Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Spejjeż

Estonja

Din il-paġna tagħtik informazzjoni dwar l-ispejjeż ġudizzjarji tal-Estonjani.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Qafas regolatorju li jirregola d-drittijiet tal-professjonijiet legali

Konsulenti legali

Fl-Estonja, id-drittijiet ta' ħlas tal-konsulenti legali mhumiex irregolati.

Avukati

Fl-Estonja, id-drittijiet ta' ħlas tal-avukati mhumiex irregolati.

Avukati li jipprattikaw fil-qrati

Fl-Estonja, id-drittijiet ta' ħlas ta' avukati li jipprattikaw fil-qrati mhumiex irregolati.

Bailiffs

Fl-Estonja, id-drittijiet ta' ħlas tal-bailiffs huma regolati permezz tal-Att dwar il-Bailiffs. Dritt ta’ bailiff jista’ jikkonsisti fi dritt biex jinbdew il-proċedimenti, id-dritt prinċipali għall-proċedimenti u dritt addizzjonali għal attivitajiet eżekuttivi. Bailiff għandu wkoll id-dritt li jitlob ħlas għall-provvediment ta' servizz professjonali.

Avukati

Fl-Estonja, id-drittijiet ta' ħlas tal-avukati mhumiex irregolati iżda jiġu ddeterminati fil-ftehim mal-klijent. Issir offerta inizjali tal-prezz mill-persuna li tmexxi uffiċċju legali jew minn avukat lill-klijent u jiġi spjegat kif ġiet ikkalkulata ċ-ċifra. Il-klijent jirrimborża l-ispejjeż meħtieġa li jkunu saru mill-avukat jew mill-persuna li tmexxi d-ditta tal-avukati sabiex ikun ġew ipprovduti s-servizzi legali.

Spejjeż fissi

Spejjeż fissi fi proċedimenti ċivili

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili

L-ispejjeż fissi li jġarrbu l-partijiet fil-proċedimenti ċivili huma:

  • id-dritt tal-Istat;
  • garanzija fuq il-kassazzjoni;
  • garanzija għal petizzjoni biex tiġi annullata sentenza mogħtija f’kontumaċja;
  • garanzija għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jew sabiex jerġa’ jiġi ffissat it-terminu;
  • l-ispejjeż tal-bailiffs biex jinnotifikaw dokumenti proċedurali;
  • l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ta’ taħrikiet jew ta’ avviżi fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali) jew f’gazzetta;
  • rimunerazzjoni għall-esperti, għall-interpreti u għat-tradutturi;
  • spejjeż oħrajn tas-smigħ ta’ kawża u spejjeż extraġudizzjarji.

L-istadju tal-proċedimenti ċivili li fih iridu jitħallsu spejjeż fissi

L-ispejjeż li ġejjin għandhom jitħallsu bil-quddiem mill-parti li tressaq rikors għal biex jinfetħu proċedimenti jew biex jitwettqu atti proċedurali:

  • id-dritt tal-Istat;
  • garanzija fuq il-kassazzjoni;
  • garanzija għal petizzjoni biex tiġi annullata sentenza mogħtija f’kontumaċja;
  • garanzija għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jew sabiex jerġa’ jiġi ffissat it-terminu;
  • l-ispejjeż tal-bailiffs biex jibagħtu dokumenti proċedurali;
  • l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ta’ taħrikiet jew ta’ avviżi fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali) jew f’gazzetta;
  • l-ispejjeż ta' rieżami ta' każ, safejn ikun determinat minn qorti.

Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, id-drittijiet ta' ħlas tal-esperti, interpreti u tradutturi għandhom jitħallsu minn qabel mill-parti fil-proċedimenti li ressqet it-talba li tirriżulta fl-ispejjeż.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kriminali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali

L-ispejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u huma maqsuma fi spejjeż proċedurali, spejjeż speċifiċi u spejjeż addizzjonali.

