Il-Konsegwenzi Patrimonjali ta’ Sħubijiet Irreġistrati

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm forom differenti ta’ “sħubijiet irreġistrati” f’dan l-Istat Membru? Spjega d-differenzi bejn il-forom differenti?

Fil-Finlandja hemm tip wieħed biss ta’ sħubija reġistrata. Persuni f’relazzjonijiet bejn l-istess sess setgħu jirreġistraw is-sħubijiet tagħhom sal-2017.

L-emendi fl-Att dwar iż-Żwieġ u fl-Att dwar is-Sħubijiet Reġistrati daħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ Marzu 2017. Bħala konsegwenza ta’ dan, m’għadux possibbli li jiġu reġistrati sħubijiet fil-Finlandja, iżda l-persuni f’relazzjonijiet bejn l-istess sess jistgħu jiżżewġu.

Il-koppji fi sħubijiet reġistrati jistgħu, jekk ikunu jixtiequ dan, jaqilbu s-sħubija tagħhom fi żwieġ jekk is-sħubija tkun ġiet irreġistrata fil-Finlandja. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu biex is-sħubijiet reġistrati jinqalbu fi żwiġijiet, u jekk ikunu jixtiequ, il-koppji jistgħu jibqgħu fi sħubija reġistrata.

2 Hemm reġim ta’ proprjetà statutorju għas-sħubijiet irreġistrati f’dan l-Istat Membru? X’jipprevedi? Għal liema forom ta’ “sħubija rreġistrata” japplika?

Għar-reġimi tal-proprjetà tas-sħubijiet reġistrati japplikaw l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk taż-żwieġ.

3 Is-sħab, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Is-sħab fi sħubijiet reġistrati jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali qabel ir-reġistrazzjoni tas-sħubija jew matul is-sħubija reġistrata. Il-konverżjoni ta’ sħubija reġistrata fi żwieġ ma taffettwax il-validità ta’ ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali konkluż qabel ir-reġistrazzjoni tas-sħubija jew matul is-sħubija reġistrata.

4 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà?

Għar-reġimi tal-proprjetà tas-sħubijiet reġistrati japplikaw l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk taż-żwieġ.

5 X’inhuma l-effetti legali tax-xoljiment jew l-annullament fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

Id-diviżjoni tal-proprjetà li tirriżulta mix-xoljiment ta’ sħubija reġistrata tiġi ttrattata bl-istess mod bħad-diviżjoni tal-proprjetà li tirriżulta minn divorzju.

Id-diviżjoni jew il-qsim tal-proprjetà jistgħu jsiru matul il-perjodu biex wieħed jaħsibha għax-xoljiment tas-sħubija reġistrata, malli l-każ jitressaq quddiem il-Qorti Distrettwali. Kwalunkwe wieħed mis-sħab fi sħubija reġistrata jista’ jitlob li ssir id-diviżjoni tal-proprjetà.

6 X’inhuma l-effetti legali tal-mewt fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

Id-diviżjonijiet fil-każ tal-mewt ta’ wieħed mis-sħab jiġu ttrattati bl-istess mod bħal fil-każ tal-mewt ta’ konjuġi, u s-sieħeb superstiti jkollu l-istess drittijiet bħal konjuġi armel/armla.

7 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ relatat mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata?

Fil-Finlandja, l-awtoritajiet ma jibdewx proċedimenti fuq inizjattiva proprja tagħhom. Jekk il-partijiet ma jaslux għal ftehim dwar id-diviżjoni, il-Qorti Distrettwali [Käräjäoikeus] taħtar, wara rikors, eżekutur biex jaqsam l-assi.

8 X’inhuma l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija rreġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza?

L-effetti tar-reġimi tal-proprjetà ta’ sħubija reġistrata fuq ir-relazzjonijiet legali bejn sieħeb u parti terza huma l-istess bħar-reġimi tal-proprjetà ta’ żwieġ fuq tali relazzjonijiet legali.

9 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà tas-sħubija rreġistrata f’dan l-Istat Membru.

Id-diviżjonijiet li jitwettqu wara x-xoljiment ta’ sħubija reġistrata jieħdu l-istess forma bħal dawk li jitwettqu wara x-xoljiment ta’ żwieġ.

10 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Is-sjieda ta’ proprjetà tiġi rreġistrata permezz ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-titolu. Ir-reġistrazzjoni tat-titolu tiddaħħal fir-reġistru pubbliku tat-titoli u l-ipoteki. Wara dan, is-sid jidher fuq iċ-ċertifikat tat-titolu.

Jekk is-sjieda ta’ proprjetà tinbidel minħabba d-diviżjoni jew il-qsim tagħha, il-kopja oriġinali tal-ftehim għad-diviżjoni jew il-qsim tal-proprjetà, spjegazzjoni tar-raġunijiet għad-diviżjoni (bħal notifika mill-Qorti Distrettwali li jkun tressaq quddiemha każ li jinvolvi x-xoljiment tas-sħubija), u kwalunkwe riċevuta ta’ ħlas tat-taxxa fuq it-trasferiment, iridu jintbagħtu lill-Istħarriġ Nazzjonali dwar l-Artijiet tal-Finlandja [Maanmittauslaitos] għall-iskopijiet ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-titolu.

Il-perjodu għar-reġistrazzjoni ta’ titolu ta’ proprjetà diviża minħabba x-xoljiment ta’ sħubija reġistrata jibda meta d-diviżjoni tidħol fis-seħħ. Il-perjodu ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ sitt xhur.

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.