Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Ġermanja

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż legali fil-Ġermanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Il-liġi tal-familja — id-divorzju

Il-liġi tal-familja — il-kustodja tat-tfal

Il-liġi tal-familja — il-manteniment

Id-dritt kummerċjali — il-kuntratti

Id-dritt kummerċjali — ir-responsabbiltà

Qafas regolatorju li jirregola t-tariffi tal-professjonijiet legali

L-avukati

Il-Ġermanja għandha professjoni waħda ta’ “avukat” (Rechtsanwalt) u ma tagħmilx distinzjoni bejn avukati, solicitors, barristers u advocates.

Fil-Ġermanja, l-onorarji tal-avukati jiġu imposti skont l-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati (Rechtsanwaltsvergütungsgesetz) (RVG) jew inkella abbażi ta’ ftehimiet dwar l-onorarji. Fil-prinċipju, il-ftehimiet dwar l-onorarji huma dejjem possibbli bħala alternattiva għall-imposti statutorji. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 49b tal-Kodiċi Federali tal-Avukati (Bundesrechtsanwaltsordnung) (BRAO) u l-Artikoli 3a sa 4b tal-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati jridu jiġu rrispettati. B’mod partikolari, jekk l-avukat jirrappreżenta lill-klijent fil-qorti, l-onorarji miftiehma ma jistgħux ikunu inqas minn dawk stipulati mil-liġi. Remunerazzjoni ogħla minn dik preskritta mil-liġi tista’ tiġi miftiehma fi kwalunkwe mument.

L-iskeda ta’ remunerazzjoni mehmuża mal-RVG (l-Anness 1 tal-RVG) tistabbilixxi onorarji fissi jew inkella firxiet ta’ onorarji applikabbli għall-attivitajiet individwali. Il-livell tal-onorarji normalment jiġi ddeterminat b’referenza għall-valur tat-talba. Il-firxiet ta’ onorarji bbażati fuq il-valur tat-talba jistipulaw ir-rati massimi u minimi tal-onorarji pagabbli. Il-livelli attwali tal-onorarji bbażati fuq il-valur tat-talba huma stabbiliti fit-tabella tal-onorarji (l-Anness 2 tal-RVG). F’kull każ, l-onorarji xierqa mill-firxa stabbilita jridu jiġu ddeterminati ex aequo et bono, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha, b’mod partikolari l-ambitu u d-diffikultà tax-xogħol involut, l-importanza tal-kawża u l-introjtu u ċ-ċirkostanzi finanzjarji tal-klijent. Jekk l-avukat iġarrab riskju partikolari ta’ responsabbiltà, dan jista’ jitqies ukoll fil-valutazzjoni tal-onorarji tiegħu. Firxiet ta’ onorarji b’ammonti massimi u minimi statutorji japplikaw f’għadd ta’ oqsma speċjali, b’mod partikolari kawżi kriminali u materji tad-dritt soċjali.

Uffiċjali ġudizzjarji

L-uffiċjali ġudizzjarji (Gerichtsvollzieher) jimponu biss it-tariffi stipulati fl-Att dwar it-Tariffi tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Gerichtsvollzieherkostengesetz) (GvKostG). Tiġi stabbilita tariffa fissa għal kull attività individwali mwettqa mill-uffiċjal ġudizzjarju.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fil-proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti ċivili

Normalment, il-qorti tirċievi tariffa tal-qorti, ikkalkulata skont il-valur tat-talba. F’kawżi ċivili, tiġi ddeterminata mill-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Gerichtskostengesetz) (GKG) u l-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti (Materji Familjali) (Gesetz über Gerichtskosten in Familiensachen) (FamGKG). Ir-rati tat-tariffi huma stabbiliti fl-iskeda tal-ispejjeż (l-Anness 1 tal-Att rilevanti). It-tariffi huma stabbiliti skont il-valur tat-talba fit-tabella tat-tariffi (l-Anness 2 għall-att rilevanti). Għal proċedimenti ċivili ġenerali u dawk li jikkonċernaw il-kunflitt familjari, b’mod partikolari għall-kwistjonijiet relatati mal-manteniment, ir-rata tat-tariffi hija ta’ 3.0. Għall-kwistjonijiet matrimonjali hija 2.0 u għall-kwistjonijiet relatati mat-tfal, inklużi l-kustodja u l-aċċess tal-ġenituri, ir-rata tat-tariffi hija ta’ 0.5. Il-valur tal-proċedimenti jiġi ddeterminat kif ġej:

