Id-drittijiet tal-minorenni fil-proċeduri tal-qorti

Iċ-Ċekja

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

1. Il-kapaċità ġuridika tat-tfal

Fid-dritt privat, l-Att Nru 89/2012 (il-Kodiċi Ċivili) jiddikjara li l-kapaċità ta’ minorenni li jwettaq att legali speċifiku hija marbuta mal-maturità intellettwali u tar-rieda tal-persuni tal-età tagħhom. Din hija preżunzjoni konfutabbli, li tfisser li f’kull każ tista’ tingħata prova li turi bil-kontra. Il-kapaċità ġuridika sħiħa tinkiseb ta’ 18-il sena; f’ċerti kundizzjonijiet, qorti tista’ tagħti kapaċità ġuridika lil tfal ta’ 16-il sena. Jekk it-tfal ma jkollhomx kapaċità ġuridika, jeħtiġilhom ikunu rappreżentati mir-rappreżentant legali jew mit-tutur tagħhom. Dawk il-persuni jistgħu jagħtu l-kunsens tagħhom għal ċerti atti legali tat-tfal, f’liema każ it-tfal jitħallew jaġixxu waħedhom fi ħdan l-ambitu tal-kunsens tagħhom, sakemm dan ma jkunx ipprojbit b’mod speċifiku mil-liġi.

Skont il-Kodiċi Kriminali Ċek (l-Att Nru 40/2009), it-tfal taħt il-15-il sena ma jistgħux jinżammu responsabbli kriminalment. It-tfal li għandhom aktar minn 15-il sena, iżda li jkollhom anqas minn 18-il sena fiż-żmien tar-reat, jinżammu kriminalment responsabbli biss jekk il-maturità intellettwali u morali tagħhom fi żmien ir-reat kienet tippermettilhom jirrealizzaw l-illegalità tal-azzjonijiet tagħhom u jikkontrollaw dawk l-azzjonijiet.

2. Is-sitwazzjoni tat-tfal fi proċedimenti quddiem qrati ċivili

(a) Ir-rwol u l-kapaċità ġuridika tat-tfal fi proċedimenti ċivili

It-tfal jistgħu jkunu involuti fi proċedimenti tal-qorti b’diversi modi. Fi proċedimenti ċivili, ir-rwol tat-tfal normalment ikun dak ta’ parteċipanti, iżda jistgħu jkunu xhieda wkoll. Dawn li ġejjin jindirizzaw ir-rwol tat-tfal bħala parteċipanti fi proċedimenti ċivili. Il-leġiżlazzjoni rilevanti hija l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Att Nru 99/1963) u l-Att dwar Proċedimenti Ġudizzjarji Speċjali (l-Att Nru 292/2013).

Il-proċedimenti ċivili jinqasmu fi proċedimenti kontradittorji u mhux kontradittorji. Filwaqt li t-tfal jistgħu jkunu involuti fiż-żewġ tipi ta’ proċeduri, spiss ikunu involuti fi proċedimenti mhux kontradittorji (pereżempju proċedimenti li jikkonċernaw il-kustodja). Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fil-proċedimenti li jikkonċernaw il-kustodja huma relatati mal-isem u mal-kunjom tat-tfal, mal-manteniment, ma-dritt ta’ aċċess, mar-responsabbiltà tal-ġenituri u ma’ kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-kustodja. F’ħafna mill-każijiet, il-proċedimenti jistgħu jinfetħu fuq talba u minn qorti fuq inizjattiva proprja, ħlief għal kwistjonijiet relatati mar-rappreżentanza tat-tfal (f’liema każ il-proċedimenti jistgħu jinfetħu biss fuq talba tar-rappreżentant legali) jew sabiex tingħata kapaċità ġuridika (proċedimenti mibdijin biss fuq talba tat-tfal jew tar-rappreżentant legali tagħhom).

Bħal fid-dritt privat, il-kapaċità ġuridika tat-tfal fi proċedimenti ċivili hija marbuta mal-maturità intellettwali u tar-rieda tat-tfal fl-età tagħhom. Madankollu, jekk dan ikun meħtieġ minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, qorti tista’ tiddeċiedi li t-tfal ikunu rappreżentati mir-rappreżentant legali jew mit-tutur tagħhom anki jekk ikunu jistgħu jaġixxu b’mod indipendenti fil-kwistjoni.

