L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Rumanija

Proċeduri transfruntieri Ewropej - ordni ta' ħlas Ewropea


*input mandatarju

L-Artikolu 29(1)(a) - Qrati b’ġurisdizzjoni

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżil-Franċiż diġà ġew tradotti.

It-talbiet għall-ħruġ ta’ Ordnijiet ta’ Ħlas Ewropej jiġu pproċessati mill-qorti bil-ġuriżdizzjoni sabiex tisma’ l-kawża fil-prim’istanza. Il-qorti kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar talba għal stħarriġ hija l-qorti li d-deċiżjoni tagħha tkun qed tiġi appellata, rappreżentata minn panel ta’ żewġ imħallfin. Ara l-Artikoli 1 u 2 tal-Artikolu I/9 tal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 119/2006 dwar ċerti miżuri neċessarji sabiex jiġu implimentati ċerti Regolamenti tal-Komunità mid-data tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, approvata bil-Liġi Nru 191/2007, kif emendata.

Il-qorti kompetenti sabiex tinħareġ Ordni ta’ Ħlas Ewropea hija l-qorti bil-ġuriżdizzjoni li tisma’ l-kawża fil-prim’istanza:

- il-qorti distrettwali (judecătoria), li għandha ġuriżdizzjoni sabiex tisma’ t-talbiet fil-prim’istanza għal ammont speċifiku ta’ flus sa massimu ta’ RON 200 000

jew

- it-tribunal (tribunalul), li jkollu l-ġuriżdizzjoni li jisma’ r-rikorsi kollha fil-prim’istanza li skont il-liġi ma jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ ebda qorti oħra, jiġifieri li jinkludu talbiet għal ammont speċifiku ta’ flus ogħla minn RON 200 000 - l-Artikolu 94(1)(k) u l-Artikolu 95(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid (rigward ordnijiet ta’ ħlas, ara l-Artikolu 1016 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid, li jistipula li l-kreditur jista’ jippreżenta talba għal ordni ta’ ħlas lill-qorti kompetenti sabiex tindirizza l-merti tal-kawża fil-prim’istanza).

L-Artikolu 29(1)(b) - Proċedura ta' reviżjoni

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżil-Franċiż diġà ġew tradotti.

- il-proċedura skont il-liġi ordinarja:

- id-deċiżjonijiet finali jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell straordinarju li jitlob l-annullament meta l-appellant ma jkunx tħarrek kif xieraq u ma kienx preżenti fil-proċedimenti; appell bħal dan li jitlob l-annullament jista’ jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, imma mhux iktar tard minn sena wara d-data meta d-deċiżjoni ssir finali; il-bażi għall-appell trid tiġi stabbilita fi żmien il-15-il jum imsemmija aktar ’il fuq, inkella tkun nulla u bla effett (l-Artikoli 503(1) u 506 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- jista’ jintalab stħarriġ ta’ deċiżjoni meħuda dwar il-merti tal-kawża (bħala proċedura straordinarja ta’ appell), jew li tirreferi għalihom, jekk il-parti kkonċernata ma tkunx setgħet tidher fil-proċedimenti minħabba ċirkostanzi mhux fil-kontroll tagħha u tkun innotifikat lill-qorti b’hekk; meta japplikaw dawn iċ-ċirkostanzi, id-deċiżjonijiet li ma jirreferux għall-merti tal-kawża jkunu soġġetti għal stħarriġ ukoll; iż-żmien permess sabiex jintalab stħarriġ ġudizzjarju huwa ta’ 15-il jum, li jibdew jiddekorru minn meta jintemmu ċ-ċirkostanzi ta’ prevenzjoni (l-Artikolu 509(1)(9) u (2) u, l-Artikolu 511(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- parti li taqbeż skadenza proċedurali tingħata skadenza ġdida biss jekk jintwera bi provi li d-dewmien kien dovut għal raġunijiet sostanzjati debitament; għal dan il-fini, il-parti jeħtiġilha timla d-dokument proċedurali meħtieġ sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jintemmu ċ-ċirkostanzi ta’ prevenzjoni, u titlob skadenza ġdida; fil-każ ta’ proċeduri ta’ appell, din l-iskadenza tkun l-istess bħall-iskadenza meħtieġa għall-preżentata ta’ appell; talba sabiex tingħata skadenza ġdida tiġi deċiża mill-qorti kompetenti li tiddeċiedi dwar talbiet li jirrigwardaw drittijiet mhux eżerċitati fil-ħin (l-Artikolu 186 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid).

- proċedura speċjali għall-ordni ta’ ħlas:

- il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid (l-Artikoli 1014 sa 1025) jistabbilixxi proċedura partikolari għall-ordnijiet ta’ ħlas;

- debitur jista’ jippreżenta talba għal annullament ta’ ordni ta’ ħlas fi żmien 10 ijiem minn meta jiġi nnotifikat (l-Artikolu 1024(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- kreditur jista’, fi żmien 10 ijiem (l-Artikolu 1024(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid), jippreżenta talba għal annullament ta’ deċiżjoni kif meħtieġ fl-Artikolu 1021(1) u (2)[1] tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid, jew ta’ ordni ta’ ħlas kif stipulat fl-Artikolu 1022(2)[2];

- talba għal annullament tiġi pproċessata mill-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas, preseduta minn żewġ imħallfin (l-Artikolu 1024(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa’ t-talba għal annullament kompletament jew parzjalment, hija tannulla l-ordni kompletament jew parzjalment, kif applikabbli, u tagħti deċiżjoni finali; meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa’ t-talba għal annullament, hija toħroġ deċiżjoni finali li timponi l-ordni ta’ ħlas; id-deċiżjoni li tiċħad talba għal annullament tkun finali (l-Artikolu 1024(6) l-ewwel sentenza, (7) u (8) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- il-parti kkonċernata tista’ tippreżenta appell kontra l-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ ħlas, skont il-liġi ordinarja; l-appell jista’ jirreferi biss għall-irregolaritajiet fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni jew raġunijiet għat-tmiem tal-obbligu li seħħew wara li l-ordni ta’ ħlas saret finali (l-Artikolu 1025(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid).


