Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

1. Il-kapaċità ġuridika tat-tfal

Fil-Bulgarija, l-età minima tar-responsabbiltà kriminali hija ta’ 14-il sena. Għall-kwistjonijiet kollha, l-età minima biex attur jista’ jiftaħ kawża quddiem il-qorti f’ismu stess hija ta’ 14-il sena.

2. Aċċess għal proċedimenti adattati

Ma hemm l-ebda speċjalizzazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja tat-tfal fil-qrati ġenerali tal-ġustizzja. Fil-qrati fejn il-persunal ikun biżżejjed biex jiggarantixxi l-prinċipju ta’ allokazzjoni aleatorja tal-kawżi, l-imħallfin jiġu allokati għal diviżjonijiet ċivili u kriminali u jittrattaw biss il-kawżi rispettivi. Fil-qrati reġjonali u distrettwali jistgħu jiġu stabbiliti diviżjonijiet, u l-allokazzjoni tal-imħallfin għalihom isseħħ fid-diskrezzjoni tal-kap amministrattiv tal-qorti.

Il-leġiżlazzjoni Bulgara tipprevedi definizzjoni legali ta’ “wild minuri”. Hija meħtieġa wkoll età minima biex wieħed jerfa’ r-responsabbiltà kriminali u hemm regoli speċjali li jirregolaw l-impożizzjoni ta’ sentenzi fuq il-minuri. Skont it-tifsira tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal “wild minuri għandu jkun kwalunkwe persuna fiżika li ma tkunx għalqet it-18-il sena”.

Il-minuri huma maqsuma f’żewġ gruppi – minn 14 sa 16-il sena u minn 16 sa 18-il sena. Ir-responsabbiltà kriminali tagħhom hija mmitigata meta mqabbla mar-responsabbiltà kriminali tal-adulti, peress li l-grad ta’ mitigazzjoni huwa aktar baxx fil-kategoriji tal-età ta’ bejn is-16 u t-18-il sena.

Il-minuri li jkunu għalqu s-16-il sena jistgħu jerfgħu responsabbiltà amministrattiva skont l-Att dwar ir-Reati Amministrattivi u l-Pieni u skont atti speċjali bħad-Digriet dwar il-Ġlieda kontra l-Ħuliganiżmu tal-Minuri.

3. Aspetti multidixxiplinari

L-organizzazzjonijiet rilevanti kollha jridu jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom sabiex jiksbu fehim komprensiv tat-tfal. L-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal jirregola l-kompetenzi tal-Korpi għall-Protezzjoni tat-Tfal li huma l-Aġenzija tal-Istat għall-Protezzjoni tat-Tfal, id-Direttorati għall-Assistenza Soċjali fil-livell lokali, il-Ministru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali, il-Ministru tal-Intern, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xjenza, il-Ministru tal-Ġustizzja, Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministru tal-Kultura, il-Ministru tas-Saħħa u s-sindki tal-muniċipalitajiet.

4. Taħriġ tal-professjonisti

Il-professjonisti li huma involuti fil-proċess ġudizzjarju jridu jkunu kkwalifikati u b’esperjenza estensiva, speċjalment fil-ħidma mat-tfal. Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ taħriġ legali, iżda l-maġġoranza tal-ispeċjalisti ħadu korsijiet ta’ kwalifiki u taħriġ, li jagħtuhom ħiliet speċifiċi.

Min-naħa l-oħra, il-ħaddiema soċjali u l-pulizija jieħdu sehem fi studji, seminars u laqgħat differenti ospitati minn istituzzjonijiet pubbliċi, NGOs, eċċ. L-Aġenzija tal-Assistenza Soċjali, bħala istituzzjoni governattiva ewlenija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki għall-protezzjoni tat-tfal, torganizza ħafna taħriġ fuq livell lokali għat-titjib tal-kwalifiki tal-uffiċjali tagħha – il-ħaddiema soċjali.

5. L-aħjar interessi tat-tfal

Skont l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, l-iżgurar tal-aħjar interess tagħhom huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-protezzjoni. L-aħjar interess tat-tfal huwa l-prinċipju ewlieni għall-involviment tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lit-tfal l-opportunità li jkollhom rwol proattiv, li jesprimu opinjoni u li jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

6. Aċċess għar-rimedji

L-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal jipprevedi li t-tfal għandhom dritt għal għajnuna legali u għal appell fil-proċedimenti kollha li jaffettwaw id-drittijiet jew l-interessi tagħhom.