  • Għall-kwistjonijiet matrimonjali, il-valur tal-proċedimenti jiġi ddeterminat skont id-diskrezzjoni tal-qorti abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ individwali, b’mod partikolari l-iskala u l-importanza tal-kwistjoni, u l-introjtu u l-ġid relattivi tal-konjuġi. L-introjtu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ tliet darbiet l-introjtu nett taż-żewġ konjuġi. Normalment, il-qorti tistabbilixxi l-valur tal-proċedimenti għal tliet darbiet l-introjtu nett.
  • Għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kunflitt familjari, il-valur normalment jiddependi fuq il-valur tat-talba. Għall-kwistjonijiet ta’ manteniment, il-valur huwa bbażat fuq il-pagamenti ta’ manteniment futuri mitluba, l-aktar l-aktar l-ammont għal sena. L-arretrati akkumulati sal-mument li fih tkun ġiet ippreżentata t-talba huma inklużi fil-kalkolu.
  • Għall-kwistjonijiet relatati mat-tfal, inklużi l-kustodja u l-aċċess tal-ġenituri, ir-rata tat-tariffi hija ta’ EUR 3 000.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, it-tariffi għar-rappreżentanza tal-qorti minn avukat jiġu kkalkulati abbażi tal-valur tat-talba. Il-valur tat-talba normalment jikkorrispondi għall-valur tal-proċedimenti li jiġi stabbilit sabiex jiġu ddeterminati t-tariffi tal-qorti. L-RVG jistabbilixxi preċiżament liema tariffi jistgħu jiġu kkalkolati b’liema rata għal liema tip ta’ proċedura. L-Anness 2 tal-RVG jistabbilixxi t-tariffi skont il-valur tat-talba. Għall-prim’istanza tal-materji ċivili, l-avukati normalment jirċievu tariffa tal-qorti ta’ 1.3darbiet ir-rata u tariffa tal-konsultazzjoni ta’ 1.2 darbiet ir-rata. Għall-ftehim ta’ riżoluzzjoni fil-prim’istanza, l-avukat jirċievi tariffa tar-riżoluzzjoni b’rata ta’ 1.0.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili li fih iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Għall-materji ċivili ġenerali, materji ta’ manteniment u materji maritali, it-tariffi tal-qorti jitħallsu malli jitressaq ir-rikors jew tiġi ppreżentata t-talba. Għall-materji familjali, dawn jitħallsu fi tmiem il-proċedimenti. Sakemm ma jkunx sar ftehim ieħor, l-avukati jiġu remunerati għas-servizzi mogħtija meta jiġi fi tmiemu l-inkarigu tagħhom. Madankollu, huma għandhom id-dritt statutorju għal ħlas bil-quddiem.

Spejjeż fissi fil-proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi fil-proċedimenti kriminali

F’kawżi kriminali, l-ispejjeż tal-qorti jiġu imposti biss ladarba tinqata’ s-sentenza finali. Il-livell tat-tariffa jiġi ddeterminat b’referenza għall-penali impost u jvarja bejn EUR 140EUR 1 000 fil-prim’istanza. L-avukati li magħhom ma tkun ġiet miftiehma l-ebda tariffa huma intitolati, kemm bħala avukati tad-difiża kif ukoll bħala rappreżentanti ta’ partijiet interessati oħra, li jitolbu tariffi skont qafas stabbilit.

