Talbiet żgħar

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżil-Franċiż diġà ġew tradotti.

Skont l-Artikolu 12 tal-Att Nru 160/2015 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Civilný sporový poriadok), il-qorti distrettwali (okresný súd) għandha l-kompetenza li tagħti s-sentenza fl-ewwel istanza. Il-kompetenza territorjali tkun tal-qorti ġenerali tal-intimat, filwaqt li għall-persuni fiżiċi tkun tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-persuna jkollha r-residenza permanenti tagħha, għall-persuni ġuridiċi tkun tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-persuna jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, u għall-persuni ġuridiċi barranin tkun tal-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun tinsab il-fergħa tagħhom. Jekk qorti kompetenti ma tkunx tista’ tiġi ddeżinjata fuq il-bażi ta’ indirizz permanenti jew indirizz ta’ uffiċċju rreġistrat, jew l-aktar indirizz permanenti jew ta’ uffiċċju rreġistrat reċenti, il-kompetenza tkun tal-qorti li l-persuna jkollha proprjetà fil-ġurisdizzjoni tagħha.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

Għandhom ikunu segwiti regoli ġenerali għall-preżentazzjoni ta’ talba quddiem il-qorti. It-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati bil-miktub, f’għamla kartaċea jew inkella elettronika. Il-preżentazzjoni ta’ talbiet b’mod elettroniku fuq il-merti tal-każ trid tkun awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 23(1) tal-Att Nru 305/2013 tal-Gvern elettroniku.

Jekk talba tkun ippreżentata elettronikament fuq il-merti tal-każ mingħajr awtorizzazzjoni, it-talba trid tkun sottomessa mill-ġdid b’awtorizzazzjoni addizzjonali f’għamla kartaċea jew elettronikament fi żmien għaxart ijiem. Jekk talba elettronika mhux awtorizzata fuq il-merti tal-każ ma tkunx ippreżentata mill-ġdid sal-iskadenza f’għamla kartaċea jew elettronikament b’awtorizzazzjoni, din ma tiġix ikkunsidrata, jiġifieri ma titqiesx li ġiet ippreżentata.

Awtorizzazzjoni tinħareġ billi tintuża firma elettronika avvanzata. Firma elettronika avvanzata tista’ tinkiseb bl-akkwist ta’ ċertifikat kwalifikat minn awtorità taċ-ċertifikazzjoni akkreditata. L-informazzjoni dwar l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni akkreditati tista’ tinkiseb mis-sit web tal-Awtorità ta’ Sigurtà Nazzjonali Slovakka(Národný bezpečnostný úrad). Informazzjoni dettaljata dwar il-firem elettroniċi avvanzati tinsab fi https://www.nbu.gov.sk/, https://www.slovensko.sk/en/title u https://www.ardaco.com.

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja tas-Slovakkja se jkun hemm disponibbli l-informazzjoni kompluta dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, inkluża informazzjoni dwar liema qrati jew tribunali huma kompetenti li jagħtu s-sentenza fi Stat Membru partikolari: www.justice.gov.sk. Il-formoli użati għall-proċedura jinsabu wkoll fuq dan is-sit web.

L-applikanti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali għall-għajnuna legali jistgħu japplikaw għaliha permezz taċ-Ċentru ta’ Għajnuna Legali(Centrum právnej pomoci), li jipprovdi għajnuna legali permezz tal-persunal tiegħu stess u l-avukati deżinjati. Il-kundizzjonijiet għall-forniment tal-għajnuna legali huma stipulati fl-Artikolu 17 tal-Att Nru 327/2005 dwar il-forniment ta’ għajnuna legali lil persuni fi bżonn materjali u li jemenda l-Att Nru 586/2003 dwar il-professjoni legali u li jemenda l-Att Nru 455/1991 dwar attività ta’ negozjat (l-Att tan-Negozjar), kif emendat permezz tal-Att Nru 8/2005.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura tat-Tilwim Ċivili, il-metodu preferut ta’ notifika huwa n-notifika matul is-smigħ jew matul atti oħra tal-qorti u n-notifika lill-kaxxa postali elettronika funzjonali stabbilita skont regolament speċjali: l-Att dwar il-Gvern elettroniku. Skont dan l-Att, mill-1 ta’ Novembru 2016, il-qrati jridu jinnotifikaw l-atti b’mod elettroniku biss jekk ikun hemm kaxxa postali elettronika funzjonali attivata għan-notifika. Il-proċedura għall-attivazzjoni ta’ kaxxa postali elettronika funzjonali tvarja għall-persuni ġuridiċi u fiżiċi. Il-persuni fiżiċi jridu japplikaw għall-attivazzjoni. Mill-1 ta’ Lulju 2017, l-Istat irid jattiva kaxxa postali elettronika funzjonali għall-persuna ġuridiċi elenkati fir-reġistru tan-negozji, u minn din id-data ’l quddiem l-amministrazzjonijiet pubbliċi, inklużi l-qrati, għandhom jibagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom esklużivament b’mod elettroniku.

