Il-Konsegwenzi Patrimonjali ta’ Sħubijiet Irreġistrati

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?

Fi Franza, jeżisti tip wieħed biss ta’ sħubija ċivili: Il-Patt Ċivili ta’ Solidarjetà (pacte civil de solidarité), jew PACS. Dan huwa ddefinit fl-Artikolu 515-1 tal-Kodiċi Ċivili (Code Civil) bħala “ftehim bejn żewġ persuni fiżiċi ta’ età maġġuri, ta’ sessi differenti jew tal-istess sess, biex jorganizzaw il-ħajja tagħhom b’mod konġunt”.

Is-sħubijiet reġistrati għandhom konsegwenzi patrimonjali bejn is-sħab u fil-konfront ta’ terzi. Dawn huma anqas wiesgħa minn dawk ta’ reġim tal-proprjetà matrimonjali u kapaċi jakkomodaw ix-xewqat tas-sħab.

Dawn ir-relazzjonijiet patrimonjali huma rregolati minn sett ta’ regoli legali li jikkonċernaw is-setgħat, is-sjieda tal-proprjetà u d-drittijiet u l-obbligi tas-sħab matul il-PACS.

Inkella, is-sħab ikunu soġġetti għal forma ta’ reġim primarju obbligatorju, irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà magħżul. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 515-4 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li s-sħab jimpenjaw ruħhom għall-koabitazzjoni, kif ukoll għall-għajnuna materjali u l-assistenza reċiproka. Barra minn hekk, is-sħab fil-prinċipju jinżammu responsabbli in solidum lejn terzi għad-djun li jġarrab wieħed minnhom għall-ħtiġijiet ta’ kuljum.

2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?

Skont il-liġi Franċiża, is-sħab f’PACS jistgħu jagħżlu bejn żewġ reġimi ta’ proprjetà.

L-ewwel nett, ir-reġim tal-liġi komuni (fin-nuqqas ta’ ftehim speċifiku), jiġifieri s-separazzjoni tal-proprjetà flimkien ma’ preżunzjoni ta’ sjieda konġunta fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Għalhekk, kull sieħeb ikompli jamministra, igawdi u jiddisponi liberament mill-assi tiegħu u kull wieħed jibqa’ responsabbli biss għad-djun personali li jġarrab qabel jew matul il-patt (l-Artikolu 515-5 tal-Kodiċi Ċivili). Huwa biss jekk jiġi ppruvat li l-assi ma humiex il-proprjetà ta’ wieħed mis-sħab li jitqies bħala proprjetà tagħhom b’mod konġunt, nofs ta’ wieħed u nofs tal-ieħor.

It-tieni nett, is-sħab jistgħu jagħżlu reġim miftiehem ta’ sjieda konġunta għal proprjetà akkwistata wara. L-assi akkwistati flimkien jew b’mod separat matul il-PACS jitqiesu bħala proprjetà komuni, nofs ta’ wieħed u nofs tal-ieħor (l-Artikolu 515-5-1 tal-Kodiċi Ċivili). Madanakollu, ċerti assi speċifikati fl-Artikolu 515-5-2 tal-Kodiċi Ċivili jibqgħu l-proprjetà esklużiva ta’ kull sieħeb, pereżempju l-flejjes li jirċievi kull wieħed wara l-iffirmar tal-PACS u li ma jintużawx għall-akkwist ta’ proprjetà, l-assi maħluqa u l-anċillari tagħhom, l-assi personali, l-assi jew il-porzjonijiet ta’ assi akkwistati bi flejjes li jappartjenu għal sieħeb qabel ir-reġistrazzjoni tal-ftehim inizjali jew ta’ emenda, l-assi jew il-porzjonijiet ta’ assi akkwistati bi flejjes irċevuti permezz ta’ rigal jew wirt u, finalment, ishma ta’ assi akkwistati f’bejgħ b’irkant ta’ proprjetà komuni ta’ wieħed mis-sħab f’patrimonju mhux diviż jew minn rigal.

