Talbiet żgħar

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Artikolu 25 1 (a) Il-qrati kompetenti

Il-ġuriżdizzjoni biex jiġu ddeterminati talbiet żgħar fl-ewwel istanza hija tal-qrati distrettwali. Id-deċiżjonijiet tagħhom huma soġġetti għal appell quddiem tribunal biss, fi żmien 30 jum minn meta tinħareġ id-deċiżjoni. Ara l-Artikolu 2 tal-Artikolu I10 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata.

Artikolu 25 1 (b) Mezzi ta' komunikazzjoni

  • Skont il-proċedura ordinarja stabbilita fl-Artikolu 148(2) KPĊ, rikors ippreżentat il-qorti personalment jew bi prokura jista' jinkiteb b'format elettroniku, jekk ikun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi (ir-regolament japplika wkoll, meta jagħti l-każ, f'każijiet fejn il-KPĊ jitlob li s-sottomissjonijiet, l-argumenti jew il-konklużjonijiet tal-partijiet, jew ta' dokumenti proċedurali oħrajn jiġu ppreżentati lill-qorti bil-miktub – l-Artikolu 148(3) KPĊ).
  • Skont il-proċedura ordinarja stabbilita fl-Artikolu 199(1) KPĊ, dikjarazzjoni ta’ talba (cererea de chemare în judecată) ippreżentata personalment jew bi prokura, bil-posta, b'kurjer jew b'faks jew skennjata u mibgħuta bil-posta elettronika jew bħala dokument elettroniku, tkun irreġistrata u ttimbrata bid-data tal-wasla.
  • N.B.: Fil-proċedura speċjali għat-talbiet iż-żgħar (applikabbli għal tilwim intern), ir-rikorrent jibda dawn il-proċedimenti billi jimla formola ta' rikors u jippreżentaha jew jibgħatha lill-qorti kompetenti bil-posta jew b'xi mezz ieħor li jippermetti li tinħareġ konferma tal-wasla (l-Artikolu 1029(1) KPĊ).

Artikolu 25 1 (c) Awtoritajiet jew organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza prattika

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 861/2007, kif emendat, l-assistenza prattika fil-mili tal-formola ta’ rikors tiġi pprovduta mill-avukati maħtura għal dan il-għan fuq bażi ta’ rotazzjoni, kull tliet xhur, bħala parti mis-servizz ta’ assistenza ġudizzjarja minn kull kamra tal-avukati. Il-lista ta’ avukati hekk maħtura u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jidhru fuq is-sit web tal-Unjoni Nazzjonali tal-Kmamar tal-Avukati Rumeni u ta’ kull kamra, u tiġi kkomunikata lil kull qorti għall-wiri fil-bini tagħhom u fil-portal tal-qorti. Għall-assistenza prattika pprovduta, l-avukat huwa intitolat għal onorarju, li huwa stabbilit mill-protokoll konkluż, f’konformità mal-liġi, għad-determinazzjoni tal-onorarji li jridu jitħallsu lill-avukati għall-għoti ta’ servizzi ta’ għajnuna legali u ekstraġudizzjarji. L-avukat m’għandu jkun intitolat jirċievi mingħand il-persuna megħjuna l-ebda rimunerazzjoni jew kumpens ieħor, fl-ebda forma. Ara l-Artikolu 1 tal-Artikolu I10 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata.

Artikolu 25 1 (d) Mezzi ta' notifika u komunikazzjoni elettroniċi u metodi biex wieħed jagħti l-kunsens tiegħu għalihom

  • L-Artikolu 154(6) u (6 1) KPĊ

It-taħrikiet u dokumenti proċedurali oħrajn jistgħu jiġu nnotifikati mill-iskrivan tal-qorti u permezz ta’ fax, bil-posta elettronika jew b’mezzi oħrajn li jiżguraw li l-kontenut tad-dokument jintbagħat u r-riċevuta tiegħu tiġi kkonfermata, dment li l-parti kkonċernata tkun tat lill-qorti d-dettalji ta’ kuntatt tagħha għal dan l-għan. In-notifika ta’ dokumenti proċedurali tkun akkumpanjata mill-firma elettronika estiża tal-qorti, li tieħu post it-timbru tal-qorti u l-firma tal-iskrivan tas-seduta bħala r-referenzi obbligatorji fuq it-taħrika. Kull qorti jkollha firma elettronika estiża unika għat-taħrikiet u d-dokumenti proċedurali. It-taħrikiet u dokumenti proċedurali oħrajn għandhom jitqiesu li ġew innotifikati meta jkun wasal messaġġ mis-sistema użata li waslu għand id-destinatarju f’konformità mal-informazzjoni li jkun ta.