Jekk att ma jkunx jista’ jiġi nnotifikat matul smigħ jew att ieħor tal-qorti, lanqas lil kaxxa postali elettronika funzjonali, u jekk l-atti ma jkollhomx jiġu nnotifikati personalment, il-qorti għandha tinnotifika l-att lil indirizz tal-posta elettronika fuq talba tal-parti. Jekk l-atti jkollhom jiġu nnotifikati personalment, jiġu nnotifikati b’konferma tar-riċevuta – jiġifieri konferma li tirrikonoxxi r-riċevuta mid-destinatarju tal-att stabbilit f’dik il-konferma.

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

Il-persuni ġuridiċi kollha elenkati fir-reġistru tan-negozji, li jrid ikollhom kaxxa postali elettronika funzjonali attivata, huma obbligati li jaċċettaw id-dokumenti mibgħuta elettronikament lill-kaxxi postali elettroniċi funzjonali mill-1 ta’ Lulju 2017. Madankollu, jekk persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra jattiva kaxxa postali elettronika funzjonali għan-notifika, l-atti jiġu nnotifikati wkoll lill-kaxxa postali elettronika funzjonali ta’ dawk l-entitajiet.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

Skont l-Att Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti, l-obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa jirriżulta mis-sottomissjoni ta’ talba – permezz tal-formola A standard għat-talbiet mimlija, li tagħti bidu għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. It-tariffi tal-qorti huma elenkati fl-iskeda ta’ tariffi bħala perċentwal tar-rata tat-tariffa bażi (“rata perċentwali”) jew bħala ammont fiss. Jekk tiġi ppreżentata talba għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, it-tariffa tinsab fl-iskeda ta’ tariffi fl-entrata numru 1, li tirriżulta mill-prezz (mill-ħlas) tar-ratione materiae tal-każ jew mill-valur tat-talba, f’liema każ it-tariffa tkun stabbilita għal 6 % (minn tal-anqas EUR 16,50, mhux aktar minn EUR 16 596,50, u f’każijiet kummerċjali mhux aktar minn EUR 33 193,50). L-Att ma fihx dispożizzjonijiet speċjali dwar it-tariffi tal-qorti miġbura fi Proċeduri Ewropej għal Talbiet Żgħar.

It-tariffi miġbura mill-qorti jistgħu jitħallsu, pereżempju, b’kontanti jew bi trasferiment bankarji jew f’fergħa ta’ bank barrani. It-tariffi jistgħu jitħallsu b’kontanti jekk il-qrati jkunu ħolqu kundizzjonijiet għal dan il-metodu ta’ ħlas ta’ tariffi u jekk it-tariffa għal kawża individwali ma tkunx taqbeż it-EUR 300. It-tariffi jitħallsu lill-qorti li tittratta l-kawża fl-ewwel istanza jew li t-tariffa tkun qed tinġabar f’isimha.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

Jista’ jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. L-appelli għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 15-il jum min-notifika tad-deċiżjoni fil-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni li tkun qed tiġi appellata. L-appelli għandhom jitqiesu ppreżentati f’waqthom anki jekk ikunu ġew ippreżentati sal-iskadenza fil-qorti tal-appell kompetenti. L-appelli għandhom jitqiesu wkoll li ġew ippreżentati f’waqthom jekk ikunu ġew ippreżentati wara l-iskadenza ta’ 15-il jum għaliex l-appellant kien qed isegwi struzzjonijiet żbaljati mogħtija mill-qorti rigward l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ appell. Jekk is-sentenza ma jkunx fiha struzzjonijiet dwar l-iskadenza għall-preżentazzjoni ta’ appell, jew jekk tiddikjara b’mod żbaljat li appell mhuwiex permess, jista’ jiġi preżentat appell fi żmien tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni. L-appelli għandhom jitqiesu li ġew ippreżentati f’waqthom jekk ikunu ġew ippreżentati f’qorti bla ġurisdizzjoni għaliex il-appellant kien qed isegwi struzzjonijiet żbaljati rigward il-qorti kompetenti li quddiemha għandu jiġi ppreżentat appell. Dan japplika wkoll jekk id-deċiżjoni ma tkunx tiddikjara l-qorti kompetenti li quddiemha għandu jiġi ppreżentat appell.

Minbarra d-dettalji ġenerali kollha, l-appelli jridu jiddikjaraw is-sentenza li tkun qed tiġi appellata, l-ambitu tal-appell, f’liema rigward is-sentenza titqies difettuża (raġunijiet għall-appell) u r-rimedju li jkun qed ifittex l-appellant (talba għal appell). Il-kompetenza għas-smigħ u s-sentenzi tal-appell tkun tal-qrati reġjonali (krajské súdy).