L-istadju tal-proċediment kriminali li fih iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

L-ispejjeż tal-qorti jkunu jridu jitħallsu wara li tingħata s-sentenza finali. Sakemm ma jkunx hemm ftehim ieħor, l-avukati jiġu remunerati għas-servizzi mogħtija fi tmien il-mandat tagħhom. Madankollu, huma għandhom id-dritt statutorju għal ħlas bil-quddiem.

Spejjeż fissi fil-proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fil-kawża fil-proċedimenti kostituzzjonali

Bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe dritt applikabbli għal rikors vessatorju, ma hemm l-ebda spiża tal-qorti għall-proċedimenti quddiem il-Qorti Federali Kostituzzjonali (l-Artikolu 34 tal-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgerichtsgesetz)). Is-servizzi ta’ avukat għandhom jinżammu biss jekk ikun hemm seduta quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Federali (l-Artikolu 22 tal-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali Federali).

L-istadju tal-proċedimenti kostituzzjonali li fih iridu jitħallsu l-ispejjeż fissi

Sakemm ma jkunx hemm ftehim li jgħid mod ieħor, ir-remunerazzjoni tal-avukati, fil-prinċipju, titħallas malli jintemm l-inkarigu tagħhom. Madankollu, huma għandhom id-dritt statutorju għal ħlas bil-quddiem.

Informazzjoni li trid tingħata minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

L-avukat huwa obbligat jagħti lill-klijenti pariri u informazzjoni kompluta, u jrid jissuġġerixxi lill-klijenti l-iktar mezzi sikuri u l-inqas perikolużi sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. L-avukati jridu wkoll jiġbdu l-attenzjoni tal-klijent għal kwalunkwe riskju involut fil-kwistjoni, sabiex il-klijent ikun f’pożizzjoni li jieħu deċiżjoni mija fil-mija informata. L-ammont ta’ informazzjoni li għandha tingħata tiddependi mill-perċezzjoni tal-avukati ta’ dak li l-klijent jeħtieġ li jkun jaf. L-avukati jridu jwieġbu l-mistoqsijiet tal-klijenti b’mod sħiħ u veritier. Qabel ma l-kawża titla’ l-qorti, l-avukati jridu jispjegaw b’mod ċar il-prospetti u r-riskji involuti meta ssir kawża fil-qorti. Dan jinkludi kemm ir-riskji b’rabta mal-ispejjeż kif ukoll il-prospetti ta’ suċċess.

L-avukati għandhom obbligi speċjali li jipprovdu informazzjoni f’ċerti każijiet:

  • Jekk l-onorarji tal-avukati jkunu bbażati fuq il-valur tat-talba, huma jkunu obbligati li jiġbdu l-attenzjoni għal dan il-fatt qabel ma jingħataw struzzjonijiet biex jaġixxu (l-Artikolu 49b(5) tal-Kodiċi Federali tal-Avukati).
  • Jekk jintlaħaq ftehim dwar ir-remunerazzjoni tal-avukati, dawn iridu jindikaw li, jekk jiġu aġġudikati l-ispejjeż, l-onorarji statutorji biss jiġu rimborżati (l-Artikolu 3a(1), it-tielet sentenza tal-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati).
  • Jekk l-avukati jiftiehmu mal-klijent li se jingħataw ħlas ta’ kontinġenza, iridu jiġbdu l-attenzjoni tal-klijent għall-fatt li l-ftehim ma għandu l-ebda effett fuq kwalunkwe spiża oħra li l-klijent jaf ikollu jħallas (l-Artikolu 4a(3), it-tieni sentenza tal-Att dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati).
  • Qabel ma jikkonkludu ftehim biex jirrappreżentaw lil klijent fil-proċedimenti quddiem tribunal industrijali, l-avukati jridu jiġbdu l-attenzjoni tal-klijent għall-fatt li l-ispejjeż tagħhom mhumiex rimborżabbli (l-Artikolu 12a(1), it-tieni sentenza tal-Att dwar it-Tribunali Industrijali (Arbeitsgerichtsgesetz)).

