Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Iva. Fil-prinċipju, il-konjuġi huma liberi li jagħżlu r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom billi jfasslu kuntratt taż-żwieġ magħruf bħala ftehim ta’ qabel iż-żwieġ (convenção antenupcial) skont l-Artikolu 1698 tal-Kodiċi Ċivili Portugiż (Código Civil).

Madankollu, jekk il-konjuġi ma jagħżlux reġim patrimonjali jew f’ċerti każijiet fejn il-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ ikun invalidu, ir-reġim legali tal-proprjetà matrimonjali jkun is-sjieda konġunta ta’ proprjetà akkwistata wara ż-żwieġ f’konformità mal-Artikoli 1717 u 1721 tal-Kodiċi Ċivili.

F’dan il-każ, l-Artikoli 1721 sa 1731 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxu liema proprjetà hija proprjetà konġunta u liema proprjetà hija proprjetà separata.

Bħala eċċezzjoni, f’ċerti ċirkostanzi kif stabbilit fl-Artikolu 1720 tal-Kodiċi Ċivili, ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni huwa obbligatorju.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Il-konjuġi jistgħu jirranġaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom billi jidħlu fi ftehim ta’ qabel iż-żwieġ, li permezz tiegħu jkunu jistgħu jagħżlu waħda mit-tliet reġimi ta’ proprjetà stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili jew jagħmlu arranġamenti differenti fi ħdan il-limiti tal-liġi applikabbli (l-Artikolu 1698 tal-Kodiċi Ċivili).

It-tliet sistemi li jirregolaw il-beni tal-miżżewġin stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili huma:

  • sjieda konġunta ta’ proprjetà akkwistata wara ż-żwieġ (regime da comunhão de adquiridos – l-Artikoli 1721 sa 1731 tal-Kodiċi Ċivili);
  • sjieda konġunta tal-proprjetà kollha (regime da comunhão geral de bens – l-Artikoli 1732 sa 1734 tal-Kodiċi Ċivili);
  • proprjetà separata (regime da separação de bens – Artikoli 1735 sa 1735 tal-Kodiċi Ċivili).

Kif indikat hawn fuq, il-konjuġi jistgħu jaqblu dwar arranġamenti differenti fil-limiti tal-liġi applikabbli. Dan ikun il-każ meta r-reġim tal-proprjetà matrimonjali jkun is-sjieda konġunta ta’ proprjetà akkwistata wara ż-żwieġ, iżda l-konjuġi jaqblu, fi ftehim ta’ qabel iż-żwieġ, li proprjetà immobbli speċifika akkwistata minn wieħed minnhom qabel iż-żwieġ (pereżempju, dar tal-familja) issir proprjetà bi sjieda konġunta wara ż-żwieġ minħabba li t-tnejn li huma jridu jkunu responsabbli għall-ipoteka rispettiva.

Ir-rekwiżiti formali huma li l-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ irid jieħu l-forma ta’ dokument awtentiku mfassal quddiem nutar (att pubbliku) jew dikjarazzjoni magħmula quddiem reġistratur (l-Artikolu 1710 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikoli 189 sa 191 tal-Kodiċi tar-Reġistru Ċivili (Código do Registo Civil)).

Fil-prinċipju, il-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ irid jiġi konkluż qabel iż-żwieġ. F’konformità mal-Artikolu 1714 tal-Kodiċi Ċivili, il-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ u s-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin ma jistgħux jinbidlu wara ż-żwieġ, ħlief jekk ikun previst mod ieħor fl-Artikolu 1715 tal-Kodiċi Ċivili.

Id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għal ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ jistgħu jinstabu fil-Ktieb IV, Titolu II, Kapitolu IX, Taqsima III tal-Kodiċi Ċivili (l-Artikolu 1698 sal-Artikolu 1716).

Id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għal rigali taż-żwieġ u rigali bejn konjuġi jinsabu fil-Ktieb IV, Titolu II, Kapitolu X, Taqsimiet I u II tal-Kodiċi Ċivili (Artikoli 1753 sa 1766).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Hemm żewġ sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1720 tal-Kodiċi Ċivili li fihom ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni huwa obbligatorju: meta ż-żwieġ isir mingħajr ma jgħaddi mill-proċeduri ta’ qabel iż-żwieġ, u meta l-konjuġi jkollhom 60-il sena jew aktar.

