Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

Skont il-liġi Awstrijaka, is-sistema predefinita li tirregola l-beni tal-miżżewġin hija dik tas-separazzjoni tal-beni (Gütertrennung). Kull wieħed mill-konjuġi jżomm il-beni li huwa jkun ġab fiż-żwieġ u jsir is-sid uniku tal-beni akkwistati minnu (l-Artikoli 1233 u 1237 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak, Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch). Kull konjuġi huwa wkoll il-kreditur uniku għad-debituri tiegħu u d-debitur uniku għall-kredituri tiegħu.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Il-konjuġi jistgħu jagħżlu sistema tal-beni differenti minn dik predefinita permezz ta’ kuntratt taż-żwieġ (Ehepakt). Il-kuntratti taż-żwieġ jeħtieġu att notarili sabiex ikun validu (l-Artikolu 1 tal-Att dwar l-Atti Notarili, Notariatsaktsgesetz).

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Fil-prinċipju, il-konjuġi huma liberi li jadottaw is-sistema li tirregola l-beni tal-miżżewġin tal-għażla tagħhom. Madankollu, kuntratt taż-żwieġ ma jistax, pereżempju, jipprovdi għal rinunzja reċiproka sħiħa ta’ manteniment fi żwieġ intatt.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Is-separazzjoni “sħiħa” statutorja tal-beni tapplika biss sakemm issir id-dikjarazzjoni ta’ żwieġ invalidu, ta’ divorzju jew ta’ annullament, peress li f’dak il-punt trid isseħħ diviżjoni li fiha l-istatus tas-sjieda ma jkunx il-kriterju deċiżiv. Ix-xoljiment taż-żwieġ huwa rregolat bil-prinċipju tad-diviżjoni tal-beni tal-miżżewġin. L-assi matrimonjali (oġġetti li ntużaw miż-żewġ konjuġi, pereżempju d-dar tal-familja, karozza jew oġġetti tad-dar) jiġu diviżi, u t-tfaddil li sar matul iż-żwieġ jiġi diviż ukoll. Dan tal-aħħar jinkludi assi ta’ kwalunkwe tip li l-konjuġi jkunu akkwistaw meta kienu miżżewġin u li, skont in-natura tagħhom, normalment ikunu maħsuba għar-realizzazzjoni.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Jekk imut wieħed mill-konjuġi li jgħix skont il-komunjoni tal-beni (Gütergemeinschaft) (rari fil-prattika), il-beni komuni jiġu diviżi. L-assi netti li jifdal wara t-tnaqqis tad-djun kollha jiġu allokati skont il-proporzjon miftiehem għall-konjuġi superstiti u għall-patrimonju tal-persuna deċeduta. Fil-każ standard tas-sistema ta’ beni separati (Gütertrennung), is-sehem statutorju riċevut mill-konjuġi superstiti jiġi ddeterminat u skont dan il-qraba l-oħra tal-persuna deċeduta jirtu huma wkoll. Il-konjuġi superstitu jkun intitolat għal terz mill-patrimonju jekk is-sieħeb deċedut ikun ħalla tfal superstiti jew dixxendenti tagħhom; żewġ terzi tal-patrimonju jekk is-sieħeb deċedut ikun ħalla ġenituri superstiti; inkella, il-patrimonju kollu. Il-konjuġi huwa fost il-werrieta obbligatorji li huma intitolati għal sehem riżervat tal-patrimonju (pflichtteilsberechtigte Personen). Il-porzjon riżervat għall-konjuġi huwa nofs dak li kieku jirċievu taħt l-ordni ta’ preċedenza tas-suċċessjoni.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Wara d-divorzju, l-annullament jew id-dikjarazzjoni ta’ invalidità taż-żwieġ, skont l-Artikoli 81 et seq. tal-Att dwar iż-Żwieġ (Ehegesetz), il-beni jiġu ttrattati skont ftehim reċiproku jew deċiżjoni tal-qorti.

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

Fil-prinċipju, wieħed mill-konjuġi la jista’ jagħti drittijiet partikolari u lanqas jimponi obbligi fuq terzi persuni mingħajr il-kooperazzjoni tal-konjuġi l-ieħor. Huwa biss taħt “aġenzija impliċita fil-fatt” (Schlüsselgewalt) li wieħed mill-konjuġi li jamministra l-unità domestika konġunta u li ma jkollu l-ebda introjtu jkun jista’ jirrappreżenta lill-konjuġi l-ieħor fi tranżazzjonijiet legali tal-ħajja ta’ kuljum li jitwettqu għall-unità domestika konġunta u li ma jaqbżux ċertu livell li jikkorrispondi għall-istandard tal-għajxien tal-konjuġi. Dan ma japplikax jekk il-konjuġi l-ieħor ikun iddikjara lil parti terza li ma jixtieqx ikunu rrappreżentat mill-konjuġi tiegħu. Jekk il-parti terza ma tistax tiddetermina abbażi taċ-ċirkostanzi li l-konjuġi li qed jaġixxi jkun rappreżentant, allura ż-żewġ konjuġi jkunu obbligati in solidum.