[1] Artikolu 1021 Kontestazzjoni tat-talba:

(1) Meta debitur jikkontesta t-talba, il-qorti tivverifika jekk il-kontestazzjoni hijiex fondata, fuq il-bażi tad-dokumenti fl-atti tal-kawża u tal-ispjegazzjonijiet u tal-kjarifiki pprovduti mill-partijiet. Jekk id-difiża tad-debitur tkun fondata, il-qorti tiċħad it-talba tal-kreditur billi toħroġ deċiżjoni.

(2) Meta d-difiża sostantiva ppreżentata mid-debitur tinvolvi l-ipproċessar ta’ provi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu (1) u dawk il-provi jkunu ammissibbli fi proċedimenti tal-liġi ordinarja, f’konformità mal-liġi, il-qorti tiċħad it-talba tal-kreditur għal ordni ta’ ħlas billi toħroġ deċiżjoni.

(3) Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafi (1) u (2), il-kreditur jista’ jippreżenta talba sabiex jiftaħ il-proċedimenti legali skont il-liġi ordinarja.

[2] Skont l-Artikolu 1022(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid: “Meta l-qorti, wara li tkun eżaminat il-provi fil-kawża, issib li t-talbiet tal-kreditur ikunu fondati parzjalment biss, hija toħroġ ordni ta’ ħlas biss għal dik il-parti u tindika wkoll id-data ta’ skadenza għall-ħlas. F’każijiet bħal dawn, il-kreditur jista’ jippreżenta talba sabiex jiftaħ il-proċedimenti legali skont il-liġi ordinarja, bil-ħsieb li jiġi impost obbligu fuq id-debitur sabiex iħallas il-bqija tad-dejn.”

L-Artikolu 29(1)(c) - Mezzi ta' komunikazzjoni

- il-proċedura skont il-liġi ordinarja

- Iċ-ċitazzjonijiet u dokumenti proċedurali oħrajn jistgħu jiġu nnotifikati f’konformità mal-Artikoli 153 sa 173 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid. {Hawn taħt hawn imniżżlin xi eżempji ta’ kif issir in-notifika:

- iċ-ċitazzjonijiet u d-dokumenti proċedurali kollha jiġu nnotifikati ex officio mill-aġenti proċedurali tal-qorti kkonċernata jew kwalunkwe impjegat ieħor tagħha, kif ukoll minn aġenti jew impjegati ta’ qrati oħrajn li jkollhom il-ġuriżdizzjoni fejn ikun residenti d-destinatarju li jrid jiġi nnotifikat (l-Artikolu 154(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- jekk id-dokumenti ma jkunux jistgħu jiġu nnotifikati bil-mod stabbilit hawn fuq, jintbagħtu bil-posta, b’ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni tal-kontenut u b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, f’envelop issiġġillat li jinhemżu miegħu prova tal-irċevuta/formola tar-rekord tal-konsenja u l-avviż stipulat mil-liġi (l-Artikolu 154(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- wara talba u bl-ispejjeż imħallsa biss mill-parti interessata, id-dokumenti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati jew mill-uffiċjali ġudizzjarji, li huma meħtieġa jikkonformaw mal-formalitajiet stipulati skont il-liġi proċedurali, jew permezz ta’ servizzi ta’ konsenja express (l-Artikolu 154(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid);

- iċ-ċitazzjonijiet u dokumenti proċedurali oħrajn jistgħu jiġu nnotifikati mill-iskrivan tal-qorti u permezz ta’ fax, bil-posta elettronika jew b’mezzi oħrajn li jiżguraw li l-kontenut tad-dokument jintbagħat u l-wasla tiegħu tiġi kkonfermata, dment li l-parti kkonċernata tkun tat lill-qorti d-dettalji ta’ kuntatt tagħha għal dan l-għan. In-notifika ta’ dokumenti proċedurali tkun akkumpanjata mill-firma elettronika estiża tal-qorti, li tieħu post it-timbru tal-qorti u l-firma tal-iskrivan tas-seduta bħala r-referenzi obbligatorji fuq iċ-ċitazzjoni. Kull qorti jkollha firma elettronika estiża waħda għaċ-ċitazzjonijiet u għad-dokumenti proċedurali (l-Artikolu 154(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid)}.

- proċedura speċjali għall-ordni ta’ ħlas:

- l-ordni trid tiġi nnotifikata lill-parti preżenti jew lil kull parti mingħajr dewmien, skont il-liġi (l-Artikolu 1022(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid).

L-Artikolu 29(1)(d) - Lingwi aċċettati

It-talbiet iridu jsiru bir-Rumen.

L-aħħar aġġornament: 14/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.