(b) Il-qrati u awtoritajiet oħrajn li jħarsu l-interessi tat-tfal

L-istatus legali tat-tfal huwa deċiż mill-qrati. Il-kawżi kontradittorji u mhux kontradittorji jiġu eżaminati mill-qrati ġenerali. Madankollu, l-imħallfin li jittrattaw kawżi mhux kontradittorji f’dawk il-qrati normalment ma jittrattawx kawżi kontradittorji. Fil-prim’istanza, il-proċedimenti jitwettqu minn qrati distrettwali, filwaqt li l-qrati reġjonali huma l-qrati tal-appell. Stħarriġ tal-appell ma huwiex permess f’kawżi li jikkonċernaw il-kustodja.

Fi proċedimenti ċivili relatati mat-tħaris ġudizzjarju tal-minorenni, ir-rwol ċentrali jitwettaq mill-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal. Din il-kompetenza hija eżerċitata primarjament mill-uffiċċji tal-muniċipalitajiet b’kompetenza estiża. L-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal tista’ tiftaħ il-proċedimenti elenkati hawn fuq u sussegwentement taġixxi bħala tutur ad litem f’dawk il-proċedimenti. Fl-istess ħin, l-awtorità tiżgura l-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal anki barra mill-proċedimenti ġudizzjarji, kemm jekk fil-kuntest ta’ attivitajiet preventivi jew konsultattivi jew permezz ta’ miżuri edukattivi. Il-kompetenza u l-mandat tal-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal huma rregolati mill-Att dwar il-Protezzjoni Soċjali u Legali tat-Tfal (l-Att Nru 359/1999).

Fil-każijiet elenkati hawn fuq, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jiftaħ (jew jissieħeb fi) proċedimenti wkoll. Fil-każ ta’ tħaris ġudizzjarju tal-minorenni, jista’ jagħmel dan f’każijiet li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ miżura speċjali relatata mat-trobbija tat-tfal, mal-kura istituzzjonali, mad-determinazzjoni tad-data tat-twelid, jew mas-sospensjoni, mar-restrizzjoni jew mal-irtirar tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew mal-eżerċitar tagħha. Jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jiftaħ il-proċedimenti, huwa jaġixxi bħal kwalunkwe rikorrent ieħor. Jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jintervjeni fil-proċedimenti, jista’ jieħu l-passi kollha li jistgħu jittieħdu minn intervenjent fil-proċedimenti, bl-eċċezzjoni ta’ dispożizzjonijiet (bħall-irtirar ta’ rikorsi).

(c) It-tfittix tal-aħjar interessi tat-tfal

Prinċipju ġenerali li fuqu huma msejsin il-proċedimenti ċivili li jinvolvu t-tfal huwa l-enfasi mixħuta fuq il-ħarsien tal-interessi tat-tfal f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Jekk it-tfal involuti fil-proċedimenti jkunu kapaċi jsawru l-fehmiet tagħhom stess, il-qorti trid taċċerta l-fehmiet tat-tfal fuq il-kwistjoni. Meta tqis il-fehmiet tat-tfal, il-qorti trid tikkunsidra l-età u l-maturità intellettwali tat-tfal.

Il-proċedimenti kontradittorji ċivili jinkludu medda ta’ strumenti li jtejbu l-pożizzjoni tat-tfal. Wieħed minnhom huwa l-obbligu ta’ notifika tad-dokumenti lil tfal ta’ aktar minn 15-il sena. “Deċiżjonijiet formali” kontra tfal huma inammissibbli, u għalhekk ma jistgħux jingħataw sentenzi għar-rikonoxximent, sentenzi fil-kontumaċja jew ordnijiet għall-ħlas kontra tfal.

Fi proċedimenti mhux kontradittorji u fi proċedimenti li jikkonċernaw il-kustodja, l-enfasi hija fuq il-ħeffa tal-proċedimenti. F’każijiet li jikkonċernaw arranġament tar-relazzjonijiet mat-tfal, huwa possibbli li tinħareġ miżura provviżorja li trid tiġi deċiża minn qorti fi żmien 7 ijiem; f’każijiet ta’ theddida serja jew ta’ ksur tal-interessi vitali tat-tfal, qorti normalment tiddeċiedi dwar miżuri provviżorji f’temp ta’ 24 siegħa. Sussegwentement, proċedimenti ordinarji għandhom jinħarġu fi żmien 6 xhur mill-bidu tal-proċedimenti. Sabiex jiġu protetti l-interessi tat-tfal, l-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal spiss tkun involuta fi proċedimenti bħala tutur ad litem.