Kif jiġu stabbiliti l-ispejjeż – bażi legali

Fejn nista’ nsib informazzjoni b’rabta mal-leġiżlazzjoni dwar l-ispejjeż fil-Ġermanja?

Tista’ tikseb it-testi tal-liġijiet li jikkonċernaw l-ispejjeż mill-ħwienet tal-kotba jew minn fuq l-internet, fejn huma disponibbli l-verżjonijiet l-iktar reċenti u mingħajr ħlas.

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni rigward il-leġiżlazzjoni dwar l-ispejjeż fil-Ġermanja?

L-informazzjoni tkun bil-Ġermaniż.

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Informazzjoni online dwar l-ispejjeż

L-aħħar verżjonijiet tal-liġijiet huma aċċessibbli mis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz). Id-diversi liġijiet dwar l-ispejjeż jistgħu jitniżżlu billi tiddaħħal l-abbrevjazzjoni rilevanti (GKG, FamGKG, GvKostG u RVG).

Minn fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medja ta’ tul ta’ żmien li jieħdu proċeduri differenti?

L-Uffiċċju Federali tal-Istatistika (Statistisches Bundesamt) jipproduċi serje annwali ta’ pubblikazzjonijiet statistiċi dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Is-Serje 10, is-sottoserje 2.1, pereżempju, tinkludi data dwar it-tul tal-proċedimenti ċivili mal-Ġermanja kollha, analizzata skont il-Land individwali u d-distrett tal-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht). Tiġi pprovduta data separata għall-Qrati Lokali (Amtsgerichte) u għall-Qrati Reġjonali (Landgerichte), minn naħa waħda, u l-Qrati Reġjonali Superjuri, min-naħa l-oħra, kif ukoll għall-proċedimenti fil-prim’istanza u fit-tieni istanza. Is-serje ma tinkludix statistika dwar it-tul ta’ żmien li jieħdu l-proċedimenti f’tipi differenti ta’ kawżi.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja totali għal tip ta’ proċedura partikolari?

Jeżistu kotba li jipprovdu dettalji dwar ir-riskju tal-ispiża medja għall-proċedimenti ċivili.

It-taxxa fuq il-valur miżjud

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud? X’inhuma r-rati?

Il-qrati u l-marixxalli tal-qrati mhumiex suġġetti għall-VAT. L-avukati jridu jżommu VAT ta’ 19%. Din tintalab separatament bħala spiża u mhijiex inkluża fl-onorarji tagħhom.

L-għajnuna legali

Il-livell limitu applikabbli ta’ dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

L-għajnuna legali tkun disponibbli għal kull min japplika għaliha li, minħabba ċ-ċirkostanzi personali jew finanzjarji tiegħu, ma jkunx jista’ jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti jew ikun jista’ jkoprihom biss parzjalment jew inkella f’pagamenti rateali. L-azzjoni legali prevista jew id-difiża jrid ikollhom lok raġonevoli għal suċċess u ma jridux ikunu frivoli. Madankollu, il-partijiet fil-kawża jridu jużaw ir-riżorsi tagħhom stess sakemm dan ikun raġonevoli. Abbażi tad-dħul tagħha, parti tista’ tingħata għajnuna legali li ma tridx titħallas lura jew inkella li trid titħallas lura f’pagamenti rateali. Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur ħareġ fuljett intitolat Pariri Legali u Għajnuna Legali (Beratungshilfe und Prozesskostenhilfe), li jwieġeb il-mistoqsijiet frekwenti bl-użu ta’ eżempji.

Limitu tad-dħul applikabbli għall-akkużati fil-proċedimenti kriminali

Il-limiti tad-dħul mhumiex applikabbli għas-suspettati jew għall-akkużati fil-proċedimenti kriminali. L-għajnuna legali tingħata skont kriterji oħra.

