Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Ġustizzja adattata għat-tfal tirreferi għal sistemi ġudizzjarja li tiggarantixxi r-rispett u l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet kollha tat-tfal fl-ogħla livell li jista’ jinkiseb

Madwar 19% tal-popolazzjoni tal-UE (95 miljun) għandhom inqas minn 18 sena. Il-minuri jistgħu jiġu involuti direttament jew indirettament mas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri f’diversi modi, pereżempju meta jikkommettu reati, meta jkunu xhieda jew vittmi ta’ delitti, meta jitolbu l-asil, meta jkunu s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ adozzjoni jew meta l-ġenituri tagħhom ma jaqblux dwar il-kustodja.

Il-proċedimenti ġudizzjarji jista’ jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-ħajja tal-minuri u n-nuqqas ta’ reazzjoni adattata għat-tfal jista’ jirriżulta f’restrizzjonijiet jew ksur tad-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, meta s-sistemi ġudizzjarji nazzjonali ma jkollhomx proċeduri u prattiki adattati għat-tfal, l-aktar tfal vulnerabbli (eż. tfal b’diżabilitajiet jew tfal migranti) jaffaċċaw ostakli partikolari fit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.

Jenħtieġ li d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja jkun garantit għall-minuri kollha. Barra minn hekk, matul l-involviment tagħhom mas-sistema ġudizzjarja, jenħtieġ li t-tfal jiġu ttrattati b’rispett għall-età tagħhom, il-ħtiġijiet speċjali tagħhom, il-maturità u l-livell ta’ fehim tagħhom u b’konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe diffikultà ta’ komunikazzjoni li jista’ jkollhom.

Hemm bżonn ta’ informazzjoni aktar ċara dwar in-nies u l-proċeduri involuti fil-ġustizzja li taffettwa lill-minuri, kif ukoll ta’ attenzjoni speċjali li tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-minuri. F’dan ir-rigward, ġew identifikati żewġ kategoriji: tfal bħala persuni ġudizzjarjiproċeduri speċifiċi fis-seħħ fil-pajjiżi tal-UE, skont il-fergħa tal-liġi.

L-ewwel kategorija ġġib flimkien l-elementi ġenerali relatati mal-kapaċità personali tat-tfal, bħar-responsabbiltà kriminali jew ċivili, l-aċċess għal appoġġ legali, ir-relazzjoni mal-iskola/l-edukazzjoni, it-teħid ta’ deċiżjonijiet f’termini ta’ kura tas-saħħa, qrati/istituzzjonijiet speċjalizzati jew appoġġ finanzjarju meta jmorru l-qorti.

It-tieni kategorija għandha l-għan li tiġbor informazzjoni dwar kif il-minuri jiġu ttrattati fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji u n-natura speċifika tal-proċeduri kriminali, ċivili u amministrattivi fl-Istati Membri.

L-aħħar aġġornament: 21/09/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.