L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

L-Artikolu 29(1)(a) - Qrati b’ġurisdizzjoni

Il-qorti bil-ġuriżdizzjoni biex tinħareġ Ordni ta' Ħlas Ewropea hija l-qorti bil-ġuriżdizzjoni li tisma' l-kawża fl-ewwel istanza:

- il-qorti distrettwali (li għandha ġuriżdizzjoni biex tisma' t-talbiet fl-ewwel istanza għal ammont speċifiku ta' flus sa massimu ta' RON 200 000) jew

- it-tribunal (li jkollu l-ġuriżdizzjoni li jisma' r-rikorsi kollha fl-ewwel istanza li bil-liġi mhuma fil-ġuriżdizzjoni tal-ebda qorti oħra, jiġifieri li jinkludu talbiet għal ammonti ogħla minn RON 200 000) — l-Artikolu 94(1), il-punt 1(j), u l-Artikolu 95, il-punt 1, tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (rigward ordnijiet ta' ħlas, ara l-Artikolu 1015 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, li jistipula li l-kreditur jista' jippreżenta talba għal ordni ta' ħlas lill-qorti kompetenti li tindirizza s-sustanza tal-kawża fl-ewwel istanza).

L-Artikolu 29(1)(b) - Proċedura ta' reviżjoni

- il-proċedura skont il-liġi ordinarja:

- deċiżjonijiet finali jistgħu jiġu kkontestati permezz ta' appell straordinarju li jitlob l-annullament meta l-appellant ma jkunx tħarrek kif xieraq u ma kienx preżenti fil-proċedimenti; appell bħal dan li jitlob l-annullament jista' jiġi ppreżentat fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni, imma mhux iktar tard minn sena wara d-data meta d-deċiżjoni ssir finali; il-bażi għall-appell trid tiġi stabbilita fi żmien il-15-il jum imsemmija fuq — inkella tkun nulla u bla effett (l-Artikoli 503(1) u 506 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- jisa' jintalab appell straordinarju għal reviżjoni ta' deċiżjoni meħuda dwar is-sustanza tal-kawża jew li tirreferi għaliha jekk il-parti kkonċernata ma tkunx setgħet tidher fil-proċedimenti minħabba ċirkostanzi mhux fil-kontroll tagħha u tkun infurmat lill-qorti b'dan; meta japplikaw dawn iċ-ċirkostanzi , deċiżjonijiet li ma jirreferux għas-sustanza tal-kawża jkunu suġġetti għal reviżjoni wkoll; iż-żmien permess biex tintalab reviżjoni huwa ta' 15-il jum, li jibdew jgħoddu minn meta jintemmu ċ-ċirkostanzi li jipprevjenu (l-Artikolu 509(1), il-punt 9, u (2) u, l-Artikolu 511(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- parti li taqbeż l-iskadenza proċedurali tingħata skadenza ġdida biss jekk turi li d-dewmien kien dovut għal raġunijiet sostanzjati sew; għal din il-fini, il-parti trid timla d-dokument proċedurali meħtieġ mhux iktar tard minn 15-il jum wara li jintemmu ċ-ċirkostanzi li pprevenewha, u titlob skadenza ġdida; fil-każ ta' proċeduri ta' appell, din l-iskadenza tkun l-istess bħall-iskadenza normali permessa għall-preżentazzjoni ta' appell; talba biex tingħata skadenza ġdida tiġi deċiża mill-qorti kompetenti li tiddeċiedi dwar talbiet li jirrigwardaw drittijiet mhux eżerċitati fil-ħin (l-Artikolu 186) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid).

- proċedura speċjali għall-ordni ta' ħlas:

- il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid (l-Artikoli 1013 sa 1024) jistabbilixxi proċedura partikolari għall-ordnijiet ta' ħlas;

- debitur jista' jippreżenta talba għal annullament ta' ordni ta' ħlas fi żmien 10 ijiem minn meta jiġi nnotifikat (l-Artikolu 1023(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili);

- kreditur jista', fi żmien 10 ijiem (l-Artikolu 1023(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid), jippreżenta talba għal annullament ta' deċiżjoni stipulata fl-Artikolu 1020(1) u (2) [1] tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid, jew ta' ordni ta' ħlas stipulat fl-Artikolu 1021(2) [2];

- talba għal annullament tkun ipproċessata mill-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta' ħlas, preseduta minn żewġ imħallfin (l-Artikolu 1023(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa' t-talba għal annullament kompletament jew parzjalment, hija tannulla l-ordni kompletament jew parzjalment, kif applikabbli, u tagħti deċiżjoni finali; meta l-qorti li tiddeċiedi l-kawża tilqa' t-talba għal annullament, hija toħroġ deċiżjoni finali li timponi l-ordni ta' ħlas; deċiżjoni li tiċħad talba għal annullament tkun finali (l-Artikolu 1023(6) l-ewwel sentenza, (7) u (8) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili);

- il-parti kkonċernata tista' tippreżenta appell kontra l-eżekuzzjoni tal-ordni ta' ħlas, skont il-liġi ordinarja; l-appell jista' jirreferi biss għall-irregolaritajiet fil-proċedura ta' eżekuzzjoni jew raġunijiet għat-tmiem tal-obbligu li ġraw wara li l-ordni ta' ħlas sar finali (l-Artikolu 1024(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid).


[1] Skont l-Artikolu 1021 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid:

"L-Artikolu 1020 Kontestazzjoni tat-talba

(1) Meta debitur jikkontesta t-talba, il-qorti għandha tara jekk il-kontestazzjoni hijiex iġġustifikata, fuq il-bażi tad-dokumenti fl-atti tal-kawża u l-ispjegazzjonijiet u l-kjarifiki pprovduti mill-partijiet. Jekk id-difiża tad-debitur tkun iġġustifikata, il-qorti għandha tiċħad it-talba tal-kreditur billi toħroġ deċiżjoni.

(2) Meta d-difiża sostantiva ppreżentata mid-debitur tinvolvi l-ipproċessar ta' evidenza ħlief dik imsemmija fil-paragrafu (1) u dik l-evidenza tkun ammissibbli fi proċedimenti tal-liġi ordinarja, skont il-liġi, il-qorti għandha tiċħad it-talba tal-kreditur għal ordni ta' ħlas billi toħroġ deċiżjoni.

(3) Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi (1) u (2), il-kreditur jista' jippreżenta talba biex jiftaħ il-proċedimenti legali skont il-liġi ordinarja."

[2] Skont l-Artikolu 1021(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid: "Meta l-qorti, wara li eżaminat l-evidenza tal-kawża, issib li t-talbiet tal-kreditur ikunu ġġustifikati parzjalment biss, hija għandha toħroġ ordni ta' ħlas biss għal dik il-parti u għandha tindika wkoll id-data ta' skadenza għall-ħlas. F'każijiet bħal dawn, il-kreditur jista' jippreżenta talba biex jiftaħ il-proċedimenti legali skont il-liġi ordinarja, bil-ħsieb li jiġi impost obbligu fuq id-debitur biex iħallas il-bqija tad-dejn."

L-Artikolu 29(1)(c) - Mezzi ta' komunikazzjoni

- il-proċedura skont il-liġi ordinarja

- Notifika/komunikazzjoni ta' ċitazzjoni u dokumenti proċedurali oħrajn iridu jkunu konformi mal-Artikoli 153 sa 173 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid. Hawn taħt hawn imniżżla xi eżempji ta' kif issir in-notifika/komunikazzjoni:

- ċitazzjoni u d-dokumenti proċedurali kollha jiġu nnotifikati ex officio mill-aġenti proċedurali tal-qorti kkonċernata jew kwalunkwe impjegat ieħor tagħha, kif ukoll minn aġenti jew impjegati ta' qrati oħrajn li jkollhom il-ġuriżdizzjoni fejn ikun residenti d-destinatarju li jrid jiġi nnotifikat (l-Artikolu 154(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- jekk id-dokumenti ma jkunux jistgħu jiġu nnotifikati fil-mod stabbilit hawn fuq, jintbagħtu bil-posta, b'ittra rreġistrata b'dikjarazzjoni tal-kontenut u konferma tar-riċevuta, f'envelop issiġġillat li tinhemeż miegħu prova tal-irċevuta/rekord tal-forma tal-konsenha u l-avviż stipulat mil-liġi (l-Artikolu 154(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- wara talba u bl-ispejjeż imħallsa biss mill-parti interessata, dokumenti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati jew mill-bailiffs, li huma meħtieġa jikkonformaw mal-formalitajiet stipulati skont il-liġi proċedurali, jew permezz ta' servizzi ta' konsenja espress (l-Artikolu 154(5) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid);

- ċitazzjonijiet u dokumenti proċedurali oħrajn jistgħu jkunu kkomunikati mir-reġistru tal-qorti permezz ta' telefaks, e-mail jew mezzi oħrajn li kapaċi jittrażmettu t-test tad-dokument u jiżguraw il-konferma tal-irċevuta, meta l-parti kkonċernata tkun ipprovdiet lill-qorti bid-dettalji neċessarji għal din il-fini; għall-fini ta' konferma, il-qorti se tinkludi mad-dokument proċedurali, formola li tiddikjara: l-isem tal-qorti, id-data ta' komunikazzjoni, l-isem tar-reġistratur li ħa ħsieb il-komunikazzjoni, u d-dokumenti kkomunikati; il-formola trid timtela mid-destinatarju, li jrid jiddikjara d-data tar-riċevuta u jipprovdi l-isem u l-firma tal-persuna responsabbli biex jirċievi l-korrispondenza; imbagħad trid tiġi rritornata lill-qorti b'faks, e-mail jew mezz xieraq ieħor (l-Artikolu 154(6) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

- proċedura speċjali għall-ordni ta' ħlas:

- l-ordni trid tiġi nnotifikata lill-parti preżenti jew lil kull parti mingħajr dewmien, skont il-liġi (l-Artikolu 1021(5) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili l-ġdid).

L-Artikolu 29(1)(d) - Lingwi aċċettati

It-talbiet iridu jsiru bir-Rumen.

L-aħħar aġġornament: 19/07/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.