L-ispejjeż tal-proċedura huma:

  • rimunerazzjoni raġonevoli għall-konsulent jew rappreżentant magħżul u spejjeż neċessarji oħra li ġġarrab parti għall-proċedimenti b'rabta mal-proċedimenti kriminali;
  • somom ta' flus imħallsa lill-vittmi, xhieda, esperti u persuni kwalifikati skont l-Artikolu 178 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, ħlief għall-ispejjeż msemmija fl-Artikolu 176(1)(1) tal-Kodiċi;
  • spejjeż imġarrba minn istituzzjoni forensika tal-Istat jew kull korp jew entità ġuridika tal-gvern b'rabta mal-istħarriġ ta' evalwazzjonijiet mill-esperti jew is-sejba tal-intossikazzjoni;
  • rimunerazzjoni stabbilita għal konsulent maħtur u l-ispejjeż tiegħu sakemm ikunu ġustifikati u xierqa;
  • l-ispejjeż għall-kopji ta' materjal fil-fajl kriminali għall-avukat difensur skont l-Artikolu 224(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali;
  • l-ispejjeż għall-ħażna, il-konsenja u l-qirda tal-provi;
  • l-ispejjeż marbuta mal-ħażna, it-trasferiment u l-qirda tal-propjetà sekwestrata;
  • l-ispejjeż imġarrba minħabba r-rebħ ta' kawża ċivili;
  • il-kumpens wara kundanna ta' ħtija;
  • spejjeż oħra mġarrba minn korp li jmexxi proċedimenti kriminali matul dawk il-proċedimenti, ħlief spejjeż ikkunsidrati speċifiċi jew addizzjonali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

Jekk parti għall-proċedimenti jkollha diversi konsulenti jew rappreżentanti, ir-rimunerazzjoni mħallsa lilhom tiġi inkluża fl-ispejjeż proċedurali sakemm dan ma jaqbiżx livell raġonevoli ta' rimunerazzjoni li titħallas normalment lil konsulent jew rappreżentant.

Jekk suspettat jew l-akkużat jiddefendi lilu nnifsu mingħajr avukat, l-ispejjeż neċessarji tad-difiża jiġu inklużi fl-ispejjeż proċedurali. L-ispejjeż żejda li ma kinux ikunu meħtieġa li kieku ħa sehem konsulent ma jiġux inklużi fl-ispejjeż proċedurali.

L-ispejjeż li jinġarrbu mill-persuni li mhumiex parti għall-proċedimenti u li huma marbuta mal-istħarriġ ta' analiżi esperti jiġu rifużi skont il-kundizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fl-Att dwar l-Eżaminazzjoni Forensika.

Spejjeż speċifiċi huma - spejjeż relatati mal-posponiment ta’ seduta tal-qorti minħabba li parti fil-proċedimenti ma tkuns dehret fil-qorti u l-ispejjeż ta’ attendenza obbligatorja.

L-ispejjeż addizzjonali huma:

  • it-tariffa mħallsa lil persuna li mhix parti fil-proċedimenti għal informazzjoni dwar fatti marbuta mal-qasam tal-provi;
  • l-ispejjeż involuti biex jinżamm il-ħabs suspettat jew l-akkużat;
  • is-somom imħallsa lil interpreti jew tradutturi skont l-Artikolu 178 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali;
  • is-somom imħallsa fi proċedimenti kriminali skont l-Att dwar il-Kumpens għad-Danni Kaġunati mill-Istat lil Persuna Minħabba Nuqqas Inġust ta' Libertà;
  • spejjeż tal-Istat u l-korpi tal-gvern lokali b'rabta ma' proċedimenti kriminali u li mhumiex imsemmija fl-Artikolu 175(1)(1) jew (10) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali;
  • is-somom imħallsa lir-rappreżentanti tax-xhieda skont l-Artikolu 671 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

L-istadju tal-proċedimenti kriminali meta jeħtieġ li jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet

  • Fil-każ ta' liberazzjoni, l-ispejjeż proċedurali huma rimborżati mill-Istat. Fil-każ ta’ kundanna, l-ispejjeż proċedurali jiġu rifużi mill-ħati li jkun ġie kkundannat. Fil-każ ta' liberazzjoni parzjali, l-ispejjeż jiġu rifużi mill-Istat skont il-grad ta' liberazzjoni tal-akkużat. L-obbligu għar-rimborż tal-ispejjeż proċedurali jseħħ meta tidħol fis-seħħ is-sentenza finali.
  • Jekk azzjoni ċivili tiġi miċħuda, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rifużi mill-parti offiża. Jekk azzjoni ċivili tirnexxi b’mod sħiħ, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rrimborżati mill-persuna li wettqet ir-reat u li ġiet ikkundannata jew mill-konvenut. Jekk azzjoni ċivili tirnexxi parzjalment, il-qorti taqsam l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili bejn il-parti offiża u l-persuna li wettqet ir-reat u li ġiet ikkundannata jew il-konvenut, filwaqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha. Fil-każ ta’ rifjut li tiġi riveduta azzjoni ċivili, l-ispejjeż proċedurali relatati mal-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-azzjoni ċivili jiġu rrimborżati mill-Istat.

Spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali

Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali

Fl-Estonja, l-invididwi ma jitħallewx jagħmlu talbiet għal reviżjoni konstituzzjonali. L-ispejjeż ta’ reviżjoni huma koperti mill-baġit tal-Istat. L-ispejjeż biex jiġu involuti speċjalisti fil-proċedimenti tal-qorti huma koperti mill-baġit tal-Istat bl-istess kundizzjonijiet tal-ħlas tad-drittijiet tal-esperti fi proċedimenti ċivili.

L-istadju fil-proċedimenti kostituzzjonali meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi għall-partijiet

Il-partijiet ma jġarrbux spejjeż fissi fi proċedimenti kostituzzjonali.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn qabel mir-rappreżentanti legali

Drittijiet u obbligi tal-partijiet

L-avukati għandhom jinnotifikaw lill-klijenti tagħhom bil-firxa sħiħa tal-attivitajiet relatati mal-provvista ta’ servizzi legali u bl-ispejjeż kollha involuti. Issir offerta inizjali tal-prezz mill-persuna li tmexxi uffiċċju legali jew minn avukat lill-klijent u jiġi spjegat kif ġiet ikkalkulata l-figura.

Spejjeż tal-parteċipazzjoni fil-proċedimenti

Spejjeż li għandhom jiġġarrbu mill-parti rebbieħa

Il-parti rebbieħa tħallas l-ispejjeż tar-rappreżentant jew il-konsulent legali li l-qorti tqis raġonevoli u li m'għandhomx jitħallsu mill-parti telliefa.

Spejjeż li għandhom jiġġarrbu mill-parti telliefa

Skont id-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż proċedurali, il-parti telliefa trid tirrimborża l-ispejjeż proċedurali mġarrba mill-parti rebbieħa, li jistgħu jinkludu:

  • id-dritt tal-Istat;
  • il-garanzija;
  • spejjeż relatati ma' xhieda, esperti, interpreti u tradutturi, u l-ispejjeż ta' analiżi esperta mwettqa minn persuna li ma tkunx parti tal-proċedimenti u li għandhom jitħallsu taħt l-Att dwar l-Eżaminazzjoni Forensika;
  • spejjeż tal-kisba ta’ provi dokumentarji u fiżiċi;
  • spejjeż ta’ spezzjonijiet, inklużi l-ispejjeż meħtieġa tal-ivvjaġġar magħmula mill-qorti;
  • spejjeż tal-konsenja, tal-bgħit u tal-ħruġ ta’ dokumenti proċedurali;
  • spejjeż tad-determinazzjoni tal-valur tal-kawża ċivili;
  • spejjeż relatati mar-rappreżentanti u mal-konsulenti tal-partijiet għall-proċedimenti;
  • spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż postali, tal-komunikazzjonijiet, tal-akkomodazzjoni u spejjeż oħrajn simili mġarrba mill-partijiet fil-proċedimenti b’konnessjoni mal-proċedimenti;
  • qligħ jew dħul permanenti ieħor li ma rċevewx il-partijiet għall-proċedimenti;
  • spejjeż tal-proċedimenti ta’ qabel il-proċess stabbiliti bil-liġi sakemm l-azzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tal-proċedimenti ta’ qabel il-proċess;
  • id-dritt tal-bailiff biex jassigura li azzjoni titwettaq u l-ispejjeż tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar l-assigurazzjoni li azzjoni titwettaq;
  • id-dritt tal-bailiff għall-konsenja ta' dokumenti proċedurali;
  • spejjeż tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal assistenza proċedurali biex ikunu sostnuti l-ispejjeż proċedurali;
  • spejjeż ta' proċedura għal ordni ta' ħlas aċċellerat;
  • spejjeż ta’ parteċipazzjoni fi proċedimenti ta' konċiljazzjoni jekk il-qorti tkun obbligat lill-partijiet biex jipparteċipaw taħt l-Artikolu 4(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jew, jekk il-proċedimenti huma obbligatorji, il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni qabel il-proċess taħt l-Artikolu 1(4) tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni .

Jekk skont deċiżjoni tal-qorti dwar il-qsim tal-ispejjeż proċedurali parti waħda fil-proċedimenti tkun mitluba ġġarrab l-ispejjeż li saru minn parti oħra relatati mar-rappreżentant jew mal-konsulent legali, l-ispejjeż li għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti jridu jkunu ġġustifikati u ma għandhomx jaqbżu l-livell mitlub. Spejjeż magħmula għall-ingaġġ ta' diversi rappreżentanti jitħallsu lura biss jekk jirriżultaw minħabba l-kumplessità tal-każ jew ikun hemm il-bżonn li jinbidel rappreżentant.

