Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Iva.

Is-sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin huma rregolati bil-Kodiċi tal-Familja tar-Repubblika tas-Slovenja (Družinski zakonik Republike Slovenije (DZ)):

Is-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin tapplika għall-konjuġi sakemm ma jikkonkludux kuntratt dwar forma differenti ta’ sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin. Fil-każ imsemmi l-aħħar, tkun tapplika għalihom is-sistema kuntrattwali li tirregola l-beni tal-miżżewġin.

Is-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin tinkludi l-komunjoni tal-beni għall-beni konġunti tal-konjuġi u s-separazzjoni tal-beni għall-beni personali ta’ kull wieħed mill-konjuġi.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Konjuġi jew konjuġi futuri jistgħu jfasslu s-sistema li tirregola l-beni tagħhom permezz ta’ kuntratt. Kuntratti li jagħmlu arranġamenti għal sistema li tirregola l-beni huma kuntratti li bihom iż-żewġ konjuġi jispeċifikaw sistema li tirregola l-beni li tkun differenti minn dik statutorja.

F’dawn il-kuntratti, huma jistgħu wkoll jaqblu li jispeċifikaw sistemi differenti li jirregolaw il-beni matul iż-żwieġ tagħhom u f’każ ta’ divorzju. Il-kuntratti li l-konjuġi jikkonkludu dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-beni jridu jieħdu l-forma ta’ att notarili. Is-sistema kuntrattwali li tirregola l-beni tal-miżżewġin tapplika għall-konjuġi hekk kif il-kuntratt dwar dik is-sistema ikun ġie konkluż, sakemm ma jaqblux mod ieħor. Kuntratt ta’ qabel iż-żwieġ konkluż minn konjuġi futuri dwar is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin jidħol fis-seħħ fil-jum taż-żwieġ jew fil-jum ta’ wara, kif speċifikat mill-konjuġi futuri fil-kuntratt ta’ qabel iż-żwieġ. Il-kuntratti dwar is-sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin iridu jiddaħħlu fir-reġistru ta’ dawn il-kuntratti. Jekk kuntratt dwar sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin ma jiddaħħalx fir-reġistru ta’ tali kuntratti, għall-finijiet ta’ relazzjonijiet ma’ partijiet terzi, huwa supponut li s-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin tapplika għar-relazzjoni bejn il-konjuġi fir-rigward tal-beni.

Il-konjuġi jridu jinformaw lil xulxin dwar is-sitwazzjoni tal-beni tagħhom qabel ma jikkonkludu kuntratt li jirregola s-sistema dwar il-beni tal-miżżewġin. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-kuntratt jista’ jiġi kkontestat fil-qorti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Le. Madankollu, il-konjuġi jridu jinformaw lil xulxin dwar is-sitwazzjoni tal-beni tagħhom qabel ma jikkonkludu kuntratt li jirregola s-sistema dwar il-beni tal-miżżewġin. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, il-kuntratt jista’ jiġi kkontestat fil-qorti.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Il-beni konġunti tal-konjuġi jiġu diviżi f’każ li ż-żwieġ tagħhom jiġi xolt.

Jekk il-kuntratt dwar is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin li permezz tiegħu l-konjuġi jagħżlu li ma japplikawx is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin ma jispeċifikax il-mod li bih għandhom jiġu diviżi l-beni tal-miżżewġin, dawn jiġu diviżi skont ir-regoli tas-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin, ħlief fejn il-konjuġi jiftiehmu mod ieħor. Il-beni jiġu diviżi fuq il-bażi tas-sitwazzjoni meta jidħol fis-seħħ il-kuntratt dwar is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin.

Fil-prinċipju, il-beni tal-miżżewġin jiġu diviżi fuq il-bażi ta’ ishma ugwali, iżda l-konjuġi jistgħu jipprovdu evidenza li huma kkontribwixxew għall-beni tal-miżżewġin fi proporzjonijiet differenti. Ma jiġux ikkunsidrati differenzi insinifikanti fil-kontribuzzjonijiet ta’ kull wieħed mill-konjuġi għall-beni tal-miżżewġin.

Meta l-ishma tal-beni tal-miżżewġin ikunu ġew miftiehma jew stabbiliti, il-konjuġi jistgħu jaqblu dwar l-arranġamenti għad-diviżjoni tal-beni. Jekk il-konjuġi jaqblu li jsiru sidien konġunti ta’ assi fi proporzjon skont is-sehem rispettiv tagħhom mill-beni tal-miżżewġin, dan jitqies bħala diviżjoni wkoll.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi ma għandu l-ebda effett fuq is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin.

Il-beni tal-konjuġi deċedut huma soġġetti għal proċedimenti ta’ suċċessjoni.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-qrati għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu dwar tilwimiet li jikkonċernaw sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

L-obbligazzjonijiet konġunti tal-konjuġi huma dawk li jorbtu liż-żewġ konjuġi skont il-leġiżlazzjoni ġenerali, obbligazzjonijiet li jirriżultaw b’rabta mal-beni tal-miżżewġin u l-obbligazzjonijiet imġarrba minn wieħed mill-konjuġi biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-koabitazzjoni mal-konjuġi l-ieħor jew il-ħtiġijiet tal-familja. Il-konjuġi huma responsabbli in solidum għal dawn l-obbligazzjonijiet bil-beni komuni tagħhom u bil-proprjetà personali ta’ kull wieħed minnhom.