3. Is-sitwazzjoni tat-tfal fi proċedimenti kriminali

(a) Tfal taħt il-15-il sena bħala awturi ta’ reati

Fir-Repubblika Ċeka, tfal taħt il-15-il sena ma jistgħux jinżammu responsabbli għal reati. Jekk tfal taħt il-15-il sena jwettqu reat li jitqies kriminali, dan jirriżulta fi proċedimenti ċivili straordinarji skont l-Att dwar Proċedimenti Ġudizzjarji Speċjali (l-Att Nru 292/2013) minflok fi proċedimenti kriminali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (l-Att Nru 141/1961). Ir-regoli speċjali applikabbli għal każijiet li jikkonċernaw tfal taħt il-15-il sena huma stabbiliti fl-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni (l-Att Nru 2018/2003).

Każijiet li jikkonċernaw tfal taħt il-15-il sena jinstemgħu minn qrati tal-minorenni (imħallfin speċjalizzati fi qrati ordinarji). Dawn l-imħallfin speċjalizzati jirċievu taħriġ sabiex jiksbu għarfien dettaljat tar-regoli applikabbli għal proċedimenti bħal dawn u tal-approċċ li għandu jittieħed fir-rigward ta’ trażgressuri li jkollhom anqas minn 15-il sena. Il-prosekuturi pubbliċi u l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ ukoll li jkunu rċevew taħriġ speċjali dwar kif jittrattaw liż-żgħażagħ.

Il-proċedimenti jinfetħu wara talba mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew minn qorti ex ufficio. Minbarra t-tfal, il-proċedimenti jinvolvu l-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal, ir-rappreżentanti legali jew it-tuturi tat-tfal, il-persuni li t-tfal ikunu ġew fdati taħt il-kura jew kustodja tagħhom, kif ukoll persuni oħrajn li d-drittijiet u l-obbligi tagħhom għandhom jiġu deċiżi fil-proċedimenti. Meta t-talba għall-bidu ta’ proċedimenti tkun ġiet ippreżentata mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (jiġifieri meta l-proċedimenti ma jkunux inbdew mill-qorti ex ufficio), l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jkun involut fil-proċedimenti wkoll. Fil-proċedimenti, it-tfal irid ikollhom tutur, li jkun avukat.

Meta tfal taħt il-15-il sena jwettqu reat li kieku jkun kriminali, qorti tal-minorenni tieħu l-miżuri rimedjali neċessarji. Qorti tista’ timponi fuq it-tfal obbligu edukattiv (pereżempju, sabiex tikkumpensa - b’mod porporzjonat għall-mezzi tat-tfal - għad-dannu kkawżat, sabiex iwettqu - fil-ħin tal-mistrieħ tagħhom u mingħajr ħlas - attività soċjalment utli), restrizzjoni edukattiva (pereżempju, li ma jiltaqgħux ma’ ċerti persuni, li ma jżurux ċerti postijiet, li ma jiħdux sehem f’logħob tal-azzard, li ma jużawx sustanzi li joħolqu dipendenza, eċċ.), toħroġ twiddiba bi twissija, tqiegħed lit-tfal fi programm terapewtiku, psikoloġiku jew edukattiv ieħor xieraq f’ċentru ta’ tutela edukattiva, tqiegħed lit-tfal taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjali tal-probation, taħt kura protettiva jew trattament mediku protettiv, tordna s-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation, kura istituzzjonali protettiva jew trattament mediku protettiv. Qorti tista’ tagħżel li ma timponix miżuri jekk l-esperjenza tal-kawża fil-qorti stess tkun biżżejjed sabiex it-tfal jieħdu tagħlima u tiġi skoraġġuta kwalunkwe attività illegali fil-futur.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn qorti tal-minorenni, kawżi li jikkonċernaw tfal taħt il-15-il sena jinstemgħu in camera. Fil-proċedimenti, issir enfasi fuq il-protezzjoni tal-privatezza tat-tfal. L-eżitu tal-proċedimenti jista’ jiġi ppubblikat fil-media pubblika ladarba d-deċiżjoni tkun saret finali (mingħajr ma jissemmgħu t-tfal jew il-parteċipanti l-oħrajn).