Is-sorsi tal-ispejjeż

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Estonja?

Is-sorsi tal-ispejjeż huma kif ġej:

  • il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili;
  • l-Att dwar il-Bailiffs;
  • l-Att dwar id-Drittijiet tal-Istat;
  • l-istrumenti legali maħruġa fuq il-bażi tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

B’liema lingwi nista’ nikseb informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż fl-Estonja?

L-informazzjoni dwar is-sorsi tal-ispejjeż hija disponibbli bl-Estonjan.

Traduzzjonijiet bl-Ingliż ta' strumenti legali Estonjani li jistipulaw informazzjoni dwar l-ispejjeż u s-sorsi tagħhom huma disponibbli fil-websajt tar-Riigi Teataja (il-Gazzetta tal-Istat).

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar il-medjazzjoni?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/52/KEdwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali. Mistoqsijiet ġenerali dwar il-medjazzjoni jistgħu jintbagħtu fl-indirizz tal-posta elettronika tal-Ministeru tal-Ġustizzja: info@just.ee.

Il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni f'materji ċivili huma rregolati permezz tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-medjaturi u jipprovdi wkoll linji gwida għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-ftehimiet konklużi bl-għajnuna ta' medjatur. Dawn li ġejjin huma intitolati li jmexxu l-proċedimenti tal-konċiljazzjoni taħt l-Att:

  • persuna fiżika li l-partijiet għall-proċedimenti jkunu fdawlha x-xogħol tat-tmexxija tal-proċedimenti;
  • avukati li jipprattikaw fil-qrati;
  • nutara;
  • fil-każ stipulat fl-Att, korp tal-konċiljazzjoni tal-Istat jew tal-gvern lokali.

Il-proċedimenti ta' konċiljazzjoni f'kawżi amministrattivi huma regolati permezz tal-Kodiċi ta’ Proċedura ta' Qorti Amministrattiva u f'kawżi kriminali u ta' reati mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

Rigward l-użu tal-medjazzjoni fil-liġi tal-familja, il-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali qed iħeġġeġ l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-medjaturi tal-familja. Is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Medjaturi fih informazzjoni kemm bl-Estonjan kif ukoll bl-Ingliż. B’mod simili, l-Unjoni Estonjana għall-Benessri tat-Tfal — assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ li tagħti appoġġ lid-drittijiet tat-tfal — toffri pariri lill-ġenituri li jixtiequ jisseparaw jew jiddivorzjaw u tħeġġiġhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-konċiljaturi sabiex jipproteġu l-interessi ta’ wliedhom. L-Unjoni torganizza anki taħriġ fil-qasam tal-medjazzjoni tal-familja.

Fejn nista’ nsib informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż?

Sit elettroniku dwar l-ispejjeż

L-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-qorti u l-ammonti involuti jiddependu fuq it-tul u n-natura tal-każ tal-qorti. Is-sorsi primarji ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż relatati mal-proċedimenti tal-qorti huma l-kodiċijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti u l-Att dwar id-drittijiet ta' ħlas tal-Istat. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jippubblika u jamministra l-pubblikazzjoni uffiċjali Riigi Teataja (il-Gazzetta tal-Istat), li tipprovdi aċċess għal:

  • Atti u Regolamenti;
  • Digrieti tal-President tar-Repubblika;
  • Deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema u ftehimiet internazzjonali;
  • Regolamenti tal-gvern lokali.

Ir-Riigi Teataja fiha verżjonijiet uffiċjali kkonsolidati ta' Atti, Regolamenti tal-Gvern u Ordnijiet , Regolamenti ministerjali, Regolamenti tal-President tal-Eesti Pank (il- Bank tal- Estonja), ir-Regolament tal-Kumitat Elettorali Nazzjonali, id-Deċiżjonijiet tal-Parlament, ir-Regolamenti tal-kunsill muniċipali u tal-belt u r-Regolamenti tal-gvern muniċipali u tal-belt. Il-leġiżlazzjoni u dokumenti oħrajn ippubblikati fir-Riigi Teataja ilhom disponibbli sa mill-1990.

Fil-websajt tal-Qorti Suprema ġiet ippubblikata analiżi tal-prattika tad-determinazzjoni tal-ispejjeż legali fi proċedimenti ċivili.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar it-tul ta’ żmien medju li jieħdu l-proċeduri differenti?