Limitu tad-dħul applikabbli għall-vittmi fil-proċedimenti kriminali

L-għajnuna legali tingħata soġġetta għal limiti tad-dħul. Dawn huma flessibbli u jiġu ddeterminati b’referenza għall-ispejjeż antiċipati tal-kawża u għas-sitwazzjoni soċjali tal-kwerelant (obbligi ta’ manteniment, spejjeż tad-dar). L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll b’obbligu li titħallas lura f’pagament rateali.

Kundizzjonijiet oħrajn marbutin mal-għoti tal-għajnuna legali lill-vittmi ta’ reati kriminali

Il-vittmi ta’ ċerti reati serji jistgħu japplikaw biex ikollhom konsulent legali assenjat lilhom mingħajr ħlas, irrispettivament miċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Kundizzjonijiet oħrajn marbutin mal-għoti tal-għajnuna legali lill-akkużati

L-għajnuna legali lis-suspettati/lill-akkużati (assenjazzjoni ta’ avukat tad-difiża maħtur mill-qorti) mhijiex soġġetta għal-limiti tad-dħul iżda pjuttost għal ċerti kundizzjonijiet legali. Dawn huma marbuta primarjament mas-serjetà tar-reat, mat-theddida ta’ ċerti konsegwenzi legali (bħall-projbizzjoni ta’ pprattikar ta’ professjoni jew l-qfil fi sptar psikjatriku jew newroloġiku), jekk l-akkużat jerġax jintbagħat il-ħabs jew ikunx soġġett għal proċedimenti ta’ kustodja preventiva, jekk l-avukat tad-difiża preċedenti jkunx ġie sospiż, il-kumplessità tas-sitwazzjoni fattwali jew legali, jew jekk l-akkużat ikunx jista’ jiddefendi ruħu.

Proċeduri tal-qorti mingħajr ħlas

Skont l-Artikolu 183 tal-Att dwar il-Qrati Soċjali (Sozialgerichtsgesetz) (SGG), il-proċedimenti quddiem il-qrati soċjali (Sozialgerichte) ma jinvolvu l-ebda spiża għall-persuni intitolati għal benefiċċji (jiġifieri persuni assigurati, persuni fuq benefiċċji inklużi dawk li jieħdu l-benefiċċju tas-superstiti, persuni b’diżabbiltà u d-dipendenti tagħhom, sakemm ikunu involuti fil-kapaċitajiet rispettivi tagħhom fi proċedimenti tal-qorti bħala rikorrenti jew bħala konvenuti). Ir-rikorrenti u l-konvenuti li ma jaqgħux fil-kategoriji msemmija fl-Artikolu 183 tal-SGG iridu jħallsu tariffa skont l-Artikolu 184 tal-SGG (EUR 150 għall-proċedimenti quddiem il-Qrati Soċjali, EUR 225 għall-proċedimenti quddiem il-Qrati Soċjali Reġjonali (Landessozialgerichte), EUR 300 għall-proċedimenti quddiem il-Qorti Federali Soċjali (Bundessozialgericht)).L-Artikolu 197a tal-SGG jipprevedi deroga minn dawn ir-regoli speċjali fejn l-ispejjeż li s-soltu jitħallsu taħt l-Att dwar l-Ispejjeż tal-Qorti jkunu applikabbli wkoll fi proċedimenti quddiem il-qrati soċjali, jekk, la r-rikorrent u lanqas il-konvenut f’kawża ma jkunu fost il-persuni msemmija fl-Artikolu 183 tal-SGG.

L-arranġamenti li ġejjin japplikaw fil-proċedimenti kriminali: jekk l-akkużat ma jinstabx ħati, jew jekk il-ġuri ma jsirx, jew jekk il-proċedimenti kontra l-akkużat jiġu tterminati, l-ispejjeż (in-nefqa pubblika) u l-ispejjeż li bilfors jiġġarbu mill-akkużat, fil-prinċipju, jitħallsu mill-fondi pubbliċi.

Meta trid tħallas l-ispejjeż il-parti telliefa lill-parti rebbieħa?