Is-sistema ta’ komunjoni tal-beni – fejn speċifikament miftiehma minflok is-sistema ta’ beni separati –toħloq biss impenn fir-relazzjoni bejn il-konjuġi li wieħed mill-konjuġi ma jistax jittrasferixxi s-sehem tiegħu mill-proprjetà komuni mingħajr il-kunsens tal-konjuġi l-ieħor. Ikun hemm effett reali biss fir-rigward tal-proprjetà jekk issir reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet ta’ projbizzjoni ta’ bejgħ u ta’ gravami skont l-Artikolu 364c tal-Kodiċi Ċivili jew ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 1236 tal-Kodiċi Ċivili li tiddikjara li sakemm tibqa’ tapplika s-sistema ta’ komunjoni tal-beni, l-ebda parti ma tista’ unilateralment tittrasferixxi in-nofs jew is-sehem tagħha.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Id-diviżjoni tal-beni fil-każ ta’ divorzju, ta’ annullament jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità taż-żwieġ skont l-Artikoli 81 et seq. tal-Att dwar iż-Żwieġ hija indipendenti mir-responsabbiltà, għalkemm ir-responsabbiltà tista’ tiġi kkunsidrata f’kunsiderazzjonijiet tal-ġustizzja. Il-beni jiġu diviżi fuq il-bażi ta’ ftehim reċiproku tal-partijiet jew ta’ deċiżjoni tal-qorti li jsir rikors għaliha minn waħda mill-partijiet. Inkella, is-separazzjoni tal-proprjetà tibqa’ tapplika, jiġifieri, kull wieħed mill-konjuġi jżomm il-proprjetà tiegħu stess. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat fi żmien sena minn meta d-digriet tad-divorzju jidħol fis-seħħ legalment. Kemm il-beni tal-miżżewġin kif ukoll it-tfaddil matrimonjali jiġu diviżi. Skont l-Artikolu 82 tal-Att dwar iż-Żwieġ, dawn li ġejjin huma esklużi mid-diviżjoni tal-beni: oġġetti li wieħed mill-konjuġi jkun ġab miegħu fiż-żwieġ jew li jkun wiret, oġġetti mogħtija bħala rigal minn partijiet terzi, oġġetti użati minn wieħed mill-konjuġi waħdu għal skopijiet personali jew professjonali, u oġġetti li jappartjenu għal kumpanija jew ishma f’kumpanija, sakemm ma jkunux investimenti biss.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Rikors għad-dħul tad-dritt għall-beni fir-reġistru tal-artijiet irid jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha tkun tinsab il-proprjetà immobbli li tkun se tiġi rreġistrata.

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat bil-miktub u jkun iffirmat mir-rikorrent. Fil-prinċipju, il-firma m’għandhiex għalfejn tkun iċċertifikata sakemm fir-rikors ma tkunx inkluża dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni (Aufsandungserklärung).

Dokument pubbliku jew privat li jkun fih ir-raġunijiet legali għall-akkwist tal-beni (pereżempju kuntratt ta’ xiri) u li jkollu l-firem iċċertifikati tal-partijiet irid jakkumpanja r-rikors. Minbarra d-dettalji eżatti tal-beni, id-dokumenti privati jridu jinkludu d-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni.

Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni hija dikjarazzjoni espliċita ta’ kunsens għar-reġistrazzjoni (dħul fir-reġistru tal-artijiet) mill-persuna li d-dritt tagħha jkun qed jiġi ristrett, gravat, annullat jew ittrasferit lil persuna oħra (il-bejjiegħ, fil-każ ta’ kuntratt ta’ xiri). Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni trid tkun iċċertifikata minn qorti jew minn nutar u tkun iffirmata mill-partijiet kontraenti. Id-dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll bħala parti mir-rikors għad-dħul tad-dritt għall-beni fir-reġistru tal-artijiet. F’dan il-każ, il-firem fuq ir-rikors jridu jkunu ċċertifikati minn qorti jew minn nutar.

Flimkien mar-rikors irid jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ konformità tat-taxxa skont l-Artikolu 160 tal-Kodiċi Federali tat-Taxxa (Bundesabgabeordnung). Iċ-ċertifikat jikkostitwixxi konferma mill-Awtorità tat-Taxxa li ma jkun hemm l-ebda ostaklu għad-dħul fir-reġistru tal-artijiet f’termini ta’ taxxi dovuti.

Jekk ir-rikors jiġi abbozzat minn avukat jew minn nutar, dan irid jiġi ppreżentat elettronikament. F’dan il-każ, id-dokumenti ta’ akkumpanjament jridu jitqiegħdu f’arkivju elettroniku tad-dokumenti. Imbagħad, iċ-ċertifikat ta’ konformità tat-taxxa mill-Awtorità tat-Taxxa jista’ jiġi ssostitwit minn dikjarazzjoni ta’ awto valutazzjoni abbozzata mill-avukat jew min-nutar.

L-aħħar aġġornament: 05/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.