Altrimenti, il-konjuġi huma liberi li jagħmlu l-arranġamenti tagħhom fil-limiti tal-liġi applikabbli.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Skont l-Artikolu 1688 tal-Kodiċi Ċivili, ir-relazzjoni taż-żwieġ tintemm b’divorzju jew annullament, mingħajr ma taffettwa r-regoli dwar il-manteniment. Is-separazzjoni legali ma tħollx iż-żwieġ, iżda l-effetti legali huma simili ħafna għal dawk tad-divorzju, kif spjegat hawn taħt.

Fir-rigward tad-diviżjoni tal-proprjetà u l-ħlas tad-djun, l-Artikolu 1689 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li, ladarba jintemm ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali, il-konjuġi jew il-werrieta rispettivi tagħhom għandhom id-dritt li jirċievu l-beni personali tagħhom u s-sehem tagħhom minn kwalunkwe proprjetà bi sjieda konġunta. Konjuġi li għad irid iħallas dejn għall-proprjetà bi sjieda konġunta jrid iħallas dak id-dejn.

Fir-rigward tad-djun, id-djun konġunti jitħallsu l-ewwel mill-proprjetà bi sjieda konġunta, u huwa biss wara dan li d-djun li jifdal jitħallsu. Jekk wieħed mill-konjuġi għandu dejn mal-konjuġi l-ieħor, huwa jrid iħallas dak id-dejn mis-sehem tiegħu tal-proprjetà bi sjieda konġunta. Meta ma jkunx hemm proprjetà bi sjieda konġunta, il-konjuġi jrid iħallas id-dejn mill-proprjetà personali tiegħu.

Effetti legali ta’ divorzju

L-effetti tad-divorzju huma stabbiliti fl-Artikoli 1788 sa 1793-A tal-Kodiċi Ċivili.

Il-prinċipju ġenerali huwa li d-divorzju jxolji ż-żwieġ u għandu l-istess effetti legali bħax-xoljiment bil-mewt.

F’termini ta’ suċċessjoni, l-Artikolu 2133 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li wara sentenza ta’ divorzju l-eks konjuġi jitlef l-istatus ta’ werriet legali anki meta s-sentenza tad-divorzju tingħata wara l-mewt tal-konjuġi l-ieħor.

Skont il-liġi Portugiża, bħala regola, il-proprjetà matrimonjali tinqasam biss wara li jkunu ntemmu l-proċedimenti tad-divorzju, u mhux waqt li jkunu għadhom pendenti. Madankollu, fil-każ ta’ divorzju kunsenswali quddiem l-Uffiċċju tar-Reġistru Ċivili, il-konjuġi jistgħu jaqblu minnufih dwar kif se tinqasam il-proprjetà matrimonjali (Artikolu 272-A tal-Kodiċi tar-Reġistru Ċivili).

Fir-rigward tal-effetti ta’ divorzju, ir-regola ġenerali hija li:

  • Id-divorzju jieħu effett mid-data li fiha s-sentenza dwar id-divorzju ssir finali.

L-effetti fuq il-proprjetà tad-divorzju huma kif ġej:

  • Id-divorzju għandu effetti retroattivi fuq l-arranġamenti tal-proprjetà bejn il-konjuġi mid-data meta nbdew il-proċedimenti tad-divorzju.
  • Madankollu, fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi, l-effetti patrimonjali tad-divorzju tagħhom jistgħu jiġu ddatati b’lura sad-data meta l-miżżewġin waqfu jgħixu flimkien, jekk din id-data tkun ġiet stabbilita fil-proċedimenti.
  • Fid-diviżjoni tal-proprjetà wara d-divorzju, l-ebda wieħed mill-konjuġi ma jista’ jirċievi aktar milli kien jirċievi li kieku ż-żwieġ ġie kkuntrattat taħt is-sjieda konġunta tar-reġim tal-proprjetà akkwistata.
  • Kull konjuġi jitlef il-benefiċċji kollha li jkun irċieva jew li għandu jirċievi bħala riżultat taż-żwieġ (eż. rigali bejn il-konjuġi; rigali magħmula minn terza persuna lill-koppja bil-ħsieb taż-żwieġ tagħhom); fil-każ tal-aħħar, il-persuna li tagħti r-rigal tista’ tiddeċiedi li l-benefiċċju se jakkumula għat-tfal tal-koppja.
  • Il-konjuġi preġudikat għandu d-dritt li jitlob kumpens għad-danni mill-konjuġi l-ieħor skont ir-regoli ġenerali tar-responsabbiltà ċivili u fil-qrati ordinarji.
  • Meta r-raġunijiet għad-divorzju jkunu relatati ma’ diżordni mentali ta’ wieħed mill-konjuġi, il-konjuġi li jitlob id-divorzju jrid jikkumpensa lill-konjuġi l-ieħor għad-dannu personali kkawżat mix-xoljiment taż-żwieġ. Din it-talba trid titressaq matul il-proċedimenti tad-divorzju.
  • Kull konjuġi j/tista’ jitlob lill-qorti tagħti d-dritt li tkompli j/tikri d-dar tal-familja, kemm jekk tkun proprjetà konġunta tal-konjuġi l-ieħor/l-oħra jew proprjetà tiegħu/tagħha.
  • L-annimali domestiċi huma fdati lil waħda mill-konjuġi jew liż-żewġ konjuġi, filwaqt li jitqiesu l-interessi taż-żewġ konjuġi u ta’ wliedhom u l-benesseri tal-annimal.

L-effetti ta’ divorzju fuq il-beni fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-konjuġi u terzi persuni huma dawn li ġejjin:

  • Il-konjuġi jistgħu jasserixxu l-effetti patrimonjali tad-divorzju kontra partijiet terzi biss wara d-data meta s-sentenza tiġi rreġistrata fir-Reġistru Ċivili.

Fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment bejn eks konjuġi, l-Artikoli 2016 u 2019 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu li:

  • Bħala regola ġenerali, wara d-divorzju, kull eks konjuġi għandu d-dmir li jmantni lilu nnifsu.
  • Kull eks konjuġi għandu dritt għall-manteniment, irrispettivament minn jekk id-divorzju kienx b’kunsens reċiproku jew le, iżda d-dritt għall-manteniment jista’ jiġi miċħud għal raġunijiet ta’ ġustizzja.
  • Id-dritt għall-manteniment jintemm jekk il-benefiċjarju jerġa’ jiżżewweġ, jidħol f’koabitazzjoni jew jiskwalifika lilu nnifsu b’imġiba mhux xierqa.

Effetti ta’ separazzjoni legali

Għas-separazzjoni legali, l-Artikolu 1794 tal-Kodiċi Ċivili jirreferi għad-dispożizzjonijiet dwar id-divorzju, kif stabbilit hawn fuq, b’eċċezzjoni waħda: is-separazzjoni legali ma xxoljix iż-żwieġ.

Minbarra din l-eċċezzjoni waħda, skont l-Artikoli 1795-A, 2016 u 2133 tal-Kodiċi Ċivili, l-effetti tas-separazzjoni legali fuq il-proprjetà matrimonjali, l-obbligi ta’ manteniment u s-suċċessjoni huma l-istess bħall-effetti tad-divorzju.

Effetti legali ta’ annullament

Hemm differenza bejn annullament u żwieġ null.

Fil-każ ta’ żwieġ iddikjarat null skont l-Artikoli 1628 sa 1630 tal-Kodiċi Ċivili (eż. fin-nuqqas totali ta’ kunsens minn wieħed mill-konjuġi jew mit-tnejn li huma), iż-żwieġ iddikjarat null ma jipproduċi l-ebda effett.

Fil-każ ta’ annullament ta’ żwieġ ċivili skont l-Artikolu 1631 tal-Kodiċi Ċivili (eż. fil-każ ta’ impedimenti legali jew kunsens ivvizzjat bi żball), l-effetti stabbiliti mill-Artikolu 1647 tal-Kodiċi Ċivili huma kif ġej:

  • Jekk iż-żewġ konjuġi aġixxew in bona fide, iż-żwieġ jipproduċi effetti bejniethom u fil-konfront ta’ partijiet terzi sakemm is-sentenza ta’ annullament issir finali.
  • Jekk wieħed biss mill-konjuġi jkun aġixxa in bona fide, dak il-konjuġi biss ikun jista’ jibbenefika mill-effetti taż-żwieġ. Barra minn hekk, il-konjuġi in bona fide jista’ jasserixxi l-effetti taż-żwieġ kontra partijiet terzi, sakemm dawn jirriflettu r-relazzjoni bejn il-konjuġi.

Dawn ir-regoli japplikaw għall-annullament ta’ żwiġijiet Kattoliċi ċċelebrati mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi sakemm is-sentenza tiġi rreġistrata fir-Reġistru Ċivili, dment li ż-żwieġ Kattoliku jkun ġie rreġistrat ukoll.

L-Artikoli 1649 u 1650 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxu penali patrimonjali speċjali fil-każ ta’ żwieġ ta’ minorenni jew żwieġ li jikser impedimenti legali, bħal dawn li ġejjin:

  • Il-minorenni li jiżżewġu mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa jitqiesu bħala minorenni sal-età maġġuri għall-finijiet tal-amministrazzjoni ta’ proprjetà li tkun ta’ sjieda fil-mument taż-żwieġ u akkwistata wara ż-żwieġ permezz ta’ rigal. Madankollu, kull manteniment meħtieġ jingħata lilhom mid-dħul minn din il-proprjetà.
  • Il-ġenituri jew ir-rappreżentant legali tal-minorenni, u mhux il-konjuġi tagħhom, jamministraw din il-proprjetà sakemm il-minorenni jilħaq l-età maġġuri.
  • Din il-proprjetà ma tistax tintuża, la matul iż-żwieġ u lanqas wara x-xoljiment tiegħu, biex jitħallsu d-djun ta’ wieħed mill-konjuġi qabel ma l-minorenni jilħaq l-età maġġuri.
  • Jekk jinkisru d-dispożizzjonijiet dwar l-impedimenti stabbiliti fl-Artikolu 1604(c) u (d) tal-Kodiċi Ċivili (eż. impediment li jirriżulta minn parentela mid-demm), il-konjuġi li jwettaq il-ksur ma jista’ jirċievi l-ebda benefiċċju permezz ta’ rigal jew testment mill-konjuġi l-ieħor.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Ir-reġim li jirregola l-beni tal-miżżewġin jintemm bil-mewt, kif stipulat fl-Artikolu 1788 tal-Kodiċi Ċivili.

Il-proprjetà bi sjieda konġunta trid tinqasam. Il-proprjetà tad-deċeduti tinkludi l-beni personali tagħhom u, kif applikabbli, is-sehem tagħhom mill-proprjetà bi sjieda konġunta tal-konjuġi, skont l-Artikolu 2024 tal-Kodiċi Ċivili.

Bħala regola ġenerali, il-konjuġi superstiti huwa l-werriet legali u jibbenefika minn sehem riżervat fis-suċċessjoni, irrispettivament minn jekk hemmx testment jew le (Artikoli 2131 u 2133 jew 2158 u 2159 tal-Kodiċi Ċivili, kif applikabbli).

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2103-A tal-Kodiċi Ċivili, meta l-proprjetà tinqasam, il-konjuġi superstiti għandu d-dritt li jingħata l-użu tad-dar tal-familja, tal-kontenut tagħha u tal-għamara tagħha. Meta dan jaqbeż is-sehem tagħhom kemm f’termini tas-suċċessjoni kif ukoll tal-proprjetà bi sjieda konġunta, il-konjuġi superstiti jrid jikkumpensa lill-werrieta l-oħra.

Madankollu, f’konformità mal-Artikoli 1698 u 1700(3) tal-Kodiċi Ċivili, fejn ir-reġim li jirregola l-beni tal-miżżewġin ikun ir-reġim ta’ separazzjoni tal-beni, il-konjuġi jistgħu jirrinunzjaw l-istatus tagħhom bħala werrieta fil-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-qrati, l-uffiċċji tar-reġistru u n-nutara għandhom l-awtorità li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-proprjetà matrimonjali, kif xieraq fis-sitwazzjonijiet indikati hawn taħt.

