Obbligi ta' manteniment

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Artikolu 71 1. (a) – Qrati għall-applikazzjoni għal dikarazzjoni ta' eżekutorjetà u qrati tal-appell kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonjiet

Il-Qorti tal-Familja hija l-qorti kompetenti għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà.

Il-Qorti li l-appell jista’ jitressaq quddiemha hija, f’dak li għandu x’jaqsam l-appell mill-konvenut, il-qorti tal-familja u f’dak li għandu x’jaqsam ma’ appell tar-rikorrent, il-qorti tal-appell.

Artikolu 71 1. (b) – Proċedura ta' rimedju

Appell fil-kassazzjoni jista’ jitressaq kontra deċiżjoni mogħtija fl-istadju ta' appell.

Indirizz tal-Cour de cassation: Palais de justice, Place Poelaert 1 à 1000 Bruxelles.

Artikolu 71 1. (c) - Proċedura ta’ reviżjoni

Skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, id-dritt Belġjan joffri diversi mezzi ta' rikors li jistgħu jintużaw biex isir rieżami ta' deċiżjoni:

- l-ewwel nett, l-Artikolu 1051 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi l-possibbiltà li jsir appell kontra sentenza fi żmien xahar mis-sentenza jew, f’ċerti każijiet, min-notifika tagħha skont l-Artikolu 792, paragrafu 2 u 3 ta’ dan il-Kodiċi. Dan japplika għal sentenzi kontradittorji u għal sentenzi b'kontumaċja.

- it-tieni, l-Artikolu 1048 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jipprovdi l-possibbiltà li tiġi kkontestata sentenza mogħtija f'kontumaċja fi żmien xahar mis-sentenza jew, f’ċerti każijiet, min-notifika tagħha skont l-Artikolu 792, paragrafu 2 u 3 ta’ dan il-Kodiċi.

- Fir-rigward ta' sentenzi li jkunu saru res judicata, mogħtija minn qrati ċivili jew minn qrati kriminali li jkunu ddeċidew aspetti ċivili, jista' jiġi ppreżentat rikors għal rieżami straordinarju (requête civile), f’ċerti ċirkustanzi previsti mill-Artikolu 1133 tal-Kodiċi Ġudizzjarju fi żmien 6 xhur minn meta ssir magħrufa s-sentenza, u dan sabiex jiġu rrevokati dawn is-sentenzi.

Biex isir appell, kontestazzjoni jew rikors għal rieżami straordinarju jgħoddu l-limiti ta' żmien kif indikati hawn fuq u dan:

- soġġett għal-limiti ta' żmien previsti fid-dispożizzjonijiet imperattivi sopranazzjonali u internazzjonali;

- mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà offruta mill-Artikolu 50 tal-Kodiċi Ġudizzjarju li, f’ċerti kundizzjonijiet previsti mil-liġi, il-limitu ta' żmien jiġi estiż;

- mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi applikat il-prinċipju ġenerali tad-dritt, ikkonfermat f'diversi okkażjonijiet mill-Qorti tal-Kassazzjoni Belġjana, li skontu l-limitu ta' żmien għat-twettiq ta' att jiġi estiż favur parti li, minħabba forza maġġuri, ma setgħetx twettaq l-att qabel l-iskadenza tal-limitu ta' żmien.

Artikolu 71 1. (d) - Awtoritajiet Ċentrali

Service public fédéral Justice

Boulevard de Waterloo 115

1000 Bruxelles

Belgique

Email:

aliments@just.fgov.be (għall-kawżi li jridu jiġu ttrattati bil-Franċiż)

alimentatie@just.fgov.be (għall-kawżi li jridu jiġu ttrattati bin-Netherlandiż)

Telefown :

+32(0)2 542 67 85 (għall-kawżi li jridu jiġu ttrattati bil-Franċiż)

+32(0)2 542 67 62 (għall-kawżi li jridu jiġu ttrattati bin-Netherlandiż)

Faks:+32(0)2 542 70 06

Artikolu 71 1. (f) – Awtoritajiet kompetenti għall-eżekuzzjoni

L-awtortità kompetenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 hija l-imħallef tal-eżekuzzjoni b'ġuriżdizzjoni fil-post fejn trid issir l-eżekuzzjoni. Skont l-Artikolu 1395 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, l-imħallef tal-eżekuzzjoni huwa kompetenti għat-talbiet kollha relatati mal-mandati kawtelatorji u mal-mandati eżekuttivi. Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata skont l-Artikolu 633 tal-istess Kodiċi Ġudizzjarju.

Barra minn hekk, il-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan jistipula l-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-qorti tal-prim'istanza li kellha ġuriżdizzjoni territorjali. Il-punt 5 tal-Artikolu 569 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan jistipula li l-qorti tal-prim'istanza tittratta tilwim rigward l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u deċiżjonijiet. Din il-qorti għandha ġuriżdizzjoni sħiħa, skont l-Artikolu 566 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija minn qorti fil-kuntest tar-Regolament imsemmi hawn fuq huma, skont l-Artikoli 509 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, il-marixxalli.

Artikolu 71 1. (g) - Lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet ta' dokumenti

Il-Belġju ma jaċċetta l-ebda lingwa għajr il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post tal-eżekuzzjoni, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali Belġjana.

Artikolu 71 1. (h) - Lingwi aċċettati mill-Awtoritajiet Ċentrali għall-komunikazzjoni ma' Awtoritajiet Ċentrali oħra

L-awtorità Ċentrali Belġjana taċċetta wkoll l-Ingliż, apparti l-lingwi nazzjonali tagħha, jiġifieri n-Netherlandiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż, bħala l-lingwa tal-komunikazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 03/09/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.