Sabiex il-fatti jkunu ċari, il-PACS hija l-unika forma ta’ sħubija ċivili fi Franza.

3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Is-sħab jistgħu jikkonkludu l-ftehim tal-PACS quddiem reġistratur (officier de l’état civil) jew quddiem nutar (notaire).

L-Artikolu 515-3 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi “li l-persuni li jidħlu f’patt ta’ solidarjetà ċivili għandhom jagħmlu dikjarazzjoni konġunta lir-reġistratur tal-muniċipalità li fiha jkunu qegħdin jistabbilixxu residenza konġunta, jew, fejn ikun hemm xkiel serju għall-istabbiliment ta’ din ir-residenza, quddiem ir-reġistratur tal-muniċipalità li fiha jkun residenti wieħed mis-sħab”. F’dik l-okkażjoni, is-sħab jippreżentaw il-ftehim li ffirmaw lir-reġistratur.

Il-ftehim tal-PACS jista’ jiġi konkluż ukoll permezz ta’ att notarili. In-nutar li jfassal l-istrument imbagħad jikseb id-dikjarazzjoni konġunta, jirreġistra l-patt u jorganizza l-formalitajiet tal-pubblikazzjoni (il-ħames paragrafu tal-Artikolu 515-3 tal-Kodiċi Ċivili).

Is-sħab jistgħu jagħżlu sjieda konġunta ta’ arranġament ta’ proprjetà akkwistata wara kif iddefinit fl-Artikolu 515-5-1 tal-Kodiċi Ċivili. Inkella jkunu rregolati mir-reġim statutorju tas-separazzjoni tal-proprjetà previst fl-Artikolu 515-5 tal-Kodiċi Ċivili.

Matul PACS is-sħab jistgħu jiddeċiedu li jemendaw jew jibdlu r-reġim tal-proprjetà fi ftehim ta’ emenda, li jrid jiġi ppubblikat bl-istess mod bħall-patt oriġinali. Dan għandu jingħadda jew jintbagħat lir-reġistratur jew lin-nutar li jkun irċieva d-dokument oriġinali għar-reġistrazzjoni (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 515-3 tal-Kodiċi Ċivili).

4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?

Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-ftehim, ir-reġim tal-proprjetà għas-sħab f’PACS huwa r-reġim tas-separazzjoni tal-proprjetà. Madanakollu, is-sħab jistgħu jiddeċiedu espressament dwar l-arranġament tal-proprjetà konġunta ta’ proprjetà akkwistata wara kif iddefinit fl-Artikolu 515-5-1 tal-Kodiċi Ċivili. “Is-sħab, fil-ftehim oriġinali jew fi ftehim ta’ emenda, jistgħu jagħżlu s-sjieda konġunta tal-assi li jakkwistaw, flimkien jew separatament, minn meta jiġu rreġistrati l-ftehimiet. Dawk l-assi mbagħad jitqiesu li huma proprjetà konġunta nofs bin-nofs, mingħajr rikors minn sieħeb wieħed kontra l-ieħor għal kontribuzzjoni mhux ugwali”.

Ikun liema jkun ir-reġim magħżul, is-sħab huma wkoll soġġetti għal reġim primarju obbligatorju li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom lejn xulxin u lejn terzi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 515-4 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li s-sħab jimpenjaw ruħhom għall-koabitazzjoni, kif ukoll għall-għajnuna materjali u l-assistenza reċiproka. Barra minn hekk, is-sħab fil-prinċipju jinżammu responsabbli in solidum lejn terzi għad-djun li jġarrab wieħed minnhom għall-ħtiġijiet ta’ kuljum.

5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

L-Artikolu 515-7 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-PACS jiġi xolt bil-mewt ta’ wieħed mis-sħab jew biż-żwieġ tas-sħab jew ta’ sieħeb wieħed. F’dak il-każ, ix-xoljiment jidħol fis-seħħ fid-data tal-avveniment. Dan jiġi xolt ukoll permezz ta’ dikjarazzjoni konġunta mis-sħab jew deċiżjoni unilaterali minn sieħeb wieħed.

