Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

1. Kapaċità legali tal-minuri

Skont il-liġi Franċiża, il-minuri taħt it-18-il sena mhumiex legalment kapaċi. Huma għandhom ikunu rrappreżentati mir-rappreżentanti legali tagħhom (normalment il-ġenituri tagħhom) meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Il-minuri jridu jkunu involuti fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw u huma rilevanti għalihom, skont l-età u l-livell ta’ ġudizzju tagħhom.

2. Aċċess għal proċeduri xierqa

Il-persunal speċjalizzat, b’mod partikolari l-imħallfin speċjalizzati tal-qorti tat-tfal, huwa responsabbli għal każijiet li jinvolvu l-minuri. Il-Protezzjoni Legali taż-Żgħażagħ (Protection judiciaire de la jeunesse) u l-assoċjazzjonijiet awtorizzati jistgħu jintervjenu matul il-proċedimenti li jinvolvu minorenni.

Il-liġi tipprovdi li minuri jista’ jidħol f’tilwima mal-ġenituri tiegħu. F’dan il-każ, individwu indipendenti jista’ jinħatar bħala amministratur ad hoc

F’materji kriminali, il-minuri għandhom id-dritt li jikkonsultaw avukat mingħajr il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni tal-ġenituri. L-għajnuna legali tingħata mingħajr ħlas. L-avukati jitqiesu bħala l-ewwel punt ta’ aċċess għall-informazzjoni, u jkollhom rwol ta’ appoġġ u ta’ protezzjoni fir-rigward tal-minuri. Huma jistgħu jitolbu li sentenza tinżamm in camera, li minorenni jkun ippożizzjonat sabiex ma jarax l-akkużat, li kwalunkwe eżami mediku addizzjonali jiġi sostitwit minn rieżami tal-fajl u li ċerti atti investigattivi (eż. ‘confrontation’) ma jseħħux.

— Fejn minorenni huwa konvenut jew parti fil-proċedura u jinkiser xi wieħed mid-drittijiet tiegħi, il-proċedura jew detenzjoni tista’ tiġi annullata. Il-minuri (ta’ aktar minn għaxar snin) jistgħu jiġu detenuti taħt is-superviżjoni ta’ professjonisti mħarrġa apposta f’bini riżervat għall-minorenni.

— Meta minorenni jkun xhud f’każ, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-pulizija kriminali jridu jqisu l-vulnerabbiltà tagħhom. Minorenni taħt is-16-il sena ma għandhomx bżonn jieħdu ġurament.

— Minorenni li huma vittmi jingħataw protezzjoni speċjali. Barra minn hekk, jekk minorenni jkunu rikorrenti fi proċedura ċivili, huma jistgħu jitolbu danni għall-ħsara mġarrba. Jekk l-awtur tar-reat ħati mhuwiex solventi, il-vittma tista’ tirċievi kumpens minn fond ta’ garanzija (skont iċ-ċirkostanzi), il-Bord dwar il-Kumpens għal Korrimenti Kriminali (CIVI) u/jew is-Servizz ta’ Assistenza għall-Irkupru f’każ ta’ Kriminalità (SARVI).

F’materji ċivili, il-minorenni ġeneralment iridu jkunu rappreżentati mir-rappreżentant legali tagħhom. Jinħatar amministratur jekk ikun hemm kunflitt ta’ interess bejn il-minuri u l-ġenituri tagħhom. Il-ġenituri għandhom 15-il jum biex fihom jappellaw il-ħatra ta’ amministratur.

F’ċerti sitwazzjonijiet, il-liġi tipprevedi espressament li l-minuri jistgħu jaġixxu f’isimhom stess (b’mod partikolari fir-rigward tal-minuri f’riskju fir-rigward tal-assistenza edukattiva, tar-rikorsi għal dikjarazzjoni ġuramentata sabiex tiġi stabbilita d-dixxendenza, tar-rikorsi għall-emanċipazzjoni u tar-rikorsi għall-istabbiliment tan-nazzjonalità ta’ minuri barranin mhux akkumpanjati).

3. Liġijiet u miżuri biex jitnaqqsu l-limiti ta’ żmien f’każijiet li jinvolvu l-minuri

F’materji kriminali, il-Prosekutur Pubbliku jista’ jordna li l-minuri jikkomparixxi b’mod immedjat quddiem il-qorti tat-tfal, biex jiżgura li s-smigħ iseħħ f’perjodu ta’ żmien ta’ bejn għaxart’ijiem u xahrejn. Din il-proċedura hija possibbli biss jekk investigazzjoni dwar il-fatti ma tkunx aktar meħtieġa, fir-rigward ta’ reati speċifiċi u skont l-età tal-minuri u l-piena mġarrba. Barra minn hekk, komparizzjoni aktar kmieni jippermetti lill-Prosekutur Pubbliku li jordna smigħ quddiem il-qorti tat-tfal f’perjodu ta’ żmien ta’ bejn xahar u tliet xhur.

F’kawżi ċivili, ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika biex jitħaffu l-proċeduri fl-ewwel istanza f’każijiet li jinvolvu l-minuri, iżda fejn jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni tal-qorti tat-tfal, il-liġi tipprovdi li l-kawża għandha tinstema’ bħala kwistjoni ta’ prijorità.