  • L-Artikolu 205(2)(a) KPĊ

It-tweġiba għandha tinkludi: l-isem u l-kunjom, in-numru ta' identifikazzjoni personali, id-domiċilju jew ir-residenza tal-intimat jew, għall-persuni ġuridiċi, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat u, meta jkun xieraq, il-kodiċi ta' reġistrazzjoni jew in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa, in-numru tal-entrata fir-reġistru kummerċjali jew fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi, u l-kont tal-bank jekk ir-rikorrent ma jkunx semmieh diġà fid-dikjarazzjoni tat-talba. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 148(1) għandhom japplikaw skont dan. Jekk l-intimat ikun jgħix barra l-pajjiż, it-tweġiba tindika wkoll indirizz fir-Rumanija fejn jintbagħtu l-komunikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-każ.

  • L-Artikolu 194(a) KPĊ

Id-dikjarazzjoni tat-talba għandha tinkludi:

a) l-isem u l-kunjom, id-domiċilju jew ir-residenza tal-partijiet jew, għall-persuni ġuridiċi, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tagħhom. Hija għandha tinkludi wkoll in-numru ta' identifikazzjoni personali jew in-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa, in-numru tal-entrata fir-reġistru kummerċjali jew tal-entrata fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi, u l-kont bankarju tar-rikorrent u tal-intimat, jekk il-partijiet ikunu fil-pussess ta’ dawk l-identifikaturi jew jekk ikunu ġewlhom assenjati f'konformità mal-liġi, sa fejn ikun jaf ir-rikorrent. Id-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 148(1) għandhom japplikaw skont dan. Jekk ir-rikorrent ikun jgħix barra l-pajjiż, it-tweġiba tindika wkoll indirizz fir-Rumanija fejn jintbagħtu l-komunikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw il-każ.

  • L-Artikolu 148(1)(a) KPĊ

(1) Kull talba indirizzata lill-qrati trid issir bil-miktub u trid tinkludi isem il-qorti indirizzata, l-isem u l-kunjom, id-domiċilju jew ir-residenza tal-partijiet jew, meta jkun il-każ, l-isem u l-post tan-negozju tagħhom, l-isem u l-kunjom, id-domiċilju jew ir-residenza tar-rappreżentanti tagħhom, meta jkun il-każ, l-oġġett, il-valur tat-talba, meta jkun il-każ, ir-raġunijiet għat-talba u l-firma. Meta jkun il-każ, it-talba trid tinkludi indirizz tal-posta elettronika jew id-dettalji tal-kuntatt indikati għal din il-fini mill-partijiet, u numru tat-telefown, numru tal-faks jew simili.

(2) Rikorsi ppreżentati personalment jew bi prokura jistgħu jinkitbu b'format elettroniku, jekk ikunu konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-liġi.

(3) Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 japplikaw ukoll f’każijiet fejn dan il-Kodiċi jeħtieġ li s-sottomissjonijiet, l-argumenti jew il-konklużjonijiet tal-partijiet jew kwalunkwe dokument proċedurali ppreżentat lill-qorti ikun bil-miktub.

  • L-Artikolu 169 KPĊ

Wara li każ jitressaq il-qorti, ir-rikorsi, it-tweġibiet jew dokumenti oħrajn jistgħu jintbagħtu direttament lill-qorti permezz ta' avukat jew konsulent legali jekk ikollhom il-partijiet. F'dan il-każ, ir-riċevitur tat-talba jiċċertifika l-irċevuta tal-kopja ppreżentata l-qorti jew, meta jkun il-każ, b'kull mezz ieħor li jiżgura li din il-proċedura tiġi kkompletata.