Fir-relazzjoni bejn is-sħab, ix-xoljiment tal-PACS jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu. Huwa jsir effettiv kontra terzi mill-jum li fih jitlestew il-formalitajiet tal-pubblikazzjoni.

Ix-xoljiment jew l-annullament tas-sħubija jinvolvi l-likwidazzjoni tar-reġim tal-proprjetà.

Skont l-għaxar paragrafu tal-Artikolu 515-7 tal-Kodiċi Ċivili, is-sħab huma responsabbli għal-likwidazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-PACS. Imħallef jieħu deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni biss jekk dawn jonqsu milli jilħqu ftehim.

Kull sieħeb jirkupra l-proprjetà personali tiegħu.

Proprjetà konġunta tinqasam nofs bin-nofs, sakemm ma jsirux arranġamenti kuntrattwali differenti. B’mod partikolari, ma hemm xejn li jimpedixxi lill-eks sħab milli jkomplu jkollhom proprjetà komuni.

Id-djun bejn is-sħab għandhom jitħallsu.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni preferenzjali b’diviżjoni (l-Artikoli 831, 831-2, 832-3 u 832-4 tal-Kodiċi Ċivili) huma applikabbli bejn is-sħab.

6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

Il-mewt ta’ wieħed mis-sħab għandha l-effett ta’ xoljiment tas-sħubija reġistrata fil-jum tal-mewt u tinvolvi l-likwidazzjoni tar-reġim patrimonjali f’konformità mal-istess arranġamenti bħal hawn fuq.

Skont il-liġi Franċiża tal-wirt, is-sieħeb superstitu ma huwiex werriet legali. Madanakollu, huwa jista’ jinħatar werriet f’testment.

Is-superstitu jista’ jitlob dritt għall-pussess temporanju għal sena tal-proprjetà li tkun effettivament okkupata bħala r-residenza prinċipali tiegħu jew tagħha fid-data tal-mewt (kif previst fl-ewwel u fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 763).

Madanakollu, dak id-dritt ma huwiex politika pubblika u l-persuna deċeduta tista’ ċċaħħad lis-superstitu minnha f’testment.

Is-superstitu jista’ japplika wkoll għal allokazzjoni preferenzjali tad-dar tal-familja meta l-persuna deċeduta tkun għamlet dispożizzjoni espressa għal dan fit-testment tagħha (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 515-6 tal-Kodiċi Ċivili).

7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

L-imħallef tal-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales, JAF) għandu l-ġuriżdizzjoni għall-koproprjetà bejn is-sħab f’PACS jew konkubini (il-Liġi Nru 2009-506 tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-liġi (loi n° 2009-506 du 12 mai 2009 sur la simplification du droit), id-Digriet Nru 2009-1591 tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar il-proċeduri quddiem l-imħallef tal-qorti tal-familja dwar ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u s-sjieda konġunta (décret n° 2009-1591 du 17 décembre 2009 relatif à la procédure devant le juge aux affaires familiales en matière de régimes matrimoniaux et d’indivisions), iċ-Ċirkolari CIV/10/10 tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar is-setgħat tal-imħallef tal-qorti tal-familja fir-rigward tal-likwidazzjoni (circulaire CIV/10/10 du 16 juin 2010 sur les compétences du juge aux affaires familiales en matière de liquidation).