Il-websajt tal-Qrati tagħti statistiċi dwar il-proċedimenti fil-qrati tal-prim'istanza u t-tieni istanza mill-1996.

Fejn nista’ nsib informazzjoni dwar l-ispiża medja totali għal tip ta’ proċedura partikolari?

• Id-dritt tal-Istat li għandu jitħallas għal tip partikolari ta’ proċediment hija stabbilita fl- Att dwar id-Drittijiet tal-Istat.

• Id-drittijiet tal-bailiffs huma stabbiliti fl- Att dwar il-Bailiffs.

• Mhija disponibbli l-ebda statistika dwar l-ispiża medja totali għal tipi partikolari ta’ proċedimenti.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud

Kif inhi pprovduta din l-informazzjoni?

Id-drittijiet tal-bailiffs ukoll huma soġġetti għall-VAT, b’rata ta’ 20 %.

Sabiex jirċievi rimborż tal-VAT miżjuda mal-ispejjeż proċedurali, id-dikjarant irid jikkonferma li huwa mhuwiex irreġistrat għall-VAT jew li huwa ma jista’ jirkupra l-VAT bl-ebda mod ieħor.

X’inhuma r-rati applikabbli?

Mill-1 ta’ Lulju 2009 r-rata tal-VAT fl-Estonja hija ta’ 20 %.

Għajnuna Legali

Il-limitu applikabbli ta'dħul fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

L-għajnuna legali tkun disponibbli jekk l-ispejjeż tas-servizzi legali jkunu iktar mid-doppju tad-dħul medju fix-xahar tal-applikant, ikkalkulat fuq il-bażi tad-dħul medju fix-xahar għall-erba’ xhur qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

It-taxxi u l-ħlasijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi legali ta’ manteniment, u l-ispejjeż raġonevoli relatati mad-dar u mat-trasport jitnaqqsu mir-riżultat ikkalkulat.

Kundizzjonijiet oħrajn biex tingħata l-għajnuna legali għall-partijiet offiżi

L-Istat jista' jagħti għajnuna proċedurali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. It-tipi ta' għajnuna legali garantiti mill-Istat u l-kondizzjonijiet u r-regoli sabiex tinkiseb l-għajnuna legali ta’din in-natura huma rregolati permezz tal-Att dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat.

L-għajnuna legali tista’ tingħata lil persuna fiżika li, fiż-żmien meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha tkun residenti jew ċittadina tal-Estonja jew ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Residenza ta’ persuna hija stabbilita fuq il-bażi tal-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali. Persuni fiżiċi oħrajn jistgħu jingħataw l-għajnuna legali biss fejn dan id-dritt jirriżulta minn ftehim internazzjonali.

L-għajnuna legali tal-Istat ma tingħatax jekk:

  • l-applikant kapaċi jiddefendi d-drittijiet tiegħu huwa stess;
  • l-applikant ma jkollux id-dritt li qed japplika għal għajnuna legali biex jipproteġih;
  • l-applikant jista’ jsostni l-ispejjeż tas-servizzi legali billi juża l-assi eżistenti tiegħu, li jistgħu jinbigħu mingħajr diffikultajiet kbar;
  • l-ispejjeż tas-servizzi legali mhumiex mistennija li jkunu aktar minn darbtejn id-dħul medju ta’ kull xahar tal-applikant, ikkalkulati fuq il-bażi tad-dħul medju ta' kull xahar għall-erba' xhur qabel ma l-applikazzjoni tiġi sottomessa, li minnhom jitnaqqsu t-taxxi u ħlasijiet obbligatorji tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż biex jissodisfaw obbligi legali ta’ manteniment u l-ispejjeż raġjonevoli relatati mad-djar u trasport;
  • huwa ċar miċ-ċirkostanzi li hemm ftit ċans li l-applikant ikun jista' jiddefendi d-drittijiet tiegħu jew tagħha;
  • l-applikazzjoni ssir sabiex tippreżenta talba għal kumpens ta' ħsara mhux materjali u ma hemmx interess pubbliku fil-każ;
  • it-tilwima tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-applikant u ma għandha l-ebda impatt fuq id-drittijiet tiegħu li mhumiex relatati ma’ dawk l-attivitajiet ekonomiċi;
  • l-applikazzjoni qed issir sabiex tkun protetta trade mark, privattiva, mudelli ta’ utilità, diżinn industrijali, topografiji ta’ ċirkwiti integrati jew xi forma oħra ta’ proprjetà intelletwali, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur;
  • l-applikant għandu interessi konġunti ċari ma’ persuna li mhijiex intitolata għall-għajnuna legali; f’dan il-każ hemm ir-riskju li l-għajnuna legali rċevuta tista’ tiġi ttrasferita lill-persuna li mhijiex‑eliġibbli;
  • l-applikazzjoni ssir biex tiddefendi dritt trasferit lill-applikant u hemm raġuni li wieħed jemmen li d-dritt ġie trasferit lill-applikant sabiex jikseb l-għajnuna legali mill-Istat;
  • il-provvista ta’ servizzi legali hija ggarantita minn kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-ispejjeż legali li ġie konkluż mill-applikant jew fuq il-bażi ta’ assigurazzjoni obbligatorja;
  • il-qligħ potenzjali għall-applikant mill-kawża huwa irraġonevolment żgħir meta pparagunat mal-ispiża mistennija li għandha tiġġarrab mill-Istat sabiex tkun ipprovduta l-għajnuna legali.

