Reġimi tal-Proprjetà Matrimonjali

Μάλτα
Περιεχόμενο που παρέχεται από
European Judicial Network
Ευρωπαϊκό Δικαστικό Δίκτυο (για αστικές και εμπορικές υποθέσεις)

1 Hemm reġim tal-proprjetà matrimonjali statutorju f’dan l-Istat Membru? X’jipprovdi?

L-Istat Malti jofri lil partijiet li jkunu jridu jikkuntrattaw żwieġ taħt il-leġislazzjoni Maltija, il-liberta` li jagħżlu huma dak ir-reġim li għandha tirregola l-proprjetà matrimonjali tagħhom. Madanakollu, ir-reġim tal-proprjeta’ matrimonjali ewlieni ġewwa Malta huwa dak tal-Komunjoni tal-Akkwisti. Dan ir-reġim jopera b’operazzjoni tal-liġi f’kull żwieġ, salv jekk il-partijiet li jkunu diġa’ kkuntrattaw jew li għadhom ser jikkuntrattaw iż-żwieġ jagħżlu illi l-proprjeta’ matrimonjali tagħhom għandha tiġi regolata b’reġim ieħor li ma jmurx kontra l-ispirtu tal-liġi Maltija permezz ta’ kuntratt pubbliku. Tipi ta’ reġim oħra li jirregolaw il-proprjeta’ matrimonjali li jeżistu ġewwa Malta, apparti dak tal-Komunjoni tal-Akkwisti, huma s-Separazzjoni tal-Beni u l-Komunjoni ta’ Residwu taħt Amministrazzjoni Separata.

Il-Komunjoni tal-Akkwisti bħala r-reġim tal-proprjeta’ matrimonjali statutorju ġewwa Malta, jipprovdi illi dak kollu li jiġi akkwistat mill-partijiet wara ż-żwieġ, ikun jifforma parti minn din il-Komunjoni tal-Akkwisti u għaldaqstant ikun jappartjeni liż-żewġ partijiet f’ishma ndaqs. Il-liġi Maltija tipprovdi speċifikament dak li għandu jifforma parti mill-Komunjoni tal-Akkwisti, b’esklużjoni għal donazzjonijiet, wirt u proprjetà parafernali ta’ kull parti.

Is-Separazzjoni tal-Beni bħala reġim ieħor li l-partijiet jistgħu jagħżlu minnflok ir-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti, jipprovdi illi kull parti għandha d-dritt illi jkollha l-kontroll assolut u tamministra dawk il-ħwejjeġ li hija tkun akwistat qabel u wara ż-żwieġ, u dan mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra.

Il-Komunjoni ta’ Residwu taħt Aministrazzjoni Separata bħala reġim ieħor li l-partijiet jistgħu jagħżlu minnflok ir-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti, jipprovdi illi kull parti fiż-żwieġ għandha d-dritt li takkwista, żżomm u tamministra dawk il-ħwejjeġ li hija tkun akkwistat f’isimha daqslikieku hija kienet is-sid esklussiv tal-istess ħwejjeġ. Madanakollu permezz ta’ dan ir-reġim, il-partijiet fiż-żwieġ ma humiex preklużi milli jiksbu beni flimkien, liema beni għandhom ikunu amminisrati b’mod konġunt mill-partijiet.

2 Il-miżżewġin, kif jistgħu jirregolaw ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom? X’inhuma r-rekwiżiti formali f’dan il-każ?

Fir-rigward tar-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti, ir-regola ġenerali hi li ż-żewġ partijiet fiż-żwieġ għandhom l-obbligu li jirregolaw u jamministraw l-proprjetà matrimonjali tagħhom flimkien. Madanakollu, l-liġi Maltija fir-rigward ta’ dan ir-reġim partikolari tiddistingwi bejn amministrazzjoni ordinarja, ċjoe’ dawk l-atti li jmissu lil waħda mill-partijiet miżżewġa, u amministrazzjoni straordinarja, ċjoe’ dawk l-atti li jmissu liż-żewġ partijiet flimkien. Il-liġi Maltija telenka biss dawk l-atti ta’ amministrazzjoni straordinarja, b’hekk dak li ma huwiex espressament imniżżel fil-liġi, għandu jkun ikkunsidrat li jikkostitwixxi att ta’ amministrazzjoni ordinarja. Għaldaqstant bħala rekwiżit formali li għandu dejjem jiġi onorat sabiex jiġi regolat ir-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti huwa dak tal-kunsens taż-żewġ partijiet miżżewġin. F’każ li l-kunsens tal-partijiet ma jkunx ingħata sabiex isir att rigward trafseriment jew ħolqien ta’ jedd reali jew personali fuq proprjetà immobbli jew mobbli, l-att jista’ jiġi annullat fuq it-talba tal-parti li ma tkunx tagħat il-kunsens tagħha.