8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 515-4 tal-Kodiċi Ċivili, li huwa applikabbli irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà magħżul mis-sħab, is-sħab huma miżmuma responsabbli in solidum fir-rigward ta’ terzi għal djun aċċettati minn wieħed minnhom għall-ħtiġijiet ta’ kuljum. Madankollu, tali responsabbiltà in solidum ma tapplikax għal spejjeż li huma manifestament eċċessivi. Lanqas ma għandha tapplika jekk tali djun ma jkunux ġew aċċettati bil-kunsens taż-żewġ sħab għal kiri b’opzjoni ta’ xiri jew għal self, sakemm dawn ma jkunux għal somom żgħar meħtieġa għall-ħtiġijiet ta’ kuljum u l-ammont kumulattiv tas-somom, fil-każ ta’ self multiplu, ma jkunx manifestament eċċessiv fid-dawl tal-istil ta’ ħajja tal-familja.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 515-5 tal-Kodiċi Ċivili, is-sieħeb li jkun proprjetarju waħdieni ta’ mobbli għandu jitqies, fil-konfront ta’ terzi in bona fide, li għandu s-setgħa li jwettaq kull att ta’ amministrazzjoni, tgawdija jew disponiment ta’ dawk il-mobbli.

9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru

Skont l-għaxar paragrafu tal-Artikolu 515-7 tal-Kodiċi Ċivili, dwar ix-xoljiment ta’ PACS is-sħab huma responsabbli għal-likwidazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-PACS. Imħallef jieħu deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni biss jekk dawn jonqsu milli jilħqu ftehim.

Id-diviżjoni tista’ ssir permezz ta’ ftehim bonarju jew permezz tal-qrati. Bi ftehim bonarju, jitfassal ftehim ta’ diviżjoni bejn is-sħab. Dan ikun fil-forma ta’ att notarili jekk ikun relatat ma’ proprjetà li teħtieġ reġistrazzjoni tal-art. Id-diviżjoni ssir mill-qrati jekk il-partijiet jonqsu milli jilħqu ftehim dwar il-likwidazzjoni jew id-distribuzzjoni tal-proprjetà. L-imħallef jiddeċiedi dwar rikorsi għall-pussess konġunt kontinwat jew allokazzjoni preferenzjali (l-Artikolu 831 tal-Kodiċi Ċivili).

Jekk is-sħab ikunu soġġetti għar-reġim tal-proprjetà skont il-liġi ordinarja, jiġifieri s-separazzjoni tal-proprjetà, l-assi kollha li s-sħab setgħu jagħtu prova li kienu proprjetà ta’ sieħeb wieħed jew l-ieħor jerġgħu lura għand sidhom. Bl-istess mod, id-djun personali ta’ sieħeb jibqgħu personali. Min-naħa l-oħra, l-assi li ma jkunx ġie ppruvat li jkunu proprjetà ta’ sieħeb wieħed jew ieħor jitqiesu bħala proprjetà konġunta, nofs ta’ wieħed u nofs tal-ieħor.

Jekk is-sħab kienu għażlu reġim miftiehem ta’ proprjetà konġunta ta’ proprjetà akkwistata wara, l-assi fi proprjetà konġunta jitqiesu li jappartjenu lil kull sieħeb, nofs ta’ wieħed u nofs tal-ieħor. Għalhekk, l-assi ta’ proprjetà konġunta jinqasmu nofs bin-nofs bejn is-sħab, soġġetti għall-assi li jibqgħu l-proprjetà ta’ kull wieħed minnhom (ara hawn fuq u l-Artikolu 515-5-2 tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni preferenzjali b’diviżjoni (l-Artikoli 831, 831-2, 832-3 u 832-4 tal-Kodiċi Ċivili) huma applikabbli bejn is-sħab.

10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Fil-każ ta’ diviżjoni permezz ta’ ftehim bonarju ta’ proprjetà soġġetta għar-reġistrazzjoni tal-art (fi kliem ieħor proprjetà immobbli), l-att tal-likwidazzjoni u tad-diviżjoni jrid jiġi rċevut f’forma notarili.

L-Artikolu 710-1 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi li “sabiex jirriżultaw il-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni tal-art, kull att jew dritt irid ikun ibbażat fuq att notarili li jkun irċieva nutar li jipprattika fi Franza, deċiżjoni tal-qorti jew strument awtentiku minn awtorità amministrattiva”.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.