Tista' taqra aktar dwar l-Għajnuna Legali mill-Istat fil- websajt tal-Kamra tal-Avukati Estonjani.

Kundizzjonijiet oħrajn relatati mal-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni suspettati u lill-konvenuti

Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għoti tal-għajnuna legali lill-persuni suspettati jew lill-konvenuti huma l-istess bħal dawk għall-partijiet offiżi.

Proċedimenti tal-qorti mingħajr spejjeż

L-Att dwar id-Drittijiet tal-Istat jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi fejn l-eżenzjonijiet mid-drittiijet tal-Istat huma possibbli. F’kawża tal-qorti, l-atti li ġejjin huma eżentati mill-ħlas ta’ dritt tal-Istat:

  • ir-reviżjoni ta’ appell jew ta’ lment biex tintalab rimunerazzjoni jew jintalab salarju, biex tkun stabbilita n-nullità tat-terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg, biex terġa’ tiġi stabbilita jew titbiddel id-diċitura tal-bażi għar-rilaxx mis-servizz;
  • ir-reviżjoni ta’ appell li qed jitlob il-manteniment u, f’talba għal manteniment għal tfal, rikors għal proċedura aċċellerata ta’ ordni għall-ħlas;
  • ir-reviżjoni ta’ talba għad-danni minħabba kundanna illegali, prosekuzzjoni kriminali illegali, żamma taħt arrest preventiv illegali u ċaħda oħra mhux ġustifikata mil-libertà, kif ukoll ir-reviżjoni ta’ talba għal kumpens għad-danni fi proprjetà kkawżati mill-impożizzjoni illegali ta’ piena għal reat minuri (misdemeanour);
  • l-ewwel ħruġ ta’ dokumenti tal-qorti relatati ma’ kawża kriminali;
  • it-twettiq ta’ proċedimenti biex persuna titqiegħed f’istituzzjoni minn fejn ma tkunx tista' toħroġ;
  • ir-reviżjoni ta’ talba biex jintraddu lura assi kkonfiskati jew abbandunati flimkien ma’ ripressjoni illegali u għal kumpens għad-danni;
  • ir-reviżjoni ta’ kawża sabiex ikun ipprovat it-tul ta’ servizz pensjonabbli;
  • ir-reviżjoni ta’ protest f’kawża amministrattiva;
  • ir-reviżjoni ta' rikors għal eżenzjoni mill-ħlas ta' drittijiet tan-nutara, u s-sottomissjoni ta' oġġezzjoni skont id-deċiżjoni tal-qorti f'każ bħal dan;
  • ir-reviżjoni ta’ rikors għal assistenza proċedurali, u s-sottomissjoni ta’ oġġezzjoni għad-deċiżjoni tal-qorti f’każ bħal dan;
  • ir-reviżjoni ta’ appell jew ta' lment rigward danni kkawżati minn offiża fuq il-persuna jew disturb ieħor jew minħabba l-mewt tal-persuna prinċipali b’paga.
  • kopji sa ħames paġni ta' dokumenti proċedurali f'kawża amministrattiva.