  • L-Artikolu 199(1) KPĊ

(1) Dikjarazzjoni ta’ talba ppreżentata personalment jew bi prokura, bil-posta, b'kurjer jew b'faks jew skennjata u mibgħuta bil-posta elettronika jew bħala dokument elettroniku, tkun irreġistrata u ttimbrata bid-data tal-wasla.

  • L-Artikolu 149(4) KPĊ

(4) Jekk id-dikjarazzjoni tkun ġiet ikkomunikata, f'konformità mal-liġi, b’faks jew bil-posta elettronika, l-iskrivan huwa awtomatikament meħtieġ jagħmel kopji tad-dikjarazzjoni a spejjeż tal-parti li obbligata tagħmilhom. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 154(6) għandhom ikomplu japplikaw.

Fil-proċedura speċjali għat-talbiet iż-żgħar (applikabbli għal tilwim intern), ir-rikorrent jibda dawn il-proċedimenti billi jimla formola ta’ rikors u jippreżentaha jew jibgħatha lill-qorti kompetenti bil-posta jew b’xi mezz ieħor li jiżgura li tista’ tinħareġ konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 1029(1) KPĊ).

L-Artikolu 25 1(e) Persuni jew professjonijiet, obbligati jaċċettaw in-notifika ta' dokumenti jew komunikazzjonijiet oħrajn bil-miktub permezz ta' mezzi elettroniċi

  • Jekk il-qorti, b'konformità mal-liġi, tibgħat dokumenti proċedurali elettronikament, il-partijiet ikunu obbligati jaċċettaw il-komunikazzjonijiet magħmula b'dan il-mod. Dan japplika biss meta l-partijiet (jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi l-avukati) ikunu pprovdew l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom (ara wkoll it-tweġiba għal (d)).
  • Jekk parti, b'konformità mal-liġi, tibgħat dokumenti proċedurali elettronikament, il-partijiet ikunu obbligati jaċċettaw il-komunikazzjonijiet magħmula b'dan il-mod.

Artikolu 25 1 (f) Tariffi tal-qorti u l-metodi tal-ħlas

  • L-Artikoli 10(1)(b), (2) u (3) tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 dwar it-taxxi tal-boll ġudizzjarji

(1) Fir-rigward tal-eżekuzzjoni, ir-rikorsi elenkati hawn taħt huma suġġetti għat-taxxi li ġejjin:

(…)

b) rikors għal sospensjoni ta’ eżekuzzjoni, inkluża eżekuzzjoni proviżorja - RON 50.

(2) Jekk l-eżekuzzjoni tkun ikkontestata, it-taxxa tiġi kkalkulata fuq il-valur tal-oġġetti li l-eżekuzzjoni tagħhom hija kkontestata, jew fuq l-ammont tad-dejn ikkonċernat, meta d-dejn ikun inqas mill-valur tal-oġġetti. Din it-taxxa ma tistax taqbeż RON 1 000 irrispettivament mill-ammont inkwistjoni. Jekk is-suġġett tal-eżekuzzjoni ma jistax jiġi vvalutat fi flus, l-oġġezzjoni għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tkun suġġetta għal taxxa ta’ RON 100.

(3) Jekk l-oġġezzjoni għall-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tirreferi wkoll, skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 712(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, għal raġunijiet ta’ fatt u tad-dritt relatati mas-sustanza tad-dritt, it-taxxa tal-boll tkun iddeterminata skont l-Artikolu 3(1).

  • L-Artikolu 33(1) tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 dwar it-taxxi tal-boll ġudizzjarji

It-taxxi tal-boll ġudizzjarji għandhom jitħallsu bil-quddiem, ħlief fejn previst mod ieħor mil-liġi.