It-tfal mingħajr kapaċità legali jistgħu jindirizzaw id-denunzji u l-appelli legali permezz tal-ġenituri jew tar-rappreżentanti legali tagħhom, li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’isimhom. Il-leġiżlazzjoni tipprovdi opportunità lil dawn ir-rappreżentanti biex jieħdu deċiżjonijiet, filwaqt li jżommu l-aħjar interess tat-tfal. Fil-każ ta’ tfal vittmi li jiddeċiedu li ma jiftħux kawżi, prosekutur jista’ jagħmel dan f’isimhom, billi jibda proċedimenti ta’ qabel il-proċess.

Ma hemm l-ebda regola speċifika dwar l-għajnuna legali għat-tfal. Japplikaw ir-regoli komuni tal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali.

7. Żviluppi futuri

Il-Ministeru tal-Ġustizzja bil-parteċipazzjoni ta’ firxa wiesa’ ta’ partijiet ikkonċernati abbozza Liġi ġdida dwar id-Devjazzjoni mill-Proċedimenti Kriminali u l-Impożizzjoni ta’ miżuri dixxiplinarji għall-minuri. L-għan tal-abbozz tal-Liġi huwa li jħeġġeġ l-imġiba legali tal-minuri f’kunflitt mal-liġi u li jipprovdi appoġġ għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri dixxiplinarji u għall-inklużjoni tagħhom fi programmi edukattivi xierqa. F’konformità mal-istandards internazzjonali u l-aħjar prattiki, l-abbozz tal-Liġi jirregola s-sistema l-ġdida ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-prevenzjoni ta’ reati sekondarji u ripetuti għal minuri b’imġiba illegali.

Element essenzjali tal-bidliet leġiżlattivi proposti huwa l-possibbiltà prevista li tintuża l-medjazzjoni. Dan se jippermetti l-introduzzjoni ta’ ġustizzja ta’ rkupru (restorattiva) li tbiegħed lill-minorenni minn proċedimenti kriminali sabiex jissewwew id-danni kkawżati mill-imġiba illegali u sa fejn ikun possibbli biex tiġi rrestawrata r-relazzjoni bejn it-trażgressur, il-vittma u s-soċjetà.

8. Il-ħajja tal-familja

Il-leġiżlazzjoni Bulgara tal-adozzjoni ġiet riveduta b’konsegwenza tar-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor (il-Konvenzjoni ta’ The Hague). L-inklużjoni tal-adozzjonijiet u ta’ ġenituri adottivi f’reġistri speċjali ġiet introdotta bħala kundizzjoni għall-ammissjoni ta’ adozzjonijiet sħaħ permezz tal-emendi. Eċċezzjoni għal din ir-regola ġiet prevista fl-adozzjoni ta’ wild ta’ konjuġi u l-adozzjoni ta’ neputijiet min-nanniet.

Skont il-leġiżlazzjoni Bulgara, l-adozzjoni tista’ tkun jew “sħiħa” jew “sempliċi”:

F’każ ta’ adozzjoni sħiħa, bejn it-tfal adottati u d-dixxendenti tagħhom fuq naħa waħda, u l-ġenitur adottiv u l-qraba tiegħu fuq in-naħa l-oħra, għandu jkun hemm drittijiet u obbligi bħal bejn il-qraba oriġinali, u d-drittijiet u l-obbligi bejn it-tfal adottati u d-dixxendenti tagħhom mal-qraba oriġinali tagħhom għandhom jieqfu.

F’każ ta’ adozzjoni sempliċi, għandu jkun hemm id-drittijiet u l-obbligi bħal bejn il-qraba oriġinali bejn it-tfal adottati u d-dixxendenti tagħhom fuq naħa u l-ġenitur adottiv fuq in-naħa l-oħra biss, u għandhom jinżammu d-drittijiet u l-obbligi bejn it-tfal adottati u d-dixxendenti tagħhom mal-qraba oriġinali tagħhom, għandhom jibqgħu jeżistu. Id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri għandhom jgħaddu għand il-ġenitur adottiv.

Ġustizzja mfassla apposta għat-tfal fil-Bulgarija  PDF (324 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 05/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.