Konjuġi jista’ jitlob ir-rimborż mill-konjuġi l-ieħor għar-raġuni li huwa jkun ħallas aktar mis-sehem tiegħu meta jkun salda obbligazzjoni konġunta.

L-obbligazzjonijiet personali ta’ wieħed mill-konjuġi huma dawk li kellu qabel il-konklużjoni taż-żwieġ u dawk li huwa ġarrab wara l-konklużjoni taż-żwieġ iżda li ma jikkostitwixxux obbligazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 82(1) DZ.

Konjuġi huwa responsabbli għall-obbligazzjonijiet personali bil-beni personali tiegħu u s-sehem tiegħu mill-beni konġunti.

Jekk kuntratt dwar sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin ma jiddaħħalx fir-reġistru ta’ tali kuntratti, għall-finijiet ta’ relazzjonijiet ma’ partijiet terzi, huwa supponut li s-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin tapplika għar-relazzjoni bejn il-konjuġi fir-rigward tal-beni.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Il-beni konġunti tal-konjuġi jiġu diviżi f’każ li ż-żwieġ tagħhom jiġi xolt. Sakemm iż-żwieġ jibqa' validu, il-beni tal-miżżewġin jistgħu jiġu diviżi bi qbil jew fuq it-talba ta’ wieħed mill-konjuġi.

Ftehimiet bħal dawn jinkludu kwalunkwe ftehim bejn il-konjuġi dwar il-kopertura tas-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin. Jekk il-kuntratt tas-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin li permezz tiegħu l-konjuġi jagħżlu li ma japplikawx is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin ma jispeċifikax il-mod li bih għandhom jiġu diviżi l-beni tal-miżżewġin, dawn jiġu diviżi skont ir-regoli tas-sistema statutorja li tirregola l-beni tal-miżżewġin, ħlief fejn il-konjuġi jiftiehmu mod ieħor. Il-beni jiġu diviżi fuq il-bażi tas-sitwazzjoni meta jidħol fis-seħħ il-kuntratt dwar is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin.

Id-djun u t-talbiet ta’ kull wieħed mill-konjuġi fir-rigward ta’ dawk il-beni tal-miżżewġin huma stabbiliti qabel ma jiġi ddeterminat is-sehem tiegħu f’dawk il-beni.

L-ammont tas-sehem ta’ kull wieħed mill-konjuġi fil-beni tal-miżżewġin jista’ jiġi miftiehem bejn il-konjuġi jew jiġi deċiż minn qorti f'rispons għal talba minn kwalunkwe wieħed mill-konjuġi.

Fil-prinċipju, il-beni tal-miżżewġin jiġu diviżi fuq il-bażi ta’ ishma ugwali, iżda l-konjuġi jistgħu jipprovdu evidenza li huma kkontribwixxew għall-beni tal-miżżewġin fi proporzjonijiet differenti. Ma jiġux ikkunsidrati differenzi insinifikanti fil-kontribuzzjonijiet ta’ kull wieħed mill-konjuġi għall-beni tal-miżżewġin.

F’tilwima li tikkonċerna l-ammont tas-sehem ta’ kull wieħed mill-konjuġi fil-beni tal-miżżewġin, il-qorti tqis iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-introjtu ta’ kull wieħed mill-konjuġi, l-għajnuna li wieħed mill-konjuġi jipprovdi lill-ieħor, il-kustodja tat-tfal, it-twettiq tax-xogħol tad-dar, l-indukrar tad-dar u tal-familja, ir-responsabbiltà ta’ preservazzjoni tal-proprjetà u kwalunkwe forma oħra ta’ xogħol u ta’ kooperazzjoni fl-amministrazzjoni, fil-preservazzjoni u fit-titjib tal-beni tal-miżżewġin.

Meta l-ishma tal-beni tal-miżżewġin ikunu ġew miftiehma jew stabbiliti, il-konjuġi jistgħu jaqblu dwar l-arranġamenti għad-diviżjoni tal-beni. Jekk il-konjuġi jaqblu li jsiru sidien konġunti ta’ assi fi proporzjon skont is-sehem rispettiv tagħhom mill-beni tal-miżżewġin, dan jitqies bħala diviżjoni wkoll.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar l-arranġamenti għad-diviżjoni tal-beni, il-qorti taqsam il-beni skont ir-regoli li jirregolaw id-diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin.

Meta jiġu diviżi l-beni tal-miżżewġin, l-oġġetti li jkunu maħsuba għat-twettiq tal-professjoni jew ta’ attività oħra ta’ wieħed mill-konjuġi jew li jippermettulu jaqla’ l-għajxien jiġu allokati lilu u jittieħdu mis-sehem tiegħu, fuq talba tiegħu.

L-istess japplika għal oġġetti li jkunu maħsuba esklużivament għall-użu personali ta’ wieħed mill-konjuġi u li ma jkunux il-beni personali tiegħu.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-qorti tar-reġistru tal-artijiet (zemljiškoknjižno sodišče) tiddeċiedi jekk tippermettix ir-reġistrazzjoni abbażi ta’ dokumenti li jipprovdu evidenza tal-bażi ġuridika għall-ksib tad-dritt li għandu jiġi rreġistrat u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti bil-liġi.

Dawn id-dokumenti huma stabbiliti fl-Artikolu 40(1) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet (Zakon o zemljiški knjigi (ZZK-1)).

L-aħħar aġġornament: 10/11/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.