Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Reġim tal-proprjetà matrimonjali huwa s-sett ta’ regoli legali li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi u ma’ terzi. Dan jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-konjuġi fir-rigward tas-setgħat u s-sjieda tal-assi matul jew max-xoljiment tar-reġim, b’mewt jew divorzju.

Jekk il-konjuġi ma jkunux għażlu reġim tal-proprjetà matrimonjali previst f’kitba taż-żwieġ, huma jkunu soġġetti għar-reġim statutorju tal-komunjoni tal-akkwisti miksuba wara ż-żwieġ (communauté réduite aux acquêts) iddefinit fl-Artikolu 1401 et seq. tal-Kodiċi Ċivili (Code Civil).

Dik il-komunjoni statutorja tiddistingwi bejn tliet gruppi ta’ assi: l-assi parafernali ta’ kull wieħed konjuġi u l-assi li jappartjenu b’mod konġunt lill-konjuġi.

L-assi kollha tal-konjuġi qabel iż-żwieġ u dawk akkwistati matul iż-żwieġ b’wirt, rigal jew legat (l-Artikolu 1405 tal-Kodiċi Ċivili) jibqgħu proprjetà parafernali. Ċerti assi personali bħall-ħwejjeġ, il-kumpens għal korriment fiżiku jew dannu mhux finanzjarju, eċċ., kif iddefinit fl-Artikolu 1404 tal-Kodiċi Ċivili, jibqgħu parafernali wkoll. L-assi akkwistati b’mod inċidentali jew bi skambju għal proprjetà parafernali wkoll jikkostitwixxu assi parafernali (l-Artikoli 1406 u 1407 tal-Kodiċi Ċivili).

Il-komunjoni, min-naħa l-oħra, tikkonsisti minn assi akkwistati flimkien jew b’mod separat mill-konjuġi matul iż-żwieġ, inklużi d-dħul u l-pagi tagħhom. L-Artikolu 1402 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi wkoll preżunzjoni tal-komunjoni, li tippermetti li l-assi kollha li ma jistax jiġi ppruvat li huma parafernali jiġu kklassifikati bħala proprjetà tal-komunjoni tal-akkwisti li nkisbet wara ż-żwieġ.

Fil-prinċipju kull konjuġi għandu d-dritt jamministra jew jiddisponi mill-assi komuni waħdu (l-Artikolu 1421 tal-Kodiċi Ċivili). Madanakollu, il-kunsens taż-żewġ partijiet huwa meħtieġ għall-aktar azzjonijiet serji bħad-disponiment mingħajr ħlas, it-trasferiment u l-istabbiliment ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, avvjament, ishma mhux negozjabbli, eċċ. (l-Artikoli 1422 u 1424 tal-Kodiċi Ċivili).

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Fir-rigward tar-regoli bażiċi, il-kitbiet taż-żwieġ fil-prinċipju ma huma soġġetti għal ebda restrizzjoni. L-Artikolu 1387 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li “il-liġi tirregola biss ir-relazzjoni taż-żwieġ fir-rigward ta’ assi fin-nuqqas ta’ ftehimiet speċifiċi li l-konjuġi jistgħu jidħlu fihom skont kif iqisu xieraq, sakemm dawn ma jiksrux il-moralità pubblika jew id-dispożizzjonijiet li ġejjin”.

Għalhekk, il-konjuġi huma liberi li jiddeċiedu dwar ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom, sakemm jikkonformaw mar-reġim primarju obbligatorju stabbilit fl-Artikolu 212 et seq. tal-Kodiċi Ċivili.

Il-Kodiċi Ċivili jiddeskrivi diversi tipi possibbli ta’ reġim kuntrattwali: komunjoni kuntrattwali tal-proprjetà (bħas-sistema ta’ komunjoni sħiħa definita fl-Artikolu 1526 tal-Kodiċi Ċivili), is-separazzjoni tal-proprjetà (l-Artikolu 1536 et seq. tal-Kodiċi Ċivili), jew is-sehem fil-proprjetà akkwistata wara ż-żwieġ (l-Artikolu 1569 et seq. tal-Kodiċi).