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

Il-qorti kompetenti għal ritrattazzjoni ta’ sentenza għandha tkun il-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni fl-ewwel istanza. Skont il-Kodiċi tal-Proċedura ta’ Tilwim Ċivili, jista’ jsir rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jekk il-possibbiltà ta’ ritrattazzjoni ta’ sentenza tirriżulta minn leġiżlazzjoni speċjali, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Minbarra d-dettalji ġenerali kollha, rikors għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti jrid jiddikjara n-numru ta’ referenza tas-sentenza li qed tkun appellata, l-ambitu tal-appell, ir-raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti, iċ-ċirkostanzi li jixhdu li r-rikors ġie ppreżentat f’waqtu, prova tas-sustanza tar-rikors, kif ukoll ir-rimedju li qed ifittex l-applikant.

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Is-Slovakk.

L-Artikolu 25 1 (j) L-awtoritajiet kompetenti mill-eżekuzzjoni

Jista’ jsir rikors sabiex ikun hemm eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni; dan jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-eżekuzzjoni (exekučný súd). Mill-1 ta’ April 2017, il-qorti tal-eżekuzzjoni hija l-Qorti Distrettwali ta’ Banská Bystrica (Okresný súd Banská Bystrica).

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija rregolata mill-Att Nru 233/1995.

Ir-rikorsi għall-eżekuzzjoni jiġu ppreżentati b’mod elettroniku fil-kaxxa postali elettronika tal-qorti permezz ta’ formola elettronika apposta, li trid tiġi ppubblikata fis-sit tal-Ministeru. Jiġu kkunsidrati biss ir-rikorsi awtorizzati. Id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament meħtieġa tiġi ppreżentata b’mod elettroniku lill-kaxxa postali elettronika tal-qorti flimkien mar-rikors għall-eżekuzzjoni.

Jekk rikorrent jew ir-rappreżentant tar-rikorrent ma jkollux kaxxa postali elettronika attivata jew inkella ma jkunx jista’ jippreżenta r-rikors tiegħu b’mod elettroniku għal xi raġuni oħra, ir-rikors tiegħu għall-eżekuzzjoni jista’ jiġi ppreżentat permezz ta’ kwalunkwe uffiċjal ġudizzjarju. F’każijiet bħal dawn, l-uffiċjal ġudizzjarju jkun ir-rappreżentant awtorizzat li jinnotifika d-dokumenti sakemm tinbeda l-eżekuzzjoni; huwa jwettaq azzjonijiet individwali mingħajr dewmien. L-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat ir-rikors għall-eżekuzzjoni msemmi hawn fuq lill-qorti fi żmien 15-il jum. Meta uffiċjal ġudizzjarju jintuża biex jippreżenta rikors għall-eżekuzzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jkun intitolat għal rimunerazzjoni u rimborż tal-ispejjeż. Il-mod kif jiġu ddeterminati tali pagamenti u kemm għandu jitħallas huwa stabbilit mill-Ministeru f’att legali ta’ applikazzjoni ġenerali.

L-eżekuzzjoni titwettaq minn uffiċjal ġudizzjarju awtorizzat għat-twettiq tal-eżekuzzjoni minn qorti tal-eżekuzzjoni. Il-qorti għandha tassenja l-każijiet billi toħroġ awtorizzazzjonijiet għal eżekuzzjoni b’mod aleatorju u ugwali lill-uffiċjali ġudizzjarji individwali billi tuża mezzi tekniċi u riżorsi pprogrammati approvati mill-Ministeru b’tali mod li l-każ assenjat ma jkunx jista’ jiġi influwenzat. Ir-regola tal-għażla aleatorja tal-uffiċjali ġudizzjarji hija bbażata fuq it-territorjalità. Il-każijiet jiġu assenjati billi jintgħażlu mill-uffiċjali ġudizzjarji li jkunu ġew appuntati għat-territorju kopert mill-qorti reġjonali (krajský súd) li d-debitur ikun resident permanenti fih jew ikollu l-uffiċċju rreġistrat fih. Jekk ir-residenza permanenti tad-debitur jew l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat fir-Repubblika Slovakka ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti skont il-paragrafu preċedenti, l-uffiċjali ġudizzjarji jintgħażlu mid-distrett li fih id-debitur kellu l-aħħar residenza permanenti tiegħu jew kellu uffiċċju rreġistrat, inkella l-każ jiġi assenjat b’mod aleatorju lil uffiċjal ġudizzjarju appuntat għat-territorju kopert mill-Qorti Reġjonali ta’ Banská Bystrica (Krajský súd Banská Bystrica).

L-aħħar aġġornament: 09/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.