Fil-liġi Portugiża, il-ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ u r-reġimi tal-proprjetà matrimonjali huma fil-prinċipju inalterabbli f’konformità mal-Artikolu 1714 tal-Kodiċi Ċivili. Għalhekk, jekk il-konjuġi futuri jkunu jixtiequ jagħżlu reġim patrimonjali u jiddevjaw mir-reġim legali tal-proprjetà, ir-reġim patrimonjali jrid jiġi stabbilit fi ftehim ta’ qabel iż-żwieġ (Artikolu 1710 tal-Kodiċi Ċivili), li jrid jiġi konkluż qabel ma l-miżżewġin jiżżewġu. Matul iż-żwieġ, il-konjuġi ma jistgħux ibiddlu jew itemmu r-reġim tal-proprjetà matrimonjali. L-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma stabbiliti fl-Artikolu 1715 tal-Kodiċi Ċivili (eż. separazzjoni ordnata mill-qorti tal-proprjetà jew separazzjoni legali tal-konjuġi).

L-arranġamenti li jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà jridu jiġu stabbiliti fi ftehim ta’ qabel iż-żwieġ (Artikolu 1698 tal-Kodiċi Ċivili), li jrid jikkonforma mar-rekwiżiti dwar il-forma u l-pubblikazzjoni. Skont l-Artikolu 1710 tal-Kodiċi Ċivili, il-ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ iridu jieħdu l-forma ta’ dikjarazzjoni magħmula quddiem reġistratur jew att pubbliku mfassal quddiem nutar, u fin-nuqqas ta’ dan ikunu invalidi. Sabiex jipproduċu effetti fil-konfront ta’ partijiet terzi, il-ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ iridu jiġu rreġistrati kif stabbilit fl-Artikolu 1711(1) tal-Kodiċi Ċivili. Il-werrieta tal-konjuġi u partijiet oħra għall-ftehim ta’ qabel iż-żwieġ ma jitqisux bħala partijiet terzi għal dan il-għan. Ir-reġistrazzjoni tal-ftehim ma tneħħix ir-rekwiżit li l-arranġamenti jiddaħħlu fir-reġistru tal-proprjetà. Hemm ukoll limitu ta’ żmien li jrid jiġi osservat: il-ttehim ta’ qabel iż-żwieġ irid jiġi ffirmat qabel iż-żwieġ, iżda mhux aktar minn sena trid tgħaddi bejn l-iffirmar tal-ftehim u l-kuntrattar taż-żwieġ, inkella l-ftehim jiskadi f’konformità mal-Artikolu 1716 tal-Kodiċi Ċivili.

L-informazzjoni ta’ hawn fuq tista’ tiġi kkonsultata fil-gwida Os Regulamentos Europeus: impacto na actividade registal e notarial (Ir-Regolamenti Ewropej: L-impatt fuq l-Attività tal-Uffiċċji tar-Reġistru u tan-Nutara), disponibbli bil-Portugiż u bl-Ingliż fuq: https://www.redecivil.csm.org.pt/os-regulamentos-europeus-impacto-na-atividade-registal-e-notarial/.

Fil-każ ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, l-awtorità bis-setgħa li tiddeċiedi dwar id-diviżjoni tal-proprjetà u l-konsegwenzi għar-reġim patrimonjali tiddependi fuq jekk il-konjuġi jaqblux jew le dwar kif għandha tinqasam il-proprjetà matrimonjali.

Jekk il-konjuġi jaqblu dwar kif għandha tinqasam il-proprjetà matrimonjali, f’każ ta’ divorzju jew separazzjoni legali, l-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili huma responsabbli biex jittrattaw il-kwistjoni. F’dan il-każ, hemm żewġ xenarji possibbli: fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni legali b’kunsens reċiproku, l-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili jittrattaw id-divorzju jew is-separazzjoni legali u, bħala parti minn dawn il-proċedimenti, jistgħu japprovaw il-ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà, jipproċessaw il-ħlas tal-obbligi tat-taxxa u jagħmlu bidliet korrispondenti fir-reġistru tal-proprjetà; fil-każ ta’ divorzju jew separazzjoni legali kkontestati, li għalihom il-Qrati tal-Familja u tal-Minuri (Tribunais de Família e Menores) ikollhom ġuriżdizzjoni, jekk il-partijiet jaqblu dwar id-diviżjoni tal-proprjetà wara d-divorzju jew is-separazzjoni, l-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili jipproċessaw id-diviżjoni, l-obbligi tat-taxxa u l-bidliet korrispondenti fir-reġistru tal-proprjetà. Ir-regoli rilevanti huma stipulati fl-Artikoli 272-A u 272-B tal-Kodiċi tar-Reġistru Ċivili. Informazzjoni prattika dwar dan is-servizz u l-ispejjeż tiegħu hija disponibbli fuq https://justica.gov.pt/Servicos/Balcao-Divorcio-com-Partilha.

Alternattivament, jekk jintlaħaq ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà wara d-divorzju jew is-separazzjoni legali, il-partijiet jistgħu jiffirmaw att pubbliku għal dan il-għan quddiem nutar. F’dan il-każ, in-nutar ikun responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-beni immobbli fi żmien xahrejn u l-partijiet iridu jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom fl-istess limitu ta’ żmien (Artikoli 8-B u 8-C tal-Kodiċi dwar ir-Reġistru tal-Beni (Código do Registo Predial)).

Meta l-konjuġi ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà f’każ ta’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament, il-proċedimenti għad-diviżjoni tal-proprjetà magħrufa bħala “proċedimenti ta’ inventarju” (processo de inventário) iridu jitressqu minn kwalunkwe waħda mill-partijiet. Fis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1083(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil) (eż. meta l-proċedimenti tal-inventarju jkunu anċillari għal proċedimenti ġudizzjarji oħra), il-qrati biss jistgħu jisimgħu l-kawża. F’sitwazzjonijiet oħra, f’konformità mal-Artikolu 1083(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-proċedimenti tal-inventarju jistgħu jitressqu quddiem qorti jew nutar elenkati skont l-Artikolu 1 tal-Anness tal-Liġi Nru 117/19 tat-13 ta’ Settembru 2019 (Regime do Inventário Notarial), skont l-għażla tar-rikorrent jew bi ftehim reċiproku bejn il-partijiet kollha. In-nutara jittrattaw il-każ billi jużaw is-sistema ta’ ġestjoni tal-każijiet https://www.inventarios.pt/.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

L-Artikoli 1682 u 1683 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdu li, f’xi każijiet, konjuġi jrid ikollu l-kunsens tal-konjuġi l-ieħor sabiex jidħol f’ċerti kuntratti ma’ parti terza. Dan jiddependi mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali (eż. proprjetà separata jew sjieda konġunta ta’ proprjetà), is-setgħat ta’ amministrazzjoni li jirriżultaw minn dak ir-reġim (eż. amministrazzjoni konġunta ta’ ċerta proprjetà), in-natura tal-proprjetà (eż. dar tal-familja, proprjetà konġunta) jew in-natura tal-kuntratt (eż. kuntratt ta’ bejgħ u xiri, aċċettazzjoni ta’ rigali).

Skont l-Artikolu 1687 tal-Kodiċi Ċivili, in-nuqqas ta’ kunsens mill-konjuġi l-ieħor għandu l-konsegwenzi li ġejjin għal partijiet terzi:

  • Jekk wieħed mill-konjuġi jidħol f’kuntratt li jikser l-Artikoli 1682(1) u (3) tal-Kodiċi Ċivili (eż. trasferiment tas-sjieda ta’ ċerta proprjetà mobbli), 1682-A (eż. trasferiment tas-sjieda ta’ proprjetà immobbli taħt sjieda konġunta ta’ reġimi ta’ proprjetà, trasferiment tas-sjieda tad-dar tal-familja taħt kwalunkwe reġim ta’ proprjetà matrimonjali), 1682-B (eż. kanċellazzjoni tal-kirja għad-dar tal-familja) jew 1683(2) (rinunzja ta’ suċċessjoni jew legat), il-konjuġi l-ieħor jew il-werriet tiegħu jistgħu jitolbu l-kanċellazzjoni ta’ dak il-kuntratt.
  • Jekk il-konjuġi jittrasferixxi s-sjieda ta’ proprjetà mobbli mhux irreġistrata jew jidħol f’kuntratt li joħloq imposta fuq dik il-proprjetà, mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor fejn meħtieġ, il-kanċellazzjoni msemmija hawn fuq ma tistax tagħti lok għal pretensjoni kontra parti terza li aġixxiet in bona fide.
  • Jekk wieħed mill-konjuġi jittrasferixxi illegalment is-sjieda ta’ proprjetà li tappartjeni biss lill-konjuġi l-ieħor jew jidħol f’kuntratt li joħloq imposta fuq dik il-proprjetà, il-kuntratt ikun null u bla effett u l-prezz irid jiġi rimborżat skont l-Artikoli 892 sa 904 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxu l-konsegwenzi tal-azzjoni illegali tal-bejjiegħ.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Meta jkun hemm ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà, dan jista’ jiġi approvat mill-Uffiċċji tar-Reġistru Ċivili jew stabbilit f’att pubbliku ffirmat quddiem nutar, kif xieraq għas-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq bi tweġiba għall-mistoqsija 6.