Fir-rigward tar-rekwiżiti formali, sabiex ikunu validi, il-kitbiet taż-żwieġ iridu jitfasslu permezz ta’ att quddiem nutar qabel isir iż-żwieġ (l-Artikoli 1394 u 1395 tal-Kodiċi Ċivili). Dawn jistgħu jiġu emendati permezz ta’ att notarili bl-istess proċedura, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1397 tal-Kodiċi Ċivili. Mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2019-222 tat-23 ta’ Marzu 2019 dwar il-programmazzjoni għal bejn l-2018 u l-2022 u r-riforma għas-sistema ġudizzjarja (loi no 2019-222 du 23 mars 2019 de programmation 20182022 et de réforme pour la justice), issa sar possibbli li jinbidel ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali mingħajr l-istennija tal-iskadenza ta’ sentejn u l-konferma ġudizzjarja tal-bidla tar-reġim bħala prinċipju ma għadhiex meħtieġa (sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn kredituri jew tfal adulti).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-prinċipju tal-libertà li wieħed jiddeċiedi dwar l-iskritturi taż-żwieġ li jikkonċernaw il-proprjetà matrimonjali huwa ristrett mill-kundizzjonijiet obbligatorji tar-reġim primarju, li huma applikabbli għar-reġimi kollha mingħajr distinzjoni.

Dawn huma stabbiliti fl-Artikolu 212 et seq. tal-Kodiċi Ċivili. Dawn jinkludu, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jipproteġu d-dar tal-familja (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 215), ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-familja (l-Artikolu 214) u r-responsabbiltà in solidum għad-djun tal-unità domestika (l-Artikolu 220).

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Fil-każ ta’ divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta’ żwieġ, ir-reġim matrimonjali jiġi xolt u likwidat.

Ix-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali huwa proċess imwettaq quddiem nutar li fih jiġu ddeterminati u vvalutati l-assi u d-djun ta’ kull wieħed mill-konjuġi.

Madanakollu, l-użu ta’ nutar ma huwiex obbligatorju meta ma jkunx hemm proprjetà immobbli x’tinqasam.

Il-kawżi tax-xoljiment tal-komunjoni huma stabbiliti fl-Artikolu 1441 tal-Kodiċi Ċivili: mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, preżunzjoni ta’ mewt ta’ wieħed mill-konjuġi, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, separazzjoni tal-proprjetà jew bidla fir-reġim matrimonjali.

Fir-rigward tad-data meta d-divorzju jsir effettiv, fil-każ ta’ divorzju kunsenswali, iż-żwieġ jiġi xolt fid-data meta jsir eżegwibbli l-ftehim dwar id-divorzju konkluż bi skrittura privata u kontrofirmat mill-avukati. Fil-każ ta’ divorzju permezz tal-qrati, din tkun id-data li fiha d-deċiżjoni dwar id-divorzju ssir finali.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Il-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi hija kawża tax-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali. Dan jiġi xolt fid-data tal-mewt, għar-relazzjonijiet kemm bejn il-konjuġi kif ukoll ma’ terzi persuni. Għall-koppji miżżewġa skont ir-reġim statutorju tal-komunjoni tal-proprjetà, l-Artikolu 1441 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-komunjoni tiġi xolta bil-mewt ta’ wieħed mill-konjuġi.

Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm likwidazzjoni doppja meta tmut persuna miżżewġa: l-ewwel issir likwidazzjoni tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u mbagħad tas-suċċessjoni.

Skont l-Artikolu 763 tal-Kodiċi Ċivili, jekk il-konjuġi superstiti kien jokkupa bħala r-residenza prinċipali tiegħu, proprjetà taż-żewġ konjuġi jew li hija totalment tal-patrimonju, huwa għandu d-dritt li juża u jgawdi l-proprjetà mingħajr ħlas għal sena. Dan huwa effett taż-żwieġ.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

