

Ksib b’xejn ta’ kopji, xhieda, strumenti u atti notarili.

Tnaqqis ta’ 80% fit-tariffi korrispondenti għal ċerti servizzi notarili.

Tnaqqis ta’ 80% fit-tariffi korrispondenti għal ċerti azzjonijiet imwettqa b’rabta mar-Reġistru tal-Artijiet u r-Reġistru Kummerċjali.

Għat-tilwim transfruntier biss jiżdiedu d-drittijiet li ġejjin mad-drittijiet imsemmija hawn fuq (wara r-riforma tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali permezz tal-Liġi 16/2005, tat-18 ta’ Lulju, li implimentat id-Direttiva 2002/8/KE):

  1. Servizzi ta’ Interpretazzjoni.
  2. Traduzzjoni ta’ Dokumenti.
  3. Spejjeż tal-ivvjaġġar meta l-persuna jkollha tidher personalment.
  4. Difiża minn avukat u rappreżentanza minn prokuratur anki fejn ma jkunx meħtieġ, biex tkun garantita l-ugwaljanza tal-partijiet, jekk il-qorti tiddeċiedi hekk.

Min jista’ jitlobha?

B’mod ġenerali, tista’ tintalab minn kwalunkwe ċittadin li jkun involut fi proċediment ġudizzjarju jew li jkun se jibda wieħed, u li ma jkollux mezzi finanzjarji suffiċenti biex jieħu sehem fil-kawża.

Jitqies li jeżisti nuqqas ta’ mezzi finanzjarji meta persuna fiżika tkun tista’ turi li r-riżorsi u d-dħul tagħha, ikkalkulati kull sena fuq il-bażi tal-kunċetti kollha u għal kull unità ta’ familja, ma jaqbżux id-doppju tal-Indiċi Pubbliku tad-Dħul għal Aktar minn Skop Wieħed (IPREM), li jkun fis-seħħ fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni.

Biex persuni ġuridiċi jiksbu d-dritt għal din l-għajnuna, l-ammont taxxabbli tagħhom għat-Taxxa Korporattiva jrid ikun iżjed baxx mill-ammont ekwivalenti għal tliet darbiet il-kalkolu annwali tal-IPREM.

Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu kkunsidrati sinjali esterni oħra li juru l-kapaċità finanzjarja reali tal-applikant.

Hemm eċċezzjonijiet għall-persuni fiżiċi bbażati fuq diżabilitajiet u/jew ċirkustanzi familjari oħra li jippermettu li jinqabżu l-limiti tad-dħul imsemmija qabel. (Skont it-termini tat-tmienja u għoxrin Dispożizzjoni Addizzjonali tal-LPGE għall-2009, matul is-sena 2009 l-IPREM kien EUR 7 381,33 fis-sena).

B’mod speċifiku, dawn li ġejjin huma intitolati għall-għajnuna legali:

  1. Ċittadini Spanjoli, ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea jew l-barranin residenti fi Spanja, meta dawn ikunu jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti biex jieħdu sehem f'kawża.
  2. Entitajiet ta’ Ġestjoni u Servizzi Komuni tas-Sigurtà Soċjali.
  3. Il-persuni ġuridiċi li ġejjin, meta jkunu jistgħu juru li ma għandhomx mezzi suffiċjenti biex jieħdu sehem f'kawża:

Organizzazzjonijiet bla skop ta' qligħ.

Fondazzjonijiet irreġistrati fir-Reġistru Amministrattiv Korrispondenti.

  1. Fil-qasam ġuriżdizzjonali industrijali: il-ħaddiema u l-benefiċjarji kollha tas-sistema tas-Sigurtà Soċjali.
  2. Fil-qasam ġuriżdizzjonali kriminali: iċ-ċittadini kollha, anki barranin, li jistgħu juru li m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex jieħdu sehem f'kawża, anke meta dawn ma jkunux jgħixu legalment fit-territorju Spanjol, huma intitolati għall-għajnuna legali u difiża u rappreżentanza mingħajr ħlas.
  3. Fil-qasam ġuriżdizzjonali amministrattiv: iċ-ċittadini barranin lli m'għandhomx mezzi suffiċjenti biex jieħdu sehem f'kawża, anke meta dawn ma jkunux jgħixu legalment fit-territorju Spanjol, huma intitolati għall-għajnuna legali fil-kawżi kollha relatati mal-applikazzjoni tagħhom għall-ażil u l-Liġi dwar l-Istranġieri (inklużi l-proċeduri amministrattivi preliminari).