Meta ma jintlaħaq l-ebda ftehim dwar id-diviżjoni tal-proprjetà, jinbdew proċedimenti ta’ inventarju fil-qorti jew quddiem nutar, kif diġà deskritt fit-tweġiba għall-mistoqsija 6.

Il-proċedimenti tal-inventarju ġudizzjarju huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Ktieb V, Titolu XVI (Artikoli 1082 sa 1130) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, li japplikaw, bil-modifiki meħtieġa, għall-proċedimenti tal-inventarju notarili (l-Artikolu 2 tal-Anness tal-Liġi 117/19 tat-13 ta’ Settembru 2019).

Il-proċedimenti ta’ inventarju għad-diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali jinvolvu l-istadji li ġejjin: l-istadju inizjali; l-oġġezzjoni u l-verifika tal-obbligazzjonijiet; is-smigħ preliminari tal-partijiet interessati; l-ordni u l-laqgħa preliminari (conferência) tal-partijiet interessati; il-pjan ta’ diviżjoni u s-sentenza ta’ ratifika; l-istadji finali.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Kull min jitlob ir-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli jrid jissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni lill-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Proprjetà, u jehmeż evidenza dokumentarja. Id-dokumenti normalment meħtieġa huma: att pubbliku; deskrizzjoni legali tal-proprjetà (caderneta predial); prova tal-ħlas tat-taxxa tal-boll u tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà; tneħħija ta’ ipoteka, fejn applikabbli. Jekk dawn id-dokumenti diġà jkunu ġew irreġistrati mal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Beni, ir-referenzi tagħhom biss jeħtieġ li jkunu indikati.

Barra minn hekk, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata minn rappreżentant tal-applikant, il-prokura tiegħu trid tiġi inkluża mal-applikazzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 39 tal-Kodiċi tar-Reġistru tal-Proprjetà, l-avukati, in-nutara u l-aġenti legali (solicitadores) ma għandhomx għalfejn jinkludu prokura sabiex japplikaw għar-reġistrazzjoni.

L-applikanti li għandhom ċertifikat diġitali (ċittadini b’karta ta’ ċittadin Portugiż, avukati, nutara u aġenti legali debitament irreġistrati mal-assoċazzjonijiet professjonali rispettivi) jistgħu jissottomettu applikazzjoni biex jirreġistraw proprjetà immobbli u jżidu d-dokumenti meħtieġa online. L-applikanti mingħajr ċertifikat diġitali jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni personalment fl-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Beni jew jibagħtuha bil-posta.

L-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ reġistrazzjoni u l-kostijiet tagħha hija disponibbli fuq:

https://justica.gov.pt/Servicos/Pedir-registo-predial

Il-verżjonijiet attwali tal-Kodiċi Ċivili Portugiż u leġiżlazzjoni oħra msemmija hawn fuq jistgħu jiġu kkonsultati bil-Portugiż fuq:

Código Civil

Código do Registo Civil

Código do Registo Predial

Código de Processo Civil

Regime do Inventário Notarial

Nota finali:

Din l-iskeda informattiva fiha informazzjoni ġenerali; mhijiex eżawrjenti u ma għandha l-ebda effett vinkolanti fuq il-Punt ta’ Kuntatt, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’Materji Ċivili u Kummerċjali, il-qrati jew kwalunkwe utent ieħor. Trid dejjem tiġi kkonsultata l-aktar verżjoni aġġornata tal-liġi applikabbli. Din l-informazzjoni mhijiex sostitut għat-teħid ta’ parir legali minn professjonist legali.

L-aħħar aġġornament: 06/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.