Fir-rigward tar-reġim ta’ Separazzjoni ta’ Beni, ir-regola ġenerali hi kull parti miżżewġa għandha d-dritt li tirregola u tamministra l-proprjeta’ li jkollha fuq isimha mingħajr ebda kunsens tal-parti miżżewġa l-oħra.

Fir-rigward tar- reġim tal-Komunjoni ta’ Residwu taħt Amministrazzjoni Separata, ir-regola ġenerali hi li meta parti fiż-żwieġ tagħżel li tagħmel akkwist waħedha, dan isir mingħajr ma jinkiseb il-kunsens mill-parti miżżewġa l-oħra, u l-parti li tkun għamlet l-akkwist ikollha d-dritt li tirregola u tamministra l-imsemmi akkwist waħedha. Filwaqt li meta ż-żewġ partijiet fiż-żwieġ jagħmlu akkwist flimkien, il-kunsens tat-tnejn ikun ingħata u għaldaqstant għandhom id-dritt li jirregolaw u jamministraw l-imsemmi akkwist flimkien.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ kif jiġi rregolat reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Meta jkun qiegħed jiġi operat ir-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti, il-partijiet fiż-żwieġ għandhom l-obbligu li jagħmlu kollox flimkien. Għaldaqtsant ma għandhom l-ebda liberta’ kif jirregolaw u jamministraw, għajr għal dawk l-atti ta’ amministrazzjoni ordinarja li ma jirrikjedux il-kunsens taż-żewġ partijiet.

Min-naħa l-oħra meta jkun qiegħed jiġi operat ir-reġim tas-Separazzjoni tal-Beni, kull parti fiż-żwieġ għandha l-libertà li tagħmel dak kollu li jidrilha xieraq bil-propjetà li jkollha fuq isimha mingħajr ebda indħil mill-parti l-oħra.

Fir-rigward tar-reġim tal-Komunjoni tar-Residwu taħt Amministrazzjoni Separata, f’każ li parti fiż-żwieġ tagħmel akkwist mingħajr il-kunsens tal-parti l-oħra, din għandha l-liberta’ li tirregola r-reġim mingħajr ebda restrizzjonijiet. Madanakollu, jekk isir akkwist f’isem iż-żewġ partijiet, dawn tal-aħħar ma jkollhom l-ebda liberta’ li jagħmlu li jridu iżda għandhom jaġixxu t-tnejn flimkien.

4 X’inhuma l-effetti legali ta’ divorzju, separazzjoni jew annullament fuq il-proprjetà matrimonjali?

Meta jkun qiegħed jiġi operat ir-reġim tal-Komunjoni tal-Akkwisti, il-liġi tistipula ċar illi dan ir-reġim jibda minn dakinhar taż-żwieġ u jispiċċa malli jinħall iż-żwieġ, ċjoe’ permezz ta’ divorzju. Magħdud ma’ dan, il-liġi tkompli billi tistipula ukoll f’każ li jkun hemm firda legali tal-miżżewġin, jista’ jintalab il-qsim ġudizzjarju ta’ beni.

F’każ li jkun qiegħed jiġi operat ir-reġim tal-Komunjoni ta’ Residwu taħt Amministrazzjoni Separata, il-liġi tistipula illi din tispiċċa, fost oħrajn, meta jkun hemm ix-xoljiment taż-żwieġ u mas-separazzjoni legali tal-miżżewġin.

Madanakollu, f’każ li fiż-żwieġ ikun hemm fis-seħħ ir-reġim tas-Separazzjoni tal-Beni, kull parti fiż-żwieġ li jtemmu ż-żwieġ tagħhom, jinfirdu jew jannullaw iż-żwieġ tagħhom, jibqgħu jirregolaw u jamministraw l-akkwisti li huma jkunu għamlu huma f’isimhom.

Għaldaqstant l-effetti tad-divorzju, separazzjoni, jew annullament, fir-rigward tal-proprjetà matrimonjali, huwa li dak li jkun ġie akkwistat jinqasam bejn il-partijiet b’mod amikevoli jew inkella permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti kompetenti.

