Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

1. Il-kapaċità ġuridika tal-minuri

Skont il-Parti Ġenerali tal-Att dwar il-Kodiċi Ċivili, il-persuni kollha għandhom kapaċità ġuridika passiva. Il-persuni taħt it-18-il sena għandhom kapaċità ġuridika attiva ristretta. Qorti tista’ testendi l-kapaċità ġuridika attiva ristretta tal-persuni minuri ta’ 15-il sena jew aktar jekk dan ikun fl-interess tal-minuri u jekk il-livell ta’ żvilupp tal-minuri ikun jippermettih. Fl-Estonja, l-età minima biex attur ikun jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qorti f’ismu stess hija ta’ 15-il sena.

2. Aċċess għal proċedimenti adattati

Fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji jekk jogħġbok ara l-paġna rispettiva tal-portal tal-e-Ġustizzja.

Persuni minuri taħt l-età minima għar-responsabbiltà kriminali (14-il sena) li jkunu kkommettew reati jiġu ttrattati mill-kumitati tal-minorenni. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-kumitati l-ewwel jiġu mistħarrġa mill-gvernatur tal-kontea u mbagħad l-appelli sussegwenti fi proċedimenti ġudizzjarji amministrattivi jiġu mistħarrġa mill-qrati amministrattivi. Huwa possibbli li ssir talba għal miżura xierqa meta l-kawża tkun ilha fil-qorti għal disa’ xhur jew aktar u l-qorti tkun għadha ma ressqitx proċediment meħtieġ abbażi ta’ ġustifikazzjoni raġonevoli. Barra minn hekk, jekk is-seduta tiġi posposta għal aktar minn tliet xhur mingħajr il-kunsens tal-partijiet, il-partijiet jistgħu jappellaw id-deċiżjoni. Hemm regoli speċifiċi dwar il-miżuri provviżorji, li jistgħu jiġu ordnati mill-qorti sabiex jipproteġu lill-persuna minuri mill-ħsara u jiggarantixxu l-azzjoni, u l-liġi tipprovdi eżenzjoni mis-smigħ ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali.

3. Aspetti multidixxiplinarji

Il-protezzjoni tal-minuri tiġi organizzata mill-Gvern tar-Repubblika, mill-kunsill għall-protezzjoni tal-minuri, mill-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali, mill-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali, mill-gvernaturi tal-kontej u mill-gvernijiet lokali abbażi tal-funzjonijiet previsti fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri.

4. Taħriġ tal-professjonisti

It-taħriġ tal-imħallfin jiġi organizzat mill-Kunsill għat-Taħriġ Ġudizzjarju li jopera taħt il-Qorti Suprema f’konformità mal-Att tal-Qorti Estonjana. Il-Kamra tal-Avukati Estonjana hija membru tal-Kamra tal-Avukati Ewropea u tikkomunika ma’ Stati Membri oħrajn dwar it-taħriġ permezz tagħha.

5. L-aħjar interessi tal-minuri

Ħafna atti ġuridiċi jirreferu għall-interessi tal-minuri. L-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (it-taqsima 21) jippromulga l-obbligu li jiġu stabbiliti l-aħjar interessi ta’ persuna minuri bħala kunsiderazzjoni primarja.

6. Il-monitoraġġ u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi proċedimenti li jinvolvu persuni minuri

Billi l-persuni minuri ma għandhomx kapaċità proċedurali attiva, huma ma jiġux infurmati personalment dwar is-sentenza u l-eżekuzzjoni tagħha mill-qorti. Ladarba s-sentenza ssir eżekutorja, ir-rappreżentant legali tal-minuri jista’ jissottometti talba għall-eżekuzzjoni lill-uffiċjal ġudizzjarju. Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni rigward il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni lill-persuna minuri hija preżunta li hija r-responsabbiltà tar-rappreżentant legali.

7. Aċċess għar-rimedji

Fl-Estonja, il-persuni minuri involuti fi proċedimenti ġudizzjarji ċivili jiġu rrappreżentati mir-rappreżentanti legali tagħhom, li huma preżunti li jaġixxu fl-aħjar interessi tagħhom. Għalhekk, fil-prinċipju, ir-rappreżentanti legali tal-minuri jistgħu jagħmlu sottomissjonijiet u jressqu appelli quddiem il-qorti f’isem il-minuri tagħhom mingħajr il-kunsens tal-istess minuri. Madankollu, jista’ jiġi dedott mil-liġi li persuna minuri tista’ wkoll tissottometti talba/appell lill-qorti f’isimha stess. Ġeneralment, ir-rappreżentant legali tagħha jkun mistenni li jissieħeb minnufih. Fi kwistjonijiet familjari fuq talba, persuna minuri ta’ 14-il sena jew aktar b’fehim suffiċjenti tal-proċedimenti għandha d-dritt li tappella kontra sentenzi tal-qorti mingħajr ma tkun irrappreżentata mir-rappreżentant legali tagħha.

8. Il-proċedura għall-adozzjoni, inkluża l-adozzjoni internazzjonali

Persuna li tkun tixtieq tadotta għandha tressaq petizzjoni għall-adozzjoni lill-gvern tal-kontea. Jekk il-gvern tal-kontea jippreżumi li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni jkunu rrispettati, il-persuna li tkun tixtieq tadotta għandha tressaq talba għall-adozzjoni lill-qorti. Talba għall-adozzjoni titressaq lill-qorti tar-residenza tal-persuna minuri adottiva. Jekk ir-residenza tal-ġenitur adottiv jew tal-persuna minuri ma tkunx fl-Estonja, il-qorti ma għandhiex tiddeċiedi dwar l-adozzjoni mingħajr il-kunsens tal-kumitat għall-adozzjonijiet internazzjonali ffurmat fil-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali tar-Repubblika tal-Estonja. Tfal li jkollhom mill-inqas 10 snin jistgħu jiġu adottati biss bil-kunsens tagħhom.

Ġustizzja favur il-persuni minuri fl-Estonja  PDF (469 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.