Il-parti telliefa trid tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra sa fejn dawn kienu meħtieġa għall-prosekuzzjoni kif suppost tal-litigazzjoni; jiġifieri, l-ispejjeż u l-onorarji statutorji tal-avukat tal-parti rebbieħa u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parti rebbieħa, inkluż kwalunkwe telf ta’ introjtu mġarrab minħabba l-attendenza fil-qorti.

It-tariffi tal-periti

Il-periti msejħa mill-qorti jirċievu tariffa bbażata fuq rata fis-siegħa. It-tariffa hija stabbilita mil-liġi fl-Att dwar ir-Remunerazzjoni u l-Kumpens Ġudizzjarji (Justizvergütungs- und -entschädigungsgesetz) (JVEG) u li titħallas mill-partijiet fil-proċedimenti.

L-ispejjeż ta’ perit imqabbad privatament minn parti biex jipprepara għal-litigazzjoni mhumiex parti mill-ispejjeż proċedurali, li r-rimborż tagħhom jiġi stipulat fis-sentenza. Għalhekk, dawn l-ispejjeż iridu jintalbu separatament. Jekk il-parti tkun qabbdet perit biex jagħtiha pariri waqt il-litigazzjoni, ir-rimborż jiddependi minn kemm dan kien meħtieġ fil-kawża inkwistjoni. L-ispejjeż ta’ perit imqabbad mill-qorti biex jixhed jitħallsu mill-parti li titlef jew, jekk il-partijiet jirbħu biss parzjalment il-kawża, iż-żewġ partijiet iridu jħallsu sehemhom mill-ispejjeż fuq il-bażi tal-grad sa fejn rebħu jew tilfu.

It-tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti

L-interpreti u t-tradutturi msejħa mill-qorti jirċievu tariffa li tkun stabbilita wkoll mill-JVEG u titħallas mill-partijiet fil-proċedimenti. L-interpreti jitħallsu b’rata fis-siegħa u t-tradutturi jitħallsu għal kull linja tradotta.

Fi proċedimenti kriminali, l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni għall-konvenuti jew għall-partijiet interessati, sakemm dawn ikunu meħtieġa għad-difiża jew għall-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali, jitħallsu mill-fondi pubbliċi.

Links relatati

Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

It-Tim ta’ Medjazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ġermaniżi

L-Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni tal-Familja

L-Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni

L-Assoċjazzjoni Federali għall-Medjazzjoni Ekonomika u Professjonali

Iċ-Ċentru għall-Medjazzjoni (CfM)

L-Ombudsman bankarju privat

L-Ombudsman bankarju pubbliku

Il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal-Bundesbank Ġermaniż

L-Ombudsman tal-grupp bankarju kooperattiv Ġermaniż

L-Ombudswoman tas-soċjetajiet tas-sidien tal-proprjetà privata

L-Ombudsman tas-soċjetajiet tal-bini reġjonali

Il-kumitati konsultattivi u l-bordijiet ta’ konċiljazzjoni tal-Assoċjazzjoni Medika Ġermaniża

Il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal-Mobilità

Il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tat-Turisti

Il-Bord ta’ konċiljazzjoni għat-trasport lokali f’Nordrhein-Westfalen

L-Ombudsman tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u l-Kura Privata

Il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal-Assoċjazzjoni Federali Ġermaniża tad-Diretturi tal-Funerali

Il-Bord ta’ Konċiljazzjoni tal-Aġenzija tan-Network Federali

L-Ombudsman tal-Proprjetà Immobbli fl-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Proprjetà Immobbli

Il-Bordijiet ta’ konċiljazzjoni tal-kmamar tal-kummerċ u l-industrija

Il-Bord ta’ Kunsens għat-Tariffi u l-Għotjiet

L-Assoċjazzjoni Ċentrali tal-Industrija Ġermaniża tal-Vetturi bil-Mutur

L-aktar verżjonijiet reċenti tal-liġijiet Ġermaniżi

Dokumenti relatati

Ir-Rapport tal-Pajjiż mill-Ġermanja rigward l-istudju dwar it-trasparenza tal-ispejjeż  PDF (565 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 06/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.