Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Iva, hemm sistema ta’ din ix-xorti. Hemm regoli dwar l-obbligu tal-manteniment li japplika bejn il-konjuġi matul u wara ż-żwieġ. Huwa jirregola wkoll id-drittijiet u l-obbligi tal-konjuġi matul u wara ż-żwieġ rigward it-tipi differenti ta’ assi u obbligi, id-dar matrimonjali u l-għamara fiha, u r-rigali bejn il-konjuġi.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Il-konjuġi jista’ jkollhom żewġ tipi ta’ assi: propjetà li hemm ċans tinqasam (giftorättsgods) u propjetà privata (enskild egendom). Il-propjetà li hemm ċans tinqasam hija dik l-aktar komuni; il-propjetà tista’ tiġi maqsuma fejn ma jiġi determinat l-ebda mod ieħor. Ir-regola fundamentali hija li din il-propjetà trid tiġi maqsuma meta jmut il-konjuġi jew f’każ ta’ divorzju. Il-propjetà privata mhix soġġetta għal qsim ta’ dan it-tip. Il-propjetà tista’ tkun privata b’riżultat ta’ xi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi:

a) Ftehim dwar il-propjetà matrimonjali (äktenskapsförord). Il-ftehim irid ikun bil-miktub u rreġistrat mal-Aġenzija tat-Taxxi (Skatteverket).

b) Il-kundizzjonijiet għal rigal.

c) Il-kundizzjonijiet għal testment.

d) Id-deżinjazzjoni ta’ benefiċjarju f’polza ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, polza ta’ assigurazzjoni f’każ ta’ inċident, polza ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, jew skema ta’ tfaddil għall-pensjoni individwali.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Iva hemm restrizzjonijiet. Pereżempju, hemm regoli li jipproteġu d-dar matrimonjali tal-konjuġi u l-għamara u t-tiżjin ta’ ġo fiha matul iż-żwieġ. Wieħed mill-konjuġi ma jistax ibigħ, jikri jew b’xi mod ieħor jiddisponi mid-dar mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor. Dawn ir-regoli japplikaw anke għal propjetà li hija privata skont it-termini ta’ ftehim dwar il-propjetà matrimonjali. Jekk il-propjetà trid tinqasam bejn il-konjuġi, id-dar matrimonjali tagħhom bl-għamara u t-tiżjin tingħata lil dak il-konjuġi li l-aktar għandu bżonnha. Dan ikun il-każ anke jekk il-propjetà hija biss tal-konjuġi l-ieħor. Jekk il-valur tal-propjetà allokata lil konjuġi minnhom jaqbeż sehemu fil-propjetà li se tinqasam, huwa xorta għandu dritt jieħu s-sjieda tagħha jekk iħallas id-differenza lill-konjuġi l-ieħor. Eżempju ieħor huwa fejn konjuġi superstiti għandu dritt għal somma ta’ flus minima mill-propjetà taż-żewġ konjuġi. Dan japplika anke jekk il-propjetà tal-konjuġi deċedut kienet privata u l-konjuġi li miet ħalla l-propjetà kollha tiegħu lil xi ħaddieħor.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Il-liġi Svediża tippermetti biss id-divorzju, L-effett legali tad-divorzju huwa li l-propjetà li hemm ċans tinqasam ikollha tinqasam. Konjuġi minnhom jista’ jkollu dritt għall-manteniment, tal-inqas għal perjodu sakemm isib saqajh.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-propjetà tinqasam bejn l-eredi u l-konjuġi superstiti tad-decujus. Iżda t-tfal komuni tal-koppja u n-neputijiet irid jistennew sakemm imutu ż-żewġ konjuġi qabel jieħdu l-wirt tagħhom.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-propjetà tista’ titqassam mill-partijiet infushom. Jekk jaqblu, l-uniku rekwiżit formali huwa li t-tqassim isir bil-miktub u ffirmat minn kulħadd. Jekk ma jaqblux, il-qorti tista’ taħtar eżekutur (bodelningsförrättare). Id-deċiżjonijiet meħuda mill-eżekutur jistgħu jiġu kkontestati mill-partijiet fil-qrati.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

Kull konjuġi huwa responsabbli għad-dejn tiegħu. Kreditur ta’ xi ħadd minnhom ma jistax jitlob il-ħlas mill-propjetà tal-ieħor, kemm jekk il-propjetà tista’ tinqasam u kemm jekk hija l-propjetà privata tiegħu. Hemm ukoll regoli li jipproteġu lill-kreditur kontra tentattivi mill-konjuġi li jneħħu l-assi minn fejn jista’ jasal għalihom il-kreditur. Pereżempju, konjuġi ma jistax jiddeċiedi li l-propjetà privata tiegħu għandha tiġi inkluża fit-tqassim ta’ propjetà jekk il-ħsieb huwa li jevita xi kreditur.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Ir-regola ġenerali hija li dik il-propjetà kollha li hemm ċans tinqasam għandha tiġi nkluża fi kwalunkwe diviżjoni. Hemm diversi eċċezzjonijiet. Mill-propjetà li tista tinqasam il-konjuġi jista’ jieħu minnha dak l-ammont li jikkorispondi mad-dejn tiegħu. Kull konjuġi jista’ jieħu wkoll dak l-ilbies u propjetà oħra li juża personalment, u xi rigali personali. Id-diviżjoni ma tkoprix il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jridu jitħallsu mill-impjegaturi jew mill-fondi pubbliċi, jew f’ċertu każijiet il-pensjonijiet privati. Il-valur ta’ dak li jkun fadal mill-propjetà li tista’ tinqasam prinċipalment għandu jinqasam b’mod ugwali bejn il-konjuġi. It-tqassim għandu jqis min hu sid l-ass ikkonċernat. Kif imsemmi iktar il-fuq, hemm ukoll regoli speċjali għad-dar matrimonjali u l-għamara u t-tiżjin ta’ ġo fiha.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kull traferiment ta’ propjetà immobbli għandu jkun irreġistrat permezz ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sjieda mal-Istħarriġ Nazzjonali tal-Artijiet (Lantmäteriet). Ir-reġistrazzjoni normalment ifittxha x-xerrej. Id-dokumenti oriġinali għandhom jiġu sottomessi mal-applikazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 10/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.