  • L-Artikolu 40(1) u (2) tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 dwar it-taxxi tal-boll ġudizzjarji

Jekk il-persuna responsabbli li tħallas it-taxxa tal-boll ġudizzjarja ma jkollha l-ebda domiċilju jew residenza jew, meta jkun il-każ, l-ebda uffiċċju rreġistrat fir-Rumanija, it-taxxa tal-boll għandha titħallas fil-kont tal-baġit lokali tal-unità amministrattiva ta' fejn tkun ibbażata l-qorti li tintroduċi l-azzjoni jew l-applikazzjoni, f'kontanti, bi trasferiment bankarju jew b'sistema onlajn; dan il-kont għandu jkun kont separat tad-dħul tal-baġit lokali għal "taxxi tal-boll ġudizzjarji u oħrajn" fl-unità territorjali amministrattiva fejn il-persuna fiżika jkollha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha jew, meta jkun il-każ, fejn il-persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

Talbiet żgħar magħmula skont il-proċedura speċjali stabbilita fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jew skont ir-Regolament dwar it-Talbiet iż-Żgħar għandhom jiġu ntaxxati RON 50 jekk il-valur tat-talba ma jaqbiżx RON 2 000 jew jekk il-valur f’euro ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ RON 2 000, u RON 200 għal talbiet li l-valur tagħhom jaqbeż RON 2 000 jew l-ekwivalenti f’euro. Ara l-Artikolu 6(1) tal-Ordni ta’ Emerġenza Nru 80/2013 dwar it-taxxi tal-boll ġudizzjarji.

N.B.: Is-sit web https://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx, għal kull qorti, għandu sottotaqsima intitolata “Bine de știut” [Fatti utli], li fiha tagħrif dwar il-kontijiet fejn jistgħu jitħallsu t-taxxi tal-boll.

Artikolu 25 1 (g) Il-proċedura tal-appell u l-qrati kompetenti għal appell

  • Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, appell jista' jitressaq quddiem tribunal (qorti tat-tieni istanza), fi żmien 30 jum minn meta tkun ingħatat id-deċiżjoni (l-Artikoli 466(1), 468(1) u 94(1)(k) b'konnessjoni mal-Artikolu 95(2) KPĊ).
  • N.B.: Fil-proċedura speċjali għat-talbiet iż-żgħar (applikabbli għal tilwim intern), id-deċiżjoni tal-qorti distrettwali hija suġġetta għal appell quddiem tribunal biss, li għandu jitressaq fi żmien 30 jum minn meta tkun ingħatat id-deċiżjoni (l-Artikolu 1033(1) KPĊ).

Artikolu 25 1 (h) Rieżami tal-proċedura tas-sentenza u l-qrati kompetenti biex jagħmlu dan ir-rieżami

  • Ir-Regoli tal-proċedura ordinarja:

- appell għal annullament tas-sentenza finali (appell straordinarju) jista' jsir jekk ir-rikorrent ma jkunx tħarrek kif xieraq u ma kienx preżenti għall-proċedimenti; l-appell għall-annullament jitressaq fil-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata (l-Artikoli 503(1) u 505(1) KPĊ);

- rieżami (appell straordinarju) ta' sentenza fuq is-sustanza (jew le) jista' jkun meħtieġ jekk parti ma tkunx tħalliet tidher il-qorti minħabba ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħha u l-qorti tkun mgħarrfa b'dan; ir-rikors għal rieżami jrid jiġi ppreżentat lill-qorti li tkun tat id-deċiżjoni li qed jintalab rieżami għaliha (l-Artikolu 509(1)(9) u (2) u l-Artikolu 510(1) KPĊ);

- parti li taqbeż skadenza tingħata skadenza ġdida biss jekk tkun tista' tagħti raġunijiet dovutament ġustifikati għad-dewmien; għal dik il-fini, il-parti trid tikkonforma mad-dokument proċedurali sa mhux aktar minn 15-il jum wara l-avveniment li pprevjena l-prestazzjoni u titlob skadenza ġdida fl-istess żmien; fil-każ ta' appelli, din l-iskadenza hija identika għal dik prevista għall-proċeduri ta' appell; it-talba għal skadenza ġdida għandha tiġi ttrattata mill-qorti kompetenti li tisma' rikors relatat mad-dritt eżerċitat qabel l-iskadenza (l-Artikolu 186 KPĊ).

Ir-rikors għal rieżami għandu jkun soġġett għall-ġuriżdizzjoni tal-qorti li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi kkontestata. Ara l-Artikolu 3 tal-Artikolu I10 tad-Digriet ta’ Urġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data ta' adeżjoni tar-Rumanija mal-UE, approvati mil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata.

Artikolu 25 1 (i) Lingwi aċċettati

Bir-Rumen.

L-aħħar aġġornament: 14/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.