Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Lussemburgu

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

1. Il-kapaċità ġuridika tal-minuri

Fil-Lussemburgu, l-età minima biex attur ikun jista’ jiftaħ kawża l-qorti f’ismu stess hija ta’ 18-il sena għall-oqsma kollha tal-liġi. Teżisti eċċezzjoni għall-minuri emanċipati li jistgħu jippreżentaw ilment f’isimhom stess.

Fil-Lussemburgu, teżisti sistema ġudizzjarja speċjalizzata li tittratta r-reati mwettqa minn tfal taħt l-età minima tar-responsabbiltà kriminali (MACR), li fil-Lussemburgu hija 18-il sena. Dan ifisser li minuri taħt it-18-il sena ma jwettaqx “reati” skont il-liġi Lussemburgiża; minflok, iwettaq “atti kkwalifikati bħala reati”, li għalihom hemm ġuriżdizzjoni speċjalizzata, il-Qorti tal-Minorenni (Tribunal de la jeunesse), li hija responsabbli għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kustodja, protezzjoni u/jew edukazzjoni.

2. Aċċess għal proċedimenti adattati

Ħlief għal ċerti materji li jirrigwardjaw il-protezzjoni tal-minuri u l-familja, il-kawżi tad-dritt ċivili jinstemgħu quddiem il-qrati ċivili. Ma hemmx qrati speċjali tal-familja u taż-żgħażagħ fil-qasam tal-ġustizzja amministrattiva. Huma biss id-deċiżjonijiet dwar l-ażil u l-migrazzjoni li jiġu mistħarrġa mill-qrati amministrattivi.

  • Il-Qorti tal-Minorenni hija l-ġuriżdizzjoni speċjalizzata li tittratta ma’ minuri suspettati u trażgressuri, kif ukoll li tordna miżuri ta’ protezzjoni għal tfal li jeħtieġu assistenza u protezzjoni. Il-Qorti tal-Minorenni tadotta miżuri ta’ edukazzjoni u protezzjoni. Il-minuri suspettati/trażgressuri ma jitqisux bħala trażgressuri iżda bħala tfal li jeħtieġu protezzjoni u għajnuna. Konsegwentement, id-dritt kriminali ma japplikax bħala tali għat-tfal.
  • It-taqsima dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku hija responabbli b’mod ġenerali għal dak kollu li jaffettwa lit-tfal u lill-familji tagħhom. Meta minuri vittmi jkunu involuti fi proċedimenti ġudizzjarji, il-prosekuturi jaħdmu mill-qrib mat-taqsima dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ tal-pulizija ġudizzjarja.
  • Fil-Lussemburgu, il-Qorti tal-Minorenni hija l-ġurisdizzjoni speċjalizzata li tittratta ma’ kawżi tal-protezzjoni ta’ minuri. Il-Qrati tal-Minorenni jaħdmu mal-imħallfin speċjalizzati li huma responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ. L-imħallfin tal-familja għandhom ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-awtorità tal-ġenituri. Jikkontrollaw ukoll il-ħidma tar-rappreżentanti jew kustodji legali. F’din il-kariga, l-imħallfin tal-familja jistgħu jitolbu kjarifika mir-rappreżentanti u l-kustodji legali tal-minuri, kif ukoll mill-minuri nnifsu.

3. Miżuri legali u ta’ politika fis-seħħ sabiex jiġi mħaffef l-immaniġġjar ta’ kawżi li jinvolvu t-tfal

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika sabiex jiġi żgurat li l-proċedimenti ġudizzjarji ċivili li jinvolvu t-tfal jiġu mħaffa kif xieraq. F’termini ta’ skadenzi proċedurali, japplikaw ir-regoli ġenerali (applikabbli għall-adulti). Dawn ir-regoli jvarjaw skont il-qorti li tisma’ l-kawża.

4. Mekkaniżmi u proċeduri speċifiċi ta’ appoġġ għat-tfal u l-aħjar interessi tal-minuri

Dan is-servizz jista’ jipprovdi appoġġ lill-minuri biex jikseb aċċess għal rimedji legali. Il-minuri jista’ jiġi assistit ukoll minn avukat.