Aktar tagħrif

Rekwiżiti biex tapplika għall-benefiċċji tal-għajnuna legali

Persuni fiżiċi:

Meta r-riżorsi u d-dħul finanzjarju tagħhom, ikkalkulati kull sena fuq il-bażi tal-kunċetti kollha u għal kull unità familjari, ma jkunux jaqbżu d-doppju tal-IPREM, li jkun fis-seħħ fiż-żmien li ssir l-applikazzjoni.

Meta l-Kummissjoni tal-Għajnuna Legali b'eċċezzjoni tiddeċiedi li tagħti d-dritt ta' għajnuna legali meta r-riżorsi jkunu jaqbżu d-doppju tal-IPREM imma ma jaqbżux l-IPREM għal erba' darbiet u, abbażi taċ-ċirkostanzi tal-familja, l-għadd ta' tfal jew membri familjari dipendenti, l-istat tas-saħħa, id-diżabilità, l-obbligi finanzjarji, l-ispejjez biex tiftaħ kawża jew ċirkostanzi oħrajn tal-applikant u f'kull każ meta l-applikant ikollu l-istatus ta' axxendent ta' familja numeruża ta' kategorija speċjali.

Meta l-kawża ssir biex dik il-parti tiddefendi d-drittijiet u l-interessi tagħha.

Persuni ġuridiċi:

Meta dawn ikunu Organizzazzjonijiet bla Skop ta' Qligħ jew Fondazzjonijiet irreġistrati fir-Reġistru Amministrattiv korrispondenti.

Meta l-ammont taxxabbli tagħhom għat-Taxxa Korporattiva jkun inqas mill-ammont ekwivalenti għat-triplu tal-kalkolu annwali tal-IPREM.

Bid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Organika 1/2004 għall-Protezzjoni Integrali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, in-nisa li jkunu vittmi ta’ din it-tip ta' vjolenza jingħataw għajnuna legali sħiħa mill-ewwel, mhux biss fil-proċessi ġudizzjarji kollha iżda wkoll fil-proċedimenti amministrattivi (inklużi għalhek l-inkjesti tal-pulizija) ibbażati fuq il-vjolenza fuq in-nisa, sakemm tingħata xi sentenza, mingħajr ma jkunu meħtieġa li japplikaw għall-għajnuna legali minn qabel. Dan ifisser li l-inċidenza tal-għajnuna legali ma xxekkel qatt id-dritt għad-difiża u għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li għandha tiġi offruta lill-vittma irrispettivament minn jekk tkunx ressqet applikazzjoni għall-għajnuna legali. Dan madankollu jkun bil-kundizzjoni li din l-għajnuna legali tingħata biss fejn il-parti kkonċernata tista’ turi, "a posteriori" jew matul il-proċedimenti ġudizzjarji, li fil-fatt jeżistu ċ-ċirkustanzi għad-dritt li tingħata l-għajnuna legali, kif meħtieġ mir-regoli ġenerali inkorporati fil-Liġi dwar l-Għajnuna Legali u r-Regolament tagħha, emendati għal dan l-għan mis-Sitt Dispożizzjoni Finali tal-Liġi Organika 1/2004, tat-28 ta’ Diċembru, għall-Protezzjoni Integrali kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa.

Meta trid tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri l-parti telliefa?

Fi kwistjonijiet ċivili, il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tittratta l-ordni biex jitħallsu l-ispejjeż fl-Artikoli 394 sa 398.

F’azzjonijiet dikjaratorji, l-ispejjeż tal-ewwel istanza għandhom jiġu imposti fuq il-parti li jkollha l-pretensjonijiet tagħha kollha miċħuda, sakemm it-tribunal ma jħossx, u jargumenta hekk, li l-każ kien jippreżenta dubji serji fuq il-fatti jew fuq punti tal-liġi.

Meta l-pretensjonijiet ikunu permessi jew imwarrba b’mod parzjali, kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż komuni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex jiġu imposti fuq waħda mill-partijiet minħabba litigazzjoni traskurata.