(b) Tfal taħt il-15-il sena bħala awturi ta’ reati

Il-proċedimenti f’kawżi li jikkonċernaw minorenni huma rregolati wkoll mill-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni. Minorenni tfisser persuna li għalqet il-15-il sena sa meta twettaq reat (imsejjaħ “trażgressjoni” [provinění] fil-każ ta’ minorenni) iżda ma tkunx għadha għalqet it-18-il sena. Il-minorenni huma kriminalment responsabbli, iżda biss dment li l-maturità intellettwali u morali tagħhom fi żmien it-twettiq tal-att tkun ippermettitilhom jagħrfu l-karattru illegali tal-azzjonijiet tagħhom u jikkontrollawhom.

Il-minorenni jeħtieġ li jkollhom avukat mill-mument li fih il-miżuri skont l-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni jew skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (inklużi azzjonijiet urġenti jew irripetibbli) jittieħdu kontrihom, sakemm ma jkunx impossibbli li tiġi posposta l-implimentazzjoni ta’ miżuri bħal dawn u l-avukat jiġi informat dwarhom.

Każijiet li jikkonċernaw minorenni jinstemgħu minn qrati tal-minorenni (imħallfin speċjalizzati fi qrati ordinarji). Skont l-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni, qorti tal-minorenni tista’ timponi miżuri fuq minorenni, bħal:

  • miżuri edukattivi (superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation, programm ta’ probation, obbligi edukattivi, restrizzjonijiet edukattivi u twiddiba bi twissija);
  • miżuri protettivi (trattament mediku protettiv, detenzjoni preventiva sigura, qbid ta’ oġġetti, qbid ta’ sehem tal-proprjetà u kura istituzzjonali protettiva),
  • miżuri penali [servizz komunitarju, miżuri finanzjarji, miżuri finanzjarji sospiżi, konfiska, projbizzjoni ta’ ċerti attivitajiet, projbizzjoni fuq iż-żamma u fuq it-tnissil ta’ annimali, it-tkeċċija, id-detenzjoni domiċiljari, projbizzjoni fuq id-dħul għal avvenimenti sportivi, għal avvenimenti kulturali u għal avvenimenti soċjali oħrajn, sentenza ta’ priġunerija sospiża b’mod kondizzjonali għal perjodu ta’ probation (sentenza kondizzjonali), sentenza ta’ priġunerija sospiża b’mod kondizzjonali għal perjodu ta’ probation b’superviżjoni, sentenza ta’ priġunerija inkondizzjonali]

Il-miżuri jridu jikkunsidraw il-personalità tal-awtur minorenni tar-reati, l-età tiegħu u l-maturità intellettwali u morali, il-kundizzjoni tas-saħħa kif ukoll is-sitwazzjoni personali, tal-familja u soċjali tiegħu, u jridu jkunu proporzjonati għall-karattru u għas-serjetà tal-att imwettaq.

Fil-każ ta’ minorenni, il-proċedimenti jridu jitwettqu b’tali mod li ma jaffettwawx b’mod negattiv l-istat psikoloġiku tagħhom u - fid-dawl tal-età tagħhom - jipperikolaw l-iżvilupp emottiv u soċjali tagħhom. L-awtoritajiet involuti skont l-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni jikkooperaw mal-awtorità kompetenti għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal u mas-Servizz ta’ Probation u ta’ Medjazzjoni. L-awtoritajiet involuti skont l-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni dejjem ikunu obbligati javżaw lill-minorenni bid-drittijiet tagħhom b’mod adattat għall-età tagħhom u jipprovdulhom kull opportunità sabiex jeżerċitawhom.

Ir-rappreżentant statutorju jew it-tutur tal-mionrenni huwa intitolat jirrappreżenta lill-minorenni, b’mod partikolari sabiex jagħżlilhom konsulent, jagħmel proposti f’isem il-minorenni, jippreżenta talbiet u miżuri rimedjali f’isimhom; ir-rappreżentant statutorju huwa intitolat ukoll jieħu sehem f’azzjonijiet bħal dawn li fihom jista’ jieħu sehem il-minorenni skont l-Att. Għall-benefiċċju tal-minorenni, ir-rappreżentant statutorju jew it-tutur jista’ jeżegwixxi dawn id-drittijiet anki kontra r-rieda tal-minorenni. Ir-rappreżentant statutorju jew it-tutur tal-minorenni għandu wkoll id-dritt li jagħmel mistoqsijiet lill-persuni intervistati, jispezzjona l-fajls bl-eċċezzjoni tal-protokoll dwar il-votazzjoni u data personali ta’ xhieda sigrieti, sabiex jittieħdu siltiet u noti minnhom u jsiru kopji ta’ fajls jew ta’ partijiet tagħhom bl-ispejjeż imġarrbin minnu.

Fil-proċedimenti, issir enfasi fuq il-protezzjoni tad-data personali tal-minorenni; b’mod partikolari, l-informazzjoni li tista’ tirriżulta fl-iskoperta tal-identità tal-minorenni ma tistax issir pubblika mingħajr raġuni statutorja. L-awtoritajiet kollha involuti (awtoritajiet tal-pulizija, prosekuturi pubbliċi, imħallfin, uffiċjali tas-Servizz ta’ Probation u ta’ Medjazzjoni, kif ukoll assistenti soċjali, iridu jkunu rċivew taħriġ speċjali dwar kif jittrattaw liż-żgħażagħ. Fil-prinċipju, il-proċedimenti jsiru in camera.

(c) Tfal bħala partijiet leżi (vittmi ta’ reati)

Il-leġiżlazzjoni tagħmel distinzjoni bejn partijiet leżi u vittmi ta’ reati. Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jiddefinixxi lil partijiet leżi bħala persuni li jkunu ġarrbu ħsara fiżika, danni jew ħsara mhux materjali bħala riżultat ta’ reat, jew li għad-deteriment tagħhom id-delinkwent ikun ibbenefika mit-twettiq tar-reat. Il-partijiet leżi jgawdu minn medda ta’ drittijiet, inkluż id-dritt li jippreżentaw provi addizzjonali, li jispezzjonaw il-fajls, li jattendu s-seduta prinċipali, u li jikkummentaw fuq il-każ qabel il-konklużjoni tal-proċedimenti. Kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jistgħu jkunu partijiet leżi.

Mill-2013, leġiżlazzjoni speċjali (l-Att Nru 45/2013 dwar il-Vittmi ta’ Reati) kienet applikabbli fir-Repubblika Ċeka għad-drittijiet tal-vittmi ta’ reati li, minbarra d-drittijiet tal-parti leża, tenfasizza l-approċċ partikolarment kawt għall-vittmi ta’ attività kriminali u tagħtihom medda ta’ drittijiet sabiex tgħinhom jimmitigaw l-impatt tal-atti kriminali fuq il-ħajjiet tal-vittmi. F’dan il-każ, huwa mifhum li l-vittmi huma persuni fiżiċi li ġarrbu (jew kienu se jġarrbu) ħsara fiżika, danni jew ħsara mhux materjali bħala riżultat ta’ reat, jew li għad-detriment tagħhom l-awtur tar-reat ikun ibbenefika (jew kien se jibbenefika) bit-twettiq tar-reat. Id-drittijiet speċjali tal-vittmi jinkludu b’mod partikolari appoġġ speċjali, id-dritt għall-informazzjoni, il-protezzjoni kontra periklu imminenti, il-protezzjoni tal-privatezza, il-protezzjoni kontra dannu sekondarju u assistenza finanzjarja. Il-vittmi għandhom ukoll id-dritt li jkunu akkumpanjati minn konsulent kunfidenzjali matul it-twettiq tal-miżuri fi proċedimenti kriminali. Il-konsulenti kunfidenzjali huma persuni li l-vittmi stess jagħżlu bl-għan li jiksbu appoġġ psikoloġiku.

Skont din il-leġiżlazzjoni speċjali, persuni taħt it-18-il sena jitqiesu vittmi partikolarment vulnerabbli u għalhekk jingħataw medda ta’ drittijiet minbarra l-istatus ta’ parti leża fi proċedimenti kriminali, kif ukoll minbarra d-drittijiet tal-vittmi. Id-drittijiet ta’ vittmi partikolarment vulnerabbli jinkludu l-assistenza mingħajr ħlas. Fil-prinċipju, it-talbiet tagħhom għall-prevenzjoni ta’ kuntatt mal-awtur tar-reat u sabiex l-intervista ta’ qabel il-proċess issir minn persuna tal-istess sess jew tas-sess oppost iridu jintlaqgħu. L-intervista ta’ qabel il-proċess ta’ vittmi vulnerabbli ssir minn persuni mħarrġin f’binja ddisinjata jew adattat għal dak l-għan; meta l-vittmi jkunu tfal, l-intervista ta’ qabel il-proċess dejjem titmexxa minn persuna mħarrġa biex tagħmel dan, ħlief meta l-azzjoni tkun urġenti u ma tkunx tista’ tinstab persuna mħarrġa (għall-intervistar ta’ tfal, ara aktar ’il quddiem).

(d) Tfal bħala xhieda ta’ reati

Il-leġiżlazzjoni tipprovdi għal eċċezzjonijiet fir-rigward tal-intervistar ta’ persuni taħt it-18-il sena li kienu xhieda ta’ reati. It-tfal intervistati jeħtieġ li jiġu avżati bid-dritt tagħhom li jiċħdu li jixhdu u bl-obbligu tagħhom li jgħidu l-verità u ma jaħbu xejn. Fl-istess ħin, it-tfal jeħtieġ li jkunu avżati dwar il-konsegwenzi ta’ xhieda falza. Billi ma jistgħux jinżammu kriminalment responsabbli, tfal taħt il-15-il sena ma jiġux informati bil-konsegwenzi ta’ xhieda falza. Din l-informazzjoni trid tingħata b’mod li jkun xieraq għall-età, kif ukoll għall-maturità intellettwali u morali tat-tfal; huwa ċar li l-intervisti jridu jsiru b’kunsiderazzjoni tal-età u tal-livell intellettwali tat-tfal.

Meta t-tfal jiġu intervistati fir-rigward taċ-ċirkustanzi, li l-memorja tagħhom jista’ jkollha influwenza mhux favorevoli fuq l-iżvilupp psikoloġiku u morali tagħhom fid-dawl tal-età tagħhom, huwa neċessarju li l-intervista ssir b’attenzjoni partikolari u li l-kontenut tagħha jiġi ttrattat b’tali mod li jiġi evitat kwalunkwe bżonn ta’ ripetizzjoni tal-intervista fi proċedimenti ulterjuri.

L-awtorità għall-protezzjoni soċjali u legali tat-tfal jew kwalunkwe persuna oħra b’esperjenza fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ u li tista’ tikkontribwixxi sabiex l-intervista ssir b’attenzjoni tiġi mistiedna tattendi għall-intervista. Il-ġenituri jistgħu jiġu mistidnin jattendu huma wkoll jekk il-preżenza tagħhom tista’ tikkontribwixxi biex l-intervista ssir b’attenzjoni.

Bħala regola, it-tfal jiġu intervistati fi kmamar speċjali tal-interrogazzjonijiet li suppost joħolqu atmosfera amikevoli u li tilqagħhom, u għalhekk jagħmluha aktar faċli li jiġi stabbilit kuntatt mat-tfal. L-intervisti jsiru minn uffiċjali tal-pulizija mħarrġin apposta. It-tfal taħt it-18-il sena jistgħu jsirulhom mistoqsijiet biss permezz ta’ awtorità tal-pulizija, sabiex ikunu protetti kontra mistoqsijiet mhux xierqa minn persuni neqsin mit-taħriġ speċjali.

Fi proċedimenti ulterjuri, it-tfal jistgħu jiġu intervistati għal darb’oħra biss jekk dan ikun meħtieġ. Skont deċiżjoni tal-qorti, fi proċedimenti tal-qorti huwa possibbli li titressqu provi billi jinqraw il-minuti jew billi jintwerew reġistrazzjonijiet vidjo jew jissemmgħu reġistrazzjonijiet awdjo tal-intervista bl-użu ta’ tagħmir tal-vidjokonferenzi.

Fir-rigward tal-persuni taħt it-18-il sena, il-leġiżlazzjoni tenfasizza wkoll il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza. Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tiddikjara li b'rabta ma’ reat, ħadd ma jista’ jiżvela lill-pubbliku bi kwalunkwe mezz informazzjoni li tagħmilha possibbli li tinstab l-identità tal-parti leża (il-vittma) li jkollha anqas minn 18-il sena. Huwa pprojbit ukoll li jiġu ppubblikati immaġnijiet, reġistrazzjonijiet vidjo jew awdjo jew informazzjoni oħra matul il-proċedimenti tal-proċess jew seduta pubblika li tagħmilha possibbli li tiġi ddeterminata l-identità tal-parti leża (il-vittma). Is-sentenzi finali ma jistgħux jiġu żvelati lill-pubbliku permezz tal-media pubblika billi jiġu ddikjarati l-isem/ismijiet, il-kunjom u l-indirizz tar-residenza tal-parti leża. B’kunsiderazzjoni tal-persuna tal-parti leża, kif ukoll tan-natura u tal-karattru tar-reat imwettaq, il-president tal-awla jista’ jiddeċiedi dwar restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-pubblikazzjoni ta’ sentenza ta’ kundanna finali sabiex jiżgura l-protezzjoni xierqa tal-interessi tal-parti leża. Tittieħed azzjoni kriminali kontra ksur ta’ dawn l-obbligi.

4. Adozzjoni

L-adozzjoni tista’ tkun deskritta bħala l-aċċettazzjoni tat-tfal ta’ xi ħadd ieħor bħala tiegħek stess, li jiddistingwiha minn kunċetti legali oħrajn li jistabbilixxu l-paternità. L-adozzjoni tista’ sseħħ biss bħala riżultat ta’ deċiżjoni tal-qorti.

Il-Kodiċi Ċivili (l-Att 89/2012) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni li ġejjin:

  • L-adozzjoni ma hijiex possibbli bejn qraba f’relazzjoni ta’ qrubija mid-demm lineari u bejn aħwa (ħlief maternità surrogata).
  • Irid ikun hemm differenza xierqa fl-età (normalment ta’ mill-inqas 16-il sena) bejn min jadotta u t-tfal adottati.
  • Huwa meħtieġ il-kunsens tat-tfal (jekk għandhom aktar minn 12-il sena) jew il-kunsens tat-tutur fil-każ ta’ tfal iżgħar.
  • Ir-regoli tal-adozzjoni jippermettu l-adozzjoni ta’ minorenni li ma kisbux kapaċità ġuridika sħiħa.
  • Il-kunsens tal-ġenituri personalment iddikjarat lill-qorti. Il-kunsens għall-adozzjoni jista’ jiġi rtirat sa 3 xhur mill-jum li jingħata (irtirar aktar tard huwa possibbli f’ċerti każijiet). Il-kunsens tal-ġenituri ma huwiex meħtieġ meta ma jkunx magħruf fejn jinsabu l-ġenituri, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għar-restrizzjoni tal-kapaċità ġuridika tagħhom, u wkoll meta ma juru l-ebda interess fit-tfal jew ikunu ġew imċaħħdin mid-drittijiet u mill-obbligi tagħhom bħala ġenituri (li jinkludu d-dritt għall-kunsens għall-adozzjoni tat-tfal tagħhom) minn qorti.
  • Il-kustodja tat-tfal qabel l-adozzjoni. Kustodja stabbilita skont deċiżjoni tal-qorti biss titqies rilevanti, f’liema każ il-qorti tista’ tordna l-kustodja biss wara 3 xhur mill-jum li fih ġenitur ikun ta l-kunsens għal adozzjoni. Il-qorti tiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni tat-tfal għall-kustodja minn min jadottahom qabel l-adozzjoni biss wara li tkun wettqet investigazzjoni dwar l-idoneità reċiproka tat-tfal u ta’ min ikun se jadottahom.
  • Id-deċiżjoni dwar l-adozzjoni mill-qorti. Minbarra dan ta’ hawn fuq, il-qorti jeħtiġilha tiżgura li r-relazzjoni bejn min jadotta u t-tfal adottati tikkorrispondi għal dik ta’ ġenitur u l-ulied, jew tal-anqas li teżisti bażi għal relazzjoni bħal din. L-adozzjoni tat-tfal trid tkun f’armonija mad-drittijiet tagħhom.

Il-konsegwenzi tal-adozzjoni huma dawn li ġejjin:

  • ir-relazzjonijiet li kienu jeżistu qabel bejn it-tfal u l-familja bijoloġika tagħhom jisparixxu, filwaqt li jinħolqu relazzjonijiet ta’ status ġdid bejn it-tfal adottati u min jadottahom u l-qraba tiegħu. Skont id-deċiżjoni tal-qorti dwar l-adozzjoni, min jadotta jiddaħħal fir-rekords vitali.
  • It-tfal adottati jiksbu l-istatus ta’ tfal ta’ min jadottahom; it-tfal adottati u min jadottahom għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-filjazzjoni naturali.
  • Fil-każ ta’ tibdil fil-kunjom, it-tfal adottati jista’ jkollhom kunjom kompost.
L-aħħar aġġornament: 24/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.