5 X’inhuma l-effetti tal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

Mal-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin, ir-regim tal-proprjeta’ matrimonjali jispicca u għandha tibda tapplika l-liġi tas-suċċessjoni Maltija sabiex il-proprjeta’ tal-konjugi li jkun miet/mietet tinqasam fuq l-eredi tal-mejjet/mejta. Illi l-fattur ewlieni li għandu jittiehed in konsiderazzjoni huwa jekk il-parti li tkun mietet tkunx mietet testata jew intestata.

6 Liema awtorità għandha l-kompetenza li tiddeċiedi f’każ marbut mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali?

L-Awtorita’ kompetenti sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet marbutin mar-reġim tal-proprjetà matrimonjali hija l-Qorti Ċivili (Sezzjoni Familja).

7 X’inhuma l-effetti tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali fuq ir-relazzjonijiet legali bejn konjuġi u parti terza?

Mal-mument li reġim ta’ proprjetà matrimonjali jibda jopera maż-żwieġ tal-partijiet, dan jagħti bidu għal relazzjoni legali bejn il-konjuġi u terzi persuni, meta dan ikun il-każ. Terzi persuni jkollhom id-dritt li jeżerċitaw il-jeddijiet legali tagħhom kontra l-konjuġi flimkien jew separatament, skont il-każ, ma’ min ikunu għamlu kuntratt jew id-dejn.

8 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura għad-diviżjoni, inklużi l-partizzjoni, id-distribuzzjoni u l-likwidazzjoni, tal-proprjetà matrimonjali f’dan l-Istat Membru.

Sabiex issir diviżjoni tal-proprjetà matrimonjali, normalment tali proċedura ssir fl-istadju li l-partijiet jkunu bdew proċeduri ta’ separazzjoni jew divorzju. Proċeduri ta’ dawn it-tip jirrikjedu li qabel ma’ l-partijiet ma jirrikorru quddiem il-Qorti kompetenti, huma għandhom jibdew il-proċess ta’ medjazzjoni

Illi f’każ li l-medjazzjoni tkun ta’ suċċess, il-konjugi jkunu jistgħu jisseparaw b’mod bonarju f’liema każ il-konjugi jiftiehmu fuq id-drittijiet tagħhom reċiproċi, fuq id-drittijiet tagħhom fuq uliedhom u dwar id-diviżjoni tal-proprjeta’ matrimonjali, issir att pubbliku li jiġi skrutinizzat mill-Qorti kompetenti sabiex ikun aċċertat li nżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-konjugi. Dan il-kuntratt wara li jiġi approvat mill-Qorti kompetenti jiġi insinwat u rreġistrat sabiex ikun effettiv għall-finijiet kollha tal-liġi, inkluż fir-rigward ta’ terzi persuni.

Illi jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni ma tkunx ta’ suċċess u l-partijiet ma jaslux għall-arranġament bonarju, huma għandhom jibdew proċeduri appożiti quddiem il-Qorti kompetenti, fejn ssir talba fir-rigward tax-xoljiment tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali sabiex b’hekk il-proprjetà matrimonjali tkun tista’ tiġi diviża bejn iż-żewġ partijiet. Wara li d-deċiżjoni tal-Qorti kompetenti tgħaddi in ġudikat, l-istess sentenza tiġi rreġistrata sabiex tkun effettiva għall-finijiet kollha tal-liġi, inkluż fir-rigward ta’ terzi persuni.

9 X’inhuma l-proċedura u d-dokumenti jew l-informazzjoni tipikament meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Sabiex proprjetà immobbli tiġi reġistrata ġewwa Malta, in-Nutar Pubbliku li jkun għamel il-kuntratt tal-proprjeta’ immobbli, jippreżenta nota ta’ insinwa lir-Reġistru Pubbliku sabiex din tiġi insinwata. Mal-mument li jkun hemm in-nota tal-insinwa, il-proprjetà immobbli tkun ġiet irreġistrata u l-kuntratt ikollu saħħa fir-rigward tal-partijiet tal-kuntratt u kif ukoll fuq terzi persuni.

L-aħħar aġġornament: 15/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Σχόλια

Χρησιμοποιήστε το παρακάτω δελτίο για να διατυπώσετε τα σχόλια και τις παρατηρήσεις σας για τον νέο μας ιστότοπο