Dawn li ġejjin huma eżentati mid-drittijiet tal-Istat:

  • il-preżentata ta’ oġġezzjoni minn minorenni għal deċiżjoni tal-qorti f’kawża fejn jiġi kkonferit lilu bil-liġi dritt ta’ appell indipendenti;
  • kawża mressqa minn applikant għal pensjoni jew sostenn dwar ħlas inkorrett jew nuqqas ta’ ħlas ta’ pensjoni jew ta’ sostenn;
  • it-tressiq ta' lment minn persuna fiżika kontra deċiżjoni ta’ kumitat elettorali;
  • il-preżentata ta’ rikors minn istituzzjoni ta’ tutela biex tispiċċa l-awtorità tal-ġenituri jew biex jinħatar tutur għal minorenni jew ta’ kwalunkwe rikors ieħor ippreżentat fl-interessi ta’ tifel jew ta’ tifla li l-istituzzjoni tkun responsabbli għaliha ;
  • il-preżentata ta’ petizzjoni mill-awtoritajiet fiskali għal petizzjoni ta’ falliment jew ta’ petizzjoni oħra relatata ma’ proċedimenti ta’ insolvenza, u f’każ għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ taxxa;
  • il-preżentata ta’ appell minn gvern ta’ kontea skont ir-regoli li jirriżultaw mill-Att dwar ir-Riforma tal-Artijiet għat-twettiq tad-dmirijiet ta’ persuna li tkun issellfet il-flus f'kuntratt b'ipoteka f’każ relatat ma’ ipoteka favur l-Istat;
  • il-preżentata ta’ rikors minn bailiff lil qorti relatata mat-twettiq ta’ proċedimenti eżekuttivi fuq il-bażi tal-Kodiċi tal-Proċedura Eżekuttiva u ta’ oġġezzjoni għal deċiżjoni tal-qorti relatata ma’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 599 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Meta għandha l-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-parti li tirbaħ?

Il-qorti li tagħti deċiżjoni dwar kawża tistabbilixxi, fid-deċiżjoni tal-qorti jew fid-deċiżjoni għat-terminazzjoni tal-proċedimenti, kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż proċedurali bejn il-partijiet. Il-qorti trid tindika liema spejjeż proċedurali jew, fejn dan ikun meħtieġ, liema proporzjon tal-ispejjeż proċedurali għandhom jiġġarrbu minn kull parti. Jekk qorti superjuri temenda sentenza jew tagħti sentenza ġdida mingħajr ma tirreferi l-kwistjoni għal smigħ ġdid, il-qorti, jekk meħtieġ, għandha temenda l-qsim tal-ispejjeż proċedurali fid-dawl tas-sentenza l-ġdida.

Parti għal proċedimenti tal-qorti hija intitolata li titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza li aġġudikat il-kwistjoni biex tiddetermina l-ispejjeż proċedurali f’termini monetarji fuq il-bażi tal-qsim proporzjonali tal-ispejjeż stabbilita f’sentenza tal-qorti. Hija tista’ tagħmel dan fi żmien 30 jum mid-data li fiha d-deċiżjoni tal-qorti dwar id-diviżjoni tal-ispejjeż tidħol fis-seħħ. Lista tal-ispejjeż proċedurali, li tipprovdi wkoll dettalji dwar il-kompożizzjoni tal-ispejjeż, trid tkun mehmuża mal-petizzjoni. Il-qorti tista' tistabbilixxi d-data sa meta l-parti fil-proċedimenti għandha tipprovdi aktar dettalji dwar l-ispejjeż proċedurali li għandhom jiġu rimborżati, jew tista' tobbliga lill-parti biex tipprovdi dokumenti li jixhdu dawk l-ispejjeż. Il-qorti fil-pront tibgħat lill-kontroparti l-petizzjoni għad-determinazzjoni tal-ispejjeż proċedurali flimkien mal-lista tal-ispejjeż proċedurali u tad-dokumenti ta’ sostenn.

Il-parti avversarja tista’ toġġezzjona fiż-żmien stabbilit mill-qorti wara li tiġi nnotifikata l-petizzjoni. Il-perjodu biex tingħata tweġiba għandu jkun mhux inqas minn sebat ijiem. L-għoti tal-għajnuna legali xorta tippermetti jew ma tillimitax l-obbligu fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna legali, skont sentenza tal-qorti, biex iħallas lura l-ispejjeż tal-parti avversarja. Il-parti li tittieħed id-deċiżjoni kontra tagħha ssostni l-ispejjeż proċedurali tagħha kollha anki jekk il-parti tkun eżentata mill-obbligu li tħallas l-ispejjeż proċedurali jew jekk il-parti tkun ingħatat l-għajnuna legali sabiex tħallas dawk l-ispejjeż.

Jekk azzjoni tkun solvuta, il-qorti tordna lill-konvenut biex iħallas proporzjon tal-ispejjeż proċedurali li l-attur ikun eżentat minnhom jew li l-attur jista’ jħallas f’rati. Dak l-ammont għandu jitħallas fil-fondi pubbliċi u huwa proporzjonat mal-parti tal-azzjoni li tkun ġiet riżolta.