L-imħallef tal-qorti tal-familja (juge aux affaires familiales, JAF) għandu ġuriżdizzjoni fuq ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali (il-Liġi Nru 2009-506 tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-liġi (loi n° 2009 du 12 mai 2009 sur la simplification du droit), id-Digriet Nru 2009-1591 tas-17 ta’ Diċembru 2009 dwar il-proċedimenti quddiem l-imħallef tal-qorti tal-familja fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali u s-sjieda komuni (décret n° 2009-1591 du 17 décembre 2009 relatif à la procédure devant le juge aux affaires familiales en matière de régimes matrimoniaux et d’indivisions), iċ-Ċirkolari CIV/10/10 tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar is-setgħat tal-imħallef tal-qorti tal-familja fir-rigward tal-likwidazzjoni (circulaire CIV/10/10 du 16 juin 2010 sur les compétences du juge aux affaires familiales en matière de liquidation)).

F’divorzju kunsenswali li ma jinvolvix il-qrati, il-ftehim bejn il-konjuġi huwa fil-forma ta’ skrittura privata kontrofirmat minn avukati, bid-dokument oriġinali jiġi ppreżentat għand nutar (l-Artikolu 229-1 tal-Kodiċi Ċivili). B’divorzju kunsenswali, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali għandu jiġi likwidat fil-mument tad-divorzju. Il-ftehim irid jinkludi dikjarazzjoni ta’ ftehim għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, li għandha tiġi rreġistrata b’mod notarili meta l-likwidazzjoni tirrigwarda proprjetà li teħtieġ ir-reġistrazzjoni tal-art (b’mod partikolari proprjetà immobbli) (l-Artikolu 229-3 tal-Kodiċi Ċivili). Imbagħad ikunu involuti żewġ avukati u nutar.

Bħala regola ġenerali, irid jintuża nutar biex jiġi likwidat reġim tal-proprjetà matrimonjali kull meta l-likwidazzjoni tkun tikkonċerna tal-inqas proprjetà waħda li tkun teħtieġ reġistrazzjoni tal-art.

Fil-qorti jiġu deċiżi biss kawżi kontenzjużi jew mhux miftehma.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Ċivili, dispożizzjoni primarja tar-reġim applikabbli irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi, jirregola r-relazzjonijiet bejn il-konjuġi u terzi. L-artikolu jistabbilixxi prinċipju ta’ responsabbiltà in solidum tal-konjuġi għad-djun tal-komunjoni tal-akkwisti: “Kull konjuġi għandu jkollu s-setgħa li jidħol waħdu f’kuntratti għall-manteniment tal-familja jew għall-edukazzjoni tat-tfal. Il-konjuġi huwa responsabbli in solidum għal kwalunkwe dejn hekk imġarrab mill-konjuġi l-ieħor. Madanakollu, ir-responsabbiltà in solidum ma għandhiex tapplika għal nefqa li hija manifestament eċċessiva fid-dawl tal-istil ta’ ħajja tal-familja, l-utilità jew in-nuqqas ta’ użu tat-tranżazzjoni jew il-bona fide jew il-mala fide tat-terzi kontraenti. Lanqas ma għandha tapplika jekk ma tkunx ġiet imġarrba bil-kunsens taż-żewġ konjuġi għal xiri bin-nifs jew għal self, sakemm dawn ma jkunux għal somom żgħar meħtieġa għall-ħtiġijiet ta’ kuljum u l-ammont kumulattiv tas-somom, fil-każ ta’ selfiet multipli, ma jkunx jidher eċċessiv meta wieħed iqis l-istil ta’ ħajja tal-familja”.

Skont ir-reġim statutorju tal-komunjoni, il-kredituri jistgħu bħala prinċipju jieħdu passi legali għall-ħlas ta’ djun li għalihom il-koppja tkun responsabbli fuq proprjetà komuni, skont l-Artikolu 1413 tal-Kodiċi Ċivili.

Madankollu, id-dħul u l-pagi ta’ konjuġi jistgħu jinqabdu biss mill-kredituri tal-konjuġi l-ieħor jekk id-dejn ikun ġie mġarrab għall-manteniment tal-familja jew għall-edukazzjoni tat-tfal, skont l-Artikolu 220 tal-Kodiċi Ċivili (l-Artikolu 1414 tal-Kodiċi Ċivili).

Barra minn hekk, il-proprjetà komuni ma tkunx marbuta meta wieħed mill-konjuġi jieħu garanzija jew self waħdu. Mingħajr il-ftehim espress tal-konjuġi l-ieħor, l-assi separati u d-dħul tal-konjuġi kontraenti biss ikunu marbuta f’tali każijiet (l-Artikolu 1415 tal-Kodiċi Ċivili).

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Sabiex tiġi likwidata l-proprjetà matrimonjali, jeħtieġ li jiġu identifikati d-diversi gruppi ta’ assi (il-proprjetà parafernali u komuni, il-ħlasijiet dovuti u d-djun bejn il-konjuġi, l-assi u r-responsabbiltajiet). Jekk ikun hemm gruppi li għandhom jiġu maqsuma, dawn jiġu maqsuma sabiex jitqassmu l-proprjetà u l-assi bejn il-konjuġi.

Fir-reġim tal-komunjoni ta’ proprjetà akkwistata wara, il-prinċipju huwa li l-komunjoni tinqasam nofs bin-nofs bejn il-konjuġi. Madanakollu, jista’ jkun li l-partijiet ikunu qablu dwar diviżjoni differenti u mhux ugwali fl-iskrittura taż-żwieġ tagħhom.

Il-qsim tal-proprjetà komuni jista’ jsir permezz ta’ ftehim bonarju jew permezz tal-qrati. Bi ftehim bonarju, jiġi stabbilit ftehim ta’ diviżjoni bejn il-konjuġi. Dan ikun fil-forma ta’ att notarili jekk ikun relatat ma’ proprjetà li teħtieġ reġistrazzjoni tal-art. Id-diviżjoni ssir mill-qrati jekk il-partijiet jonqsu milli jilħqu ftehim dwar il-likwidazzjoni jew id-distribuzzjoni tal-proprjetà. L-imħallef jiddeċiedi dwar rikorsi għall-pussess konġunt kontinwat jew allokazzjoni preferenzjali (l-Artikolu 831 tal-Kodiċi Ċivili).

Kemm jekk id-diviżjoni ssir permezz ta’ ftehim bonarju u kemm jekk issir permezz tal-qrati, il-proċess jintemm b’diviżjoni f’porzjonijiet, skont il-prinċipju ta’ diviżjoni ndaqs ibbażata fuq l-istess valur. Għalhekk kull benefiċjarju jiġi allokat proprjetà għal valur ugwali għad-drittijiet tiegħu fil-koproprjetà. Jekk il-kompożizzjoni tal-grupp tkun tali li jkun impossibbli li jinħolqu porzjonijiet ta’ valur ugwali, l-inugwaljanza tiġi kkumpensata permezz ta’ ħlas ta’ bilanċ. Ċerti assi jistgħu wkoll jiġu allokati b’mod preferenzjali għas-sehem ta’ benefiċjarju wieħed.

Id-diviżjoni għandha effett dikjaratorju; fi kliem ieħor kull konjuġi huwa kkunsidrat, permezz ta’ finzjoni ġuridika, li dejjem kien is-sid tal-proprjetà inkluża f’sehmu, u li qatt ma kien is-sid tal-proprjetà l-oħra fid-diviżjoni.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Fil-każ ta’ diviżjoni permezz ta’ ftehim bonarju ta’ proprjetà soġġetta għar-reġistrazzjoni tal-art (fi kliem ieħor proprjetà immobbli), l-att tal-likwidazzjoni u tad-diviżjoni jrid jiġi rċevut f’forma notarili.

L-Artikolu 710-1 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi li “sabiex jirriżultaw il-formalitajiet ta’ reġistrazzjoni tal-art, kull att jew dritt irid ikun ibbażat fuq att notarili riċevut minn nutar li jipprattika fi Franza, deċiżjoni tal-qorti jew strument awtentiku minn awtorità amministrattiva”.

Il-konjuġi mbagħad iridu jħallsu, l-ewwel nett, tariffa ta’ 2.5 % ikkalkulata fuq il-bażi tal-valur nett tal-assi maqsuma u, it-tieni nett, it-tariffi u l-emolumenti tan-nutar.

L-aħħar aġġornament: 10/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.