Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Svezja

Il-kontenut ipprovdut minn
Svezja

1. L-età minima biex attur ikun jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qorti f’ismu stess

Fl-Iżvezja, l-età minima tar-responsabbiltà kriminali hija ta’ 15-il sena. Kawża tista’ titressaq il-qorti minn persuni li jkollhom mill-inqas 18-il sena għal materji tal-familja, tal-impjiegi, tal-migrazzjoni u tal-ażil, kif ukoll għal sanzjonijiet amministrattivi. Għall-materji tal-edukazzjoni, l-età hija ta’ 16-il sena u, għall-materji tas-saħħa (jekk tkun tikkonċerna biss detenzjoni/kura psikjatrika obbligatorja) u t-tqegħid f’kura, l-età hija ta’ 15-il sena (għalkemm il-minuri ġeneralment ikunu konvenuti u mhux atturi).

2. Istituzzjonijiet speċjalizzati u awtoritajiet kompetenti

L-Iżvezja ma għandhiex qrati speċjali għal trażgressuri żgħażagħ. Tfal taħt l-età ta’ 15-il sena ma jistgħux jiġu mħarrka u minflok jaqgħu taħt il-kura tas-Servizzi Soċjali, filwaqt li dawk li għandhom bejn il-15 u t-18-il sena jiġu pproċessati fil-qrati ġenerali. L-Iżvezja għandha qrati ġenerali u qrati amministrattivi. Dawn jaħdmu b’mod parallel. Is-sistema tal-qorti amministrattiva tittratta l-kontestazzjonijiet għad-deċiżjonijiet amministrattivi.

Il-kawżi tad-dritt ċivili u l-kawżi li jirrigwardjaw il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt jiġu ttrattati mill-qrati ġenerali. Ma hemm l-ebda istituzzjoni speċjalizzata li tittratta l-minuri fil-proċedimenti ġudizzjarji ċivili fl-Iżvezja. Il-biċċa l-kbira tat-tilwim relatat mal-liġi tal-familja jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati ġenerali.

3. Miżuri legali u ta’ politika fis-seħħ sabiex jiġi evitat dewmien żejjed fl-immaniġġjar ta’ kawżi li jinvolvu persuni minuri

Meta persuna minuri tkun suspettata b’reat, il-ġenituri jew persuna oħra responsabbli għall-kura tal-minuri għandhom jiġu nnotifikati mill-aktar fis possibbli dwar ir-reat u l-intervista mal-minuri. Il-ġenituri għandhom ikunu preżenti waqt l-intervista. Jekk ir-reat ikun serju, is-servizzi soċjali għandhom jiġu nnotifikati wkoll mill-aktar fis possibbli bir-reat u jkunu preżenti waqt l-interrogazzjoni. L-investigazzjoni u l-proċedimenti tal-qorti jiġu adattati għall-persuni suspettati żgħażagħ. Il-proċedimenti legali għandhom jitlestew fi żmien raġonevoli. Hemm ukoll regola ġenerali li tiddikjara li d-deċiżjonijiet rilevanti u l-bidu tal-proċedimenti għandhom iseħħu mingħajr dewmien żejjed meta jkunu involuti minuri f’kawżi li jikkonċernaw il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt.

4. Mekkaniżmi u proċeduri speċifiċi ta’ manteniment għat-tfal u modi kif jiġi żgurat li l-vuċi tal-minuri tinstema’

Kemm il-persuni minuri kif ukoll dawk adulti jistgħu jkunu partijiet fi proċedimenti ġudizzjarji. B’hekk, il-persuni minuri li jkunu vittmi ta’ reat għandhom l-istess dritt li jinstemgħu u li jipparteċipaw fil-proċedimenti bħall-adulti. F’każijiet fejn ir-rakkont tal-avvenimenti mill-minuri jkollu importanza partikolari (li huwa l-każ meta l-persuna minuri tkun vittma), espert fil-psikoloġija tat-tfal jew fil-psikoloġija tal-interrogazzjoni għandu jkun preżenti waqt l-interrogazzjoni jew għandu jikkummenta fuq il-valur tar-rakkont tal-persuna minuri. Ma jeżisti l-ebda dritt ta’ smigħ fir-rigward tax-xhieda, irrispettivament minn jekk ix-xhud ikunx minuri jew adult. Ix-xhieda mhumiex partijiet fil-proċess u ma għandhom l-ebda sehem fil-proċedimenti kriminali, għajr li jipprovdu r-rakkont tagħhom ta’ dak li ġara, jekk ikun meħtieġ.

5. Approċċ multidixxiplinarju

Atturi differenti, bħall-pulizija, il-prosekuzzjoni, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali huma meħtieġa li jikkooperaw. Meta persuna minuri tkun vittma ta’ vjolenza, ir-responsabbiltà prinċipali għall-kooperazzjoni taqa’ fuq is-servizzi soċjali. Il-biċċa l-kbira tal-muniċipalitajiet għandhom l-hekk imsejħa gruppi ta’ konsultazzjoni ma’ rappreżentanti mis-servizzi soċjali, il-prosekuzzjoni, il-pulizija, is-servizzi tal-kura tas-saħħa tat-tfal, u s-servizzi tal-psikjatrija tat-tfal u taż-żgħażagħ, li jiddeċiedu dwar il-koordinazzjoni tal-isforzi u l-ippjanar u li jiddeċiedu f’liema ordni għandhom jaġixxu l-atturi differenti ladarba jkun sar rapport dwar reat fil-konfront ta’ persuna minuri. Jekk persuna minuri tkun vittma ta’ reat jew tkun suspettata li kkommettiet reat, il-pulizija u l-prosekuturi għandhom jikkooperaw dejjem. Il-kooperazzjoni tinbeda wkoll mas-servizzi soċjali u ma’ atturi rilevanti oħrajn.

6. Miżuri fis-seħħ maħsuba biex jiżguraw li l-aħjar interessi tal-minuri jkunu kunsiderazzjoni primarja jew tal-akbar importanza

Il-liġi Żvediża tistipula li l-aħjar interessi tal-minuri għandhom jingħataw kunsiderazzjoni primarja mill-qrati ġenerali, li jfisser li jeħtieġ li l-qorti tikkunsidra l-aħjar interessi ta’ kull persuna minuri. F’kawżi li jikkonċernaw il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, il-qorti tiddeċiedi dwar l-aħjar interess tal-persuna minuri. Madankollu, skont id-dritt amministrattiv Żvediż, ma hemm l-ebda prinċipju ġenerali li l-awtoritajiet jew il-qrati amministrattivi jridu jqisu l-aħjar interessi tal-minuri, jew li jrid jingħata piż partikolari lill-aħjar interessi tal-minuri. Għalhekk, f’dan ir-rigward, id-dritt amministrattiv huwa differenti mid-dritt ċivili. Madankollu, leġiżlazzjoni speċifika għas-settur introduċiet il-prinċipju li trid tingħata kunsiderazzjoni, fi gradi differenti, lill-aħjar interessi tal-minuri, f’xi oqsma amministrattivi speċifiċi.

7. Il-monitoraġġ u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi proċedimenti li jinvolvu persuni minuri

Tfal taħt l-età ta’ 15-il sena ma jistgħux jinżammu kriminalment responsabbli għal reati li jkunu kkommettew. Il-prinċipju fundamentali huwa li t-trażgressuri żgħażagħ għandhom l-ewwel ikunu soġġetti għal miżuri taħt is-Servizzi Soċjali, minflok jiġu ttrasferiti għas-Servizz tal-Ħabs u tal-Probation. Jeżistu sanzjonijiet speċjali li japplikaw biss għal trażgressuri żgħażagħ fl-età ta’ bejn il-15 u l-21 sena. It-trażgressuri minuri fl-età ta’ bejn it-18 u l-21 sena ta’ spiss jiġu kkundannati għall-istess sanzjonijiet bħall-adulti. Jekk it-trażgressur ikun ikkommetta r-reat qabel l-età ta’ 21 sena, iż-żgħożija tiegħu għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali meta jkun qed jiġi ddeterminat il-kastig. Id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati ċivili huma l-istess għall-minuri u għall-adulti. Jekk kontroparti ma tissodisfax l-obbligi tagħha skont sentenza jew deċiżjoni, il-parti tista’ titlob għall-eżekuzzjoni tas-sentenza jew tad-deċiżjoni mill-Aġenzija tal-Eżekuzzjoni Żvediża. Il-Kodiċi tat-Tfal u tal-Ġenituri fih dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi jew tad-deċiżjonijiet dwar il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, kif ukoll ta’ deċiżjonijiet oħrajn skont il-Kodiċi. L-aħjar interessi tal-minuri għandhom jingħataw kunsiderazzjoni primarja meta jkunu qed jiġu eżegwiti tali sentenzi jew deċiżjonijiet.

8. Aċċess għar-rimedji

Hemm jedd ġenerali, jiġifieri mhux esklussiv għall-vittmi minuri, li jintalab rieżami ta’ deċiżjoni biex ma ssirx prosekuzzjoni. Madankollu, huma biss il-partijiet ikkonċernati li jistgħu jagħmlu talba bħal din. Il-vittmi minuri, kif ukoll il-vittmi adulti, jistgħu jfittxu kumpens mit-trażgressur (danni). Fir-rigward tad-dritt ċivili, billi l-minuri b’mod ġenerali ma jkollhomx kapaċità proċedurali, huma jistgħu jiksbu aċċess biss għall-mekkaniżmi tal-ilmenti, tal-appelli legali jew tal-istħarriġ ġudizzjarju permezz tar-rappreżentant legali tagħhom.

9. Regoli ġenerali dwar l-adozzjoni (ta’ persuna minuri jew adulta)

Id-deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni jittieħdu mill-qorti. It-talba ssir mill-persuna/persuni li tixtieq/jixtiequ tadotta/jadottaw. Il-qorti għandha teżamina jekk l-adozzjoni tkunx tista’ sseħħ b’mod xieraq. Il-permess għall-adozzjoni ta’ persuna minuri ma għandux jingħata, sakemm l-adozzjoni ma tinstabx li tkun ta’ benefiċċju għall-minuri.

Ġustizzja favur il-persuni minuri fl-Iżvezja  PDF (255 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 31/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.