  • It-tifsira tat-terminu “l-aħjar interessi” mhijiex definita fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Il-valutazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri taqa’ fil-kompetenza tal-imħallfin. L-imħallfin jistgħu jqisu diversi fatturi meta jivvalutaw l-aħjar interessi tal-minuri, inkluż, pereżempju, il-benessri tal-minuri, fatturi soċjali, eċċ. Minkejja r-rekwiżit legali fis-seħħ, il-qorti tista’ tqis il-fehmiet tal-minuri meta tiddetermina filwaqt l-aħjar interessi tiegħu. Il-minuri jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu meta jkun qed jinstema’ f’materji ċivili, pereżempju fir-rigward tal-awtorità tal-ġenituri.

Il-qrati kollha jikkonformaw ma’ strumenti legali internazzjonali bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Eżerċizzju tad-Drittijiet tal-Minuri, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

5. Monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi proċedimenti li jinvolvu t-tfal

It-tfal ma jistgħux ifittxu l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti f’isimhom stess. Ir-rappreżentant legali tagħhom jeżerċita dan id-dritt f’isimhom.

Meta tkun inħarġet deċiżjoni kontra konvenut minuri, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni trid isseħħ kontra l-assi separati tal-minuri. Il-konvenuti minuri li ma jissodisfawx l-obbligi tagħhom li joħorġu mid-deċiżjoni tal-qorti, ma jistgħux ikunu soġġetti għall-miżura koerċittiva ta’ detenzjoni.

F’kawżi ta’ protezzjoni ta’ minuri, il-minuri rrappreżentat minn avukat jista’ jfittex l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-qorti f’ismu stess.

6. Aċċess għar-rimedji

Minuri li jixtieq jippreżenta lment, appell legali jew stħarriġ ġudizzjarju quddiem qorti ordinarja jrid ikun irrappreżentat mir-rappreżentant legali tiegħu. Issir eċċezzjoni għal minuri emanċipati, li jistgħu jippreżentaw ilment huma stess.

Billi r-rappreżentant legali tal-minuri jirrappreżenta lill-minuri u jaġixxi f’ismu, huwa jista’ jagħmel sottomissjonijiet jew appelli mingħajr il-kunsens tal-minuri. Il-qorti tista’ taħtar amministratur ad hoc jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess bejn il-ġenituri u l-minuri.

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Qorti tal-Minorenni jistgħu jiġu wkoll appellati mill-minuri bl-appoġġ ta’ avukat.

7. Aġenziji inkarigati mill-appoġġ tal-minuri:

8. Adozzjoni

Fil-Lussemburgu, l-adozzjoni hija miftuħa għar-residenti kollha tal-Lussemburgu, kemm jekk ikunu ċittadini nazzjonali kif ukoll jekk le, kif ukoll għal dawk li mhumiex residenti u li jixtiequ jadottaw individwu residenti l-Lussemburgu.

Ir-rekwiżiti għall-adozzjoni huma rregolati mil-liġi nazzjonali tal-ġenitur(i) adottiv(i).

Fil-każ ta’ adozzjoni minn koppja miżżewġa li ma għandhomx l-istess nazzjonalità jew li huma apolidi, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali komuni tagħhom fil-mument tat-talba.

Għall-persuni adottati, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom, sakemm l-adozzjoni ppjanata ma tagħtihomx in-nazzjonalità ta’ min jadottahom. Jekk ikun hemm regoli dwar il-ġuriżdizzjoni konfliġġenti, tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn l-adozzjoni tiġi konkluża b’mod validu.

Kwalunkwe persuna li tixtieq tadotta minuri trid l-ewwel tikkuntattja lill-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali, it-Tfulija u ż-Żgħażagħ (Ministère de l’éducation nationale, de l’enfance et de la jeunesse – MENJE) sabiex tressaq talba għall-adozzjoni. Il-“kors preparatorju għall-adozzjoni” jiġi qabel il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-applikanti biex jadottaw.

Iċ-Ċentru tal-Adozzjoni (Maison de l’Adoption) huwa servizz ta’ konsulenza għal persuni affettwati bl-adozzjoni (ġenituri adottivi prospettivi, persuni adottati, familji adottivi, professjonisti involuti fl-adozzjonijiet).

Dan jipprovdi appoġġ kemm matul kif ukoll wara l-proċedura tal-adozzjoni permezz ta’ konsultazzjonijiet personalizzati.

Il-proċedura tal-adozzjoni fil-Lussemburgu tinvolvi diversi stadji.

Ħolqa għal-leġiżlazzjoni

Child-friendly justice in Luxembourg (in English and French)  PDF (989 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 10/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.