4. Mekkaniżmi u proċeduri speċifiċi għall-appoġġ tat-tfal u l-aħjar interessi tat-tfal

L-interessi tal-minorenni huma ta’ importanza ċentrali fil-proċedimenti tal-qorti li jinvolvu t-tfal. Il-liġi ta’ spiss tafferma mill-ġdid li l-imħallfin iridu jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-bażi tal-kriterji essenzjali għas-salvagwardja tal-interessi tat-tfal. Huma jridu jqisu s-sitwazzjoni familjari, soċjali u ekonomika tat-tfal u l-opinjonijiet espressi. Madankollu, ma hemmx protokolli jew linji gwida li fihom jiġu ddefiniti l-aħjar interessi tat-tfal.

F’materji kriminali, l-awtorità ġudizzjarja tiġi mgħarrfa mill-awtoritajiet reġjonali fejn kien hemm jew huwa preżunt li minuri kien vittma ta’ trattament ħażin. Meta l-minorenni jkun safa vittma ta’ abbuż sesswali, il-prosekutur pubbliku jrid jinforma minnufih lill-imħallef tal-qorti tat-tfal u jitlob assistenza flimkien mar-riabilitazzjoni.

L-obbligi li jirriżultaw mill-privileġġ professjonali ma japplikawx f’każijiet ta’ abbuż jew privazzjoni tal-minorenni. Diversi reati kontra l-minuri għandhom termini perentorji itwal, li jibdew jiddekorru biss meta l-vittma tilħaq l-età maġġuri. Is-seduti ta’ smigħ li jinvolvu persuna minorenni jridu jsiru f’sessjoni in camera. Il-pubblikazzjoni tal-kontenut tas-smigħ hija pprojbita.

F’materji ċivili, l-imħallef tal-qorti tat-tfal huwa responsabbli mill-assistenza għar-riabilitazzjoni meta minorenni jkun f’riskju. Barra minn hekk, il-Kodiċi Ċivili jagħti setgħat wiesgħa lill-imħallfin tal-qorti tal-familja, li jridu jieħdu «ħsieb partikolari biex jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi tat-tfal».

5. Infurzar ta’ deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-minuri

F’materji kriminali, il-ġenituri u l-avukat tal-minoreni huma involuti direttament fl-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura. Għadd ta’ miżuri jistgħu jiġu ordnati mill-imħallef tal-qorti tat-tfal jew mill-imħallef tal-investigazzjoni matul il-fażi tal-investigazzjoni (għall-minuri ta’ bejn l-għaxar snin u t-18-il sena: miżuri ta’ kustodja, probation, kumpens u attivitajiet ta’ matul il-jum; għal minuri tal-età ta’ bejn it-13 u t-18-il sena: l-arrest preventiv, is-superviżjoni tal-qorti u s-sorveljanza residenzjali permezz ta’ monitoraġġ elettroniku).

Il-Qorti tal-minuri tista’ tordna r-ritorn ta’ minuri ta’ età ta’ bejn l-għaxar u t-18-il sena għand il-familja tiegħu, kumpens, is-sospensjoni bi probation, attivitajiet ta’ matul il-jum, miżuri ta’ kustodja jew il-protezzjoni mill-qorti. Għal minuri li għandhom bejn it-13 u t-18-il sena, il-qorti tista’ wkoll toħroġ inizjattiva jew twissija, tordna attivitajiet ta’ kumpens, attività ta’ matul il-jum (li tista’, għal minuri ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, tikkonsisti f’servizz komunitarju), probation jew protezzjoni mill-qorti. Tista’ tiġi imposta penali fuq minuri ta’ bejn l-għaxar snin u t-18-il sena: projbizzjoni ta’ dħul ta’ ċerti postijiet, żjara lil ċerti persuni, kustodja u, bħala l-aħħar rimedju għal minuri li għandhom aktar minn 13-il sena, priġunerija (fit-taqsima tal-minuri ta’ ċentru ta’ detenzjoni proviżorja jew ċentru ta' detenzjoni għall-minorenni; iridu jkunu preżenti l-ħaddiema speċjalizzati fil-każ).

F’materji ċivili, id-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-manteniment jew il-protezzjoni tal-minuri f’riskju huma infurzabbli immedjatament. Skont il-livell ta’ deċiżjoni tal-minuri, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-ġenituri jkollhom jinfurzaw is-sentenza. F’każ ta’ kunflitt mal-ġenituri u f’każijiet fejn qorti ma tkunx diġà tat deċiżjoni dwar din il-kwistjoni (eż. bil-ħatra ta’ tutur), l-amministratur ikun responsabbli għall-infurzar tal-miżuri fl-interess tal-minorenni.

6. Adozzjoni

L-adozzjoni tinvolvi diversi stadji: il-kisba ta’ approvazzjoni, it-tqabbil u l-konnessjoni bejn il-minorenni u min jadotta u l-proċedura legali li toħloq ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied. Hemm żewġ tipi ta’ adozzjoni fi Franza: adozzjoni sempliċi (żamma tar-relazzjoni oriġinali bejn il-ġenituri u t-tfal) u adozzjoni sħiħa (għal tfal taħt il-15-il sena biss; is-sostituzzjoni tar-relazzjoni oriġinali bejn il-ġenituri u t-tfal mal-ġenituri adottivi).

It-Tribunal de Grande Instance għandha ġuriżdizzjoni fiż-żewġ każijiet u l-adozzjoni tista’ tiġi approvata biss jekk tkun fl-interess tal-minorenni. Minorenni li għandu iktar minn 13-il sena jrid jagħti l-kunsens għall-adozzjoni tiegħu.

Ġustizzja adattata għat-tfal fi Franza  PDF (749 Kb) fr

L-aħħar aġġornament: 31/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.