Meta l-ispejjeż jiġu imposti fuq il-parti telliefa, hija tkun obbligata tħallas biss, għall-parti li tikkorrispondi ma’ avukati u professjonisti legali oħra li ma jkunux suġġetti għal ħlasijiet u tariffi, ammont totali ta’ mhux iżjed minn terz tal-ammont tal-proċess, għal kull wieħed mill-partijiet li jkunu rebħu dik id-deċiżjoni; għal dawn ir-raġunijiet biss, il-pretensjonijiet mhux stimabbli għandhom jiġu vvalutati għal EUR 18 000 sakemm, minħabba l-kumplessità tal-kawża, it-tribunal ma jiddeċidix mod ieħor.

Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu preċedenti ma japplikawx meta l-qorti tiddikjara li l-parti li tkun ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż tkun aġixxiet b’mod traskurat.

Meta l-parti ordnata biex tħallas l-ispejjeż tibbenefika mid-dritt għall-għajnuna legali, hija għandha tkun obbligata tħallas biss l-ispejjeż ikkawżati mid-difiża tal-parti avversarja fil-każijiet indikati speċifikament fil-Liġi dwar l-Għajnuna Legali.

Fl-ebda ċirkustanza m’għandhom jiġu imposti spejjeż fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fi proċeduri li jkun parti fihom.

Spejjeż tal-esperti

L-esperti li jintużaw fil-qorti jissejħu "peritos". F’kull Tribunal Superjuri tal-Ġustizzja hemm Reġistru tal-Esperti Ġudizzjarji.

L-Artikolu 241(1)(4) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jkopri, bħala intestatura speċifika li għandha tiġi inkluża meta jiġi kkalkulat il-prezz, it-“tariffi tal-esperti u ħlasijiet oħra li jista’ jkun li jridu jitħallsu lil persuni li jintervjenu fil-proċess”. Huwa jirreferi għal spejjeż ikkawżati minn persuni li, għalkemm ma jkunux parti fil-proċess, jagħmlu xi spejjeż minħabba li jkunu preżenti biex jipprovdu servizz.

L-Artikolu 243 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jistipula li f'kull tip ta' proċess u azzjoni, l-ispejjeż jiġu kkalkulati mill-Iskrivan tat-Tribunal li jkun familjari mal-proċess jew l-appell. Kull tariffa li tikkorrispondi għal ċitazzjonijiet u dokumenti li jkunu inutli, żejda jew mhux awtorizzati mil-liġi, jew elementi fil-kont tal-avukati li ma jkunux espressi fid-dettall jew li jirreferu għal tariffi li ma jkunux iġġarrbu fil-kawża, ma jiġux inklużi fil-kalkolu.

L-Iskrivan tal-Qorti jnaqqas l-ammont tal-ħlasijiet tal-avukati u ta’ professjonisti legali oħra li ma jkunux suġġetti għal rati jew tariffi, fejn il-ħlasijiet mitluba jaqbżu terz tal-ammont tal-proċess u fejn ma tkun ġiet iddikjarata l-ebda traskuraġni mill-parti li tkun ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż.

Lanqas ma għandhom jiġu inklużi l-ispejjeż ta’ azzjonijiet jew kwistjonijiet li l-parti rebbieħa tkun ġiet ordnata speċifikament li tħallas bid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-kwistjoni prinċipali.

It-tariffi tal-interpreti u tat-tradutturi

Hemm tariffa uffiċjali li tapplika għat-traduzzjonijiet u l-interpretazzjonijiet ġuramentati. L-interpreti ġuramentati huma liberi li jistabbilixxu t-tariffi li għandhom jirċievu għat-traduzzjonijiet tagħhom, iżda huma obbligati javżaw lill-uffiċċju għall-interpretazzjoni tal-lingwi u lis-sottodelegazzjoni Governattiva korrispondenti bit-tariffi applikati. Din l-informazzjoni trid tkun ikkomunikata f’Jannar ta’ kull sena.

Ħoloq relatati

Aġenzija Statali Spanjola għall-Amministrazzjoni tat-Taxxi/VAT

Dokumenti relatati

Rapport ta' Spanja dwar l-Istudju tat-Trasparenza tal-Ispejjeż PDF (640 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 08/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna