Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Vjaġġi kollox kompriż (2015/2302)

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Hija timmira li tintroduċi livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-kuntratti għall-pakketti tal-ivvjaġġar* u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta*, filwaqt li tqis l-użu dejjem jiżdied tal-prenotazzjoni bl-internet.

PUNTI EWLENIN

Informazzjoni

L-informazzjoni li ġejja jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-organizzatur jew mill-bejjiegħ bl-imnut qabel jiġi ffirmat kuntratt:

  • l-itinerarju bid-dati u n-numru ta’ ljieli inklużi;
  • it-trasport provdut, inkluż il-ħinijiet tat-tluq u tar-ritorn, waqfiet u konnessjonijiet;
  • dettalji dwar l-akkomodazzjoni;
  • il-pjan tal-ikel;
  • żjarat jew servizzi oħra li għandhom jiġu inklużi;
  • meta jkun involut l-ivvjaġġar fi gruppi, id-daqs approssimattiv tal-grupp;
  • il-lingwa tas-servizzi turistiċi fejn xieraq;
  • l-idoneità tal-vjaġġ għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa u, fuq talba tal-vjaġġatur, l-adattabbiltà tal-vjaġġ jew btala filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-vjaġġatur;
  • dettalji tal-kuntatt;
  • il-prezz totali tal-pakkett bit-taxxi inklużi u, kwalunkwe spiża addizzjonali;
  • arranġamenti għall-ħlas;
  • in-numru minimu ta’ persuni meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-limitu ta’ żmien għall-kanċellazzjoni possibbli għal din ir-raġuni;
  • ir-rekwiżiti tal-passaport, u tal-viża kif ukoll informazzjoni dwar il-formalitajiet tas-saħħa;
  • iI-vjaġġatur jista’ jtemm il-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett ladarba jħallas tariffa xierqa, jew tariffi standardizzati ta’ terminazzjoni mitluba mill-organizzatur;
  • assigurazzjoni fakultattiva jew obbligatorja li tkopri terminazzjoni tal-kuntratt mill-vjaġġatur jew l-ispiża tal-assistenza fil-każ ta’ aċċident, mard jew mewt.

Il-konferma tal-kuntratt tinkludi wkoll dan li ġej:

  • rekwiżiti speċjali tal-vjaġġatur li l-organizzatur ikun aċċetta;
  • informazzjoni li l-organizzatur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tas-servizzi kollha tal-ivvjaġġar inklużi fil-kuntratt, u li l-organizzatur huwa obbligat li jipprovdi assistenza jekk il-vjaġġatur ikun f’diffikultà;
  • dettalji tal-kuntatt tal-organizzazzjoni tal-protezzjoni mill-insolvenza, u tar-rappreżentant lokali tal-organizzatur jew ta’ punt ta’ kuntatt jew ta’ kwalunkwe servizz ieħor li jippermetti lill-vjaġġatur jikkuntattja lill-organizzatur malajr u b’mod effiċjenti;
  • informazzjoni li l-vjaġġatur huwa mitlub jikkomunika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità;
  • għal tfal mhux akkumpanjati, informazzjoni li tippermetti kuntatt dirett mat-tfal jew mal-persuna responsabbli għat-tfal, fejn ikunu qed joqogħdu t-tfal;
  • informazzjoni dwar il-proċeduri għall-indirizzar tal-ilmenti;
  • id-dritt tal-vjaġġatur li jittrasferixxi l-kuntratt.

Fi żmien xieraq qabel il-bidu tal-pakkett, l-organizzatur jipprovdi l-irċevuti, il-vawċers u l-biljetti u l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar neċessarji.

Żidiet fil-prezzijiet

Iż-żidiet fil-prezzijiet (f’ħafna każijiet limitati għal 8% ) huma permessi biss jekk il-kuntratt jirriżerva espliċitament dik il-possibbiltà (f’liema każ jista’ wkoll jintalab tnaqqis fil-prezzijiet) u jekk jirriżultaw direttament mill-fatturi li ġejjin:

  • l-ispiża tal-fjuwil jew sorsi oħrajn ta’ enerġija;
  • taxxi ta’ partijiet terzi jew żidiet fit-tariffi;
  • rati tal-kambju.

Kwalunkwe żieda fil-prezzijiet jenħtieġ li tiġi notifikata mill-inqas 20 jum qabel il-bidu tal-pakkett.

Terminazzjoni tal-kuntratt

Meta l-organizzatur jagħmel bidliet sinifikanti fil-kuntratt, jew iżid il-prezz b’aktar minn 8 %, il-vjaġġatur jista’, qabel il-bidu tal-pakkett, jew jaċċetta l-bidla, jaċċetta pakkett ta’ sostituzzjoni (ta’ valur ugwali jew ogħla), jew għandu d-dritt jittermina l-kuntratt filwaqt li kwalunkwe pagament jintradd lura fi żmien 14-il jum.

Il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe ħin qabel il-bidu tal-pakkett (billi jħallas tariffa xierqa).

Il-vjaġġatur jista’ wkoll jittermina (mingħajr ma jħallas tariffa) fil-każ ta’ ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni. Tingħata rifużjoni sħiħa iżda l-ebda kumpens addizzjonali.

Eżekuzzjoni

L-organizzatur tal-pakkett huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-servizzi tal-ivvjaġġar fil-kuntratt, anke jekk dawn jitwettqu minn fornituri oħra. Hemm regoli għan-nuqqas ta’ konformità, it-terminazzjoni u l-kumpens:

  • Jekk kwalunkwe servizz tal-ivvjaġġar ma jitwettaqqx f’konformità mal-kuntratt, l-organizzatur jirrimedja n-nuqqas ta’ konformità, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew l-ispejjeż ikunu sproporzjonati.
  • Meta proporzjon sinifikanti tas-servizzi tal-ivvjaġġar ma jkunux jistgħu jiġu pprovduti kif miftiehem, jenħtieġ li jiġu offruti arranġamenti alternattivi ta’ kwalità ekwivalenti jew superjuri mingħajr spejjeż addizzjonali.
  • Jekk ir-ritorn tal-vjaġġatur ma jkunx jista’ jiġi żgurat minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, l-organizzatur iħallas l-ispejjeż għall-akkomodazzjoni sa tlett iljieli.
  • Il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt mingħajr ma jħallas tariffa ta’ terminazzjoni jekk nuqqas ta’ konformità jaffettwa sostanzjalment l-eżekuzzjoni tal-pakkett u l-organizzatur jonqos milli jirrimedjah.

Il-pajjiżi tal-UE jenħtieġ li jiżguraw li l-messaġġi, it-talbiet jew l-ilmenti jistgħu jsiru direttament lill-bejjiegħ bl-imnut, u li l-bejjiegħ bl-imnut jgħaddihom lill-organizzatur li jeħtieġlu jassisti mingħajr dewmien żejjed.

Tingħata protezzjoni addizzjonali lill-vjaġġaturi f’każ ta’ insolvenza tal-organizzatur. Se jiġi stabbilit network ta’ punti ta’ kuntatt ċentrali f’pajjiżi tal-UE biex tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali.

Din id-direttiva ma tapplikax għall-arranġamenti:

  • li jkopru perjodu ta’ anqas minn 24 siegħa sakemm ma jkunx inkluż lejl;
  • offruti okkażjonalment, fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u għal grupp limitat ta’ vjaġġaturi biss;
  • mixtrija bħala parti minn ftehim ġenerali għall-ivvjaġġar relatat ma’ negozju jew professjoni.

B’mod ġenerali, il-pajjiżi tal-UE m’għandhomx jintroduċu regolamenti li jipprovdu livell ta’ protezzjoni tal-vjaġġatur li huwa differenti minn dak stabbilit f’din id-direttiva. Il-miżuri l-ġodda jenħtieġ li jiġu applikati sal-1 ta’ Lulju 2018.

Id-Direttiva tħassar id-Direttiva 90/314/KEE b’effett mill-1 ta’ Lulju 2018.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Jannar 2018. Hija ssir applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2018.

Id-Direttiva ġiet inkorporata fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea fit-22 ta’ Settembru 2017.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara

TERMINI EWLENIN

Pakkett: fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, tfisser kombinazzjoni ta’ mill-anqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (eż. titjira, vjaġġ bil-ferrovija u/jew akkomodazzjoni) bħala parti mill-istess vjaġġ, ġeneralment mixtrija minn punt tal-bejgħ uniku. Is-servizzi jkunu ġew magħżula qabel ma l-vjaġġatur jaqbel li jħallas, u jinbiegħ bi prezz inklużiv jew jiġi reklamat bħala pakkett.

Arranġament tal-ivvjaġġar marbut:mill-anqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar mixtrija bħala parti mill-istess vjaġġ, fejn hemm kuntratti separati mal-fornituri tas-servizz tal-ivvjaġġar individwali. Dan japplika jew:

  • meta jintgħażlu u jiġu mħallsa servizzi separati fi żjara waħda lill-punt tal-bejgħ, jew
  • meta jiġi propost servizz tal-ivvjaġġar ieħor lill-vjaġġatur fi żmien 24 siegħa minn meta jiġi prenotat l-ewwel servizz.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, pp. 1-33).

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.