Drittijiet tal-esperti

Sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-ispejjeż li huma essenzjali għall-proċedimenti għandhom jitħallsu, sa fejn dan jiġi ordnat mill-qorti, mill-parti li tkun ippreżentat ir-rikors li fir-rigward tiegħu jkunu saru l-ispejjeż. Jekk iż-żewġ partijiet jissottomettu rikors jew jekk il-qorti tħarrek espert, l-ispejjeż jinqasmu bin-nofs bejn il-partijiet.

Id-drittijiet jitħallsu lill-esperti fuq il-bażi tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Ir-rati fis-siegħa għandhom jitħallsu fil-limiti tar-rati fis-siegħa minimi u massimi stabbiliti f’Regolament tal-Gvern. Id-dritt tal-espert għal analiżi esperta huwa minn 10 sa 40 darba r-rata minima fis-siegħa. Meta tiddetermina r-rata fis-siegħa li għandha titħallas, il-qorti tikkunsidra dawn li ġejjin:

  • il-kwalifiki tal-espert;
  • il-livell ta’ kumplessità tax-xogħol;
  • kwalunkwe spiża inevitabbli li tkun saret meta ntużaw il-mezzi meħtieġa;
  • kwalunkwe ċirkustanza speċjali li fiha l-espert ikun wettaq ix-xogħol meħtieġ.

L-ispejjeż relatati mat-tħejjija u tfassil tar-rapport tal-opinjoni tal-espert, inkluż spejjeż għal persunal ta' appoġġ u għal materjali u mezzi użati għall-investigazzjoni, u kwalunkwe spejjeż neċessarji li jkunu saru bħala riżultat tal-proċedimenti tal-qorti, fuq kollox għall-alloġġ u l-ikel, għandhom jiġu rimborżati wkoll.

Id-dritt li għandu jitħallas lil espert u l-ispejjeż li jkun għamel l-espert li għandhom jiġu rrimborżati jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-istess qorti li tkun involviet lill-espert.

L-esperti jiġu rrimunerati biss fuq it-talba tagħhom. Jekk espert ikun wettaq l-obbligu tiegħu, il-qorti tħallas id-dritt dovut irrispettivament minn jekk il-partijiet għall-proċedimenti jkunux ħallsu l-ispejjeż bil-quddiem jew jekk ikunx ġie ordnat l-irkupru tal-ispejjeż mingħand il-partijiet.

Id-drittijiet u l-ispejjeż tal-esperti relatati mat-twettiq ta’ valutazzjoni esperta minn istituzzjoni forensika pubblika huma parti mill-ispejjeż proċedurali u jiġu rrimborżati mill-parti li titlef lill-parti li tirbaħ bl-istess mod kif jiġu rrimborżati l-ispejjeż proċedurali.

Drittijiet tat-tradutturi u tal-interpreti

L-interpreti mhux impjegati mill-qrati li jipparteċipaw fi proċedimenti tal-qorti jitħallsu dritt fis-siegħa għall-interpretazzjoni li jvarja minn darbtejn sa 40 darba l-paga minima nazzjonali fis-siegħa. It-tradutturi jitħallsu dritt għal kull paġna ta’ traduzzjoni li huwa sa 20 darba l-paga minima fis-siegħa.

Id-dritt li għandu jitħallas lill-interpreti jew lit-tradutturi u l-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborżati jiġu ddeterminati b’deċiżjoni tal-istess qorti li tkun involviet lill-interpretu jew lit-traduttur.

Meta tkun qed tiddetermina r-rati fis-siegħa li għandhom jitħallsu, il-qorti tikkunsidra l-kwalifiki tal-interpretu jew tat-traduttur, il-kumplessità tax-xogħol, kwalunkwe spiża inevitabbli li tkun inqalgħet u l-kundizzjonijiet partikolari li fihom kienet mitluba l-interpretazzjoni jew it-traduzzjoni.

L-interpreti u t-tradutturi jitħallsu biss fuq it-talba tagħhom. Il-qorti tħallas id-dritt dovut lill-interpretu jew lit-traduttur irrispettivament minn jekk il-partijiet għall-proċedimenti jkunux ħallsu l-ispejjeż bil-quddiem jew jekk ikunx ġie ordnat l-irkupru tal-ispejjeż mingħand il-partijiet.

Id-drittijiet tal-interpreti u tat-tradutturi huma parti mill-ispejjeż proċedurali u jiġu rrimborżati mill-parti li titlef lill-parti li tirbaħ bl-istess mod kif jiġu rrimborżati l-ispejjeż proċedurali.

L-aħħar aġġornament: 08/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna