Rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili

Slovakkja

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovakkja

Artikolu 17 - Informazzjoni magħmula aċċessibbli għall-pubbliku

1. Tipi ta’ obbligu/projbizzjoni taħt miżura ta’ protezzjoni (kontenut tal-miżura ta’ protezzjoni):

(a) Tista’ tiġi imposta miżura protettiva skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (l-Artikolu 324 et seq.). Taħt miżura protettiva, parti tista’ tiġi ordnata, pereżempju biex:

(i) toqgħod lura temporanjament milli tidħol f’dar jew f’appartament fejn tkun tirrisjedi l-persuna li fuqha l-parti tkun raġonevolment issuspettata li tinfliġġi vjolenza; ma tidħolx, jew tidħol biss fuq bażi ristretta, f’dar jew appartament, post tax-xogħol jew post ieħor fejn tgħix, tkun abitwalment preżenti jew iżżur b’mod regolari l-persuna li l-integrità fiżika jew l-integrità psikoloġika tagħha l-parti thedded bl-imġiba tagħha; ma tikkuntattjax, b’mod sħiħ jew parzjali, bil-miktub, bit-telefown, b’komunikazzjoni elettronika jew b’mezzi oħra persuna li l-integrità fiżika jew l-integrità psikoloġika tagħha jistgħu jkunu mhedda minn tali mġiba; ma tiġix, jew tiġi biss fuq bażi ristretta, f'distanza speċifikata minn persuna li l-integrità fiżika jew l-integrità psikoloġika tagħha jistgħu jkunu mhedda mill-imġiba tal-parti.

(ii) L-Artikolu 325(2)(e) sa (h) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jagħti eżempji tal-aktar tipi frekwenti ta’ miżuri protettivi. Dan ifisser li l-lista ta’ miżuri protettivi fil-liġi mhijiex eżawrjenti u l-qorti tista’ timponi tipi oħra ta’ miżuri protettivi. Il-qorti tista’ għalhekk timponi miżuri protettivi simili għal dawk previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni f’materji ċivili, u kwalunkwe miżura oħra li tqis neċessarja u xierqa.

(b) Skont l-Att dwar il-Pulizija il-pulizija tista’, pereżempju, tordna persuna biex:

(i) toqgħod lura milli tidħol jew tibqa’ f’ċerti postijiet, jew tesiġi li din tibqa’ f’post partikolari (l-Artikolu 27). Dan l-obbligu ma jistax jaqbeż iż-żmien meħtieġ (li jfisser biss iż-żmien strettament neċessarju).

(ii) titlaq minn abitazzjoni kondiviża (l-Artikolu 27a). L-Att dwar il-Pulizija jippermetti lill-uffiċjali tal-pulizija jordnaw li persuna titlaq minn appartament jew dar jew bini ieħor okkupat b’mod konġunt ma’ persuna f’riskju u mill-viċinanza immedjata tagħha (abitazzjoni kondiviża), jekk ikun hemm fatti li jindikaw li dik il-persuna tkun probabbli li tinvolvi ruħha f’attakk fuq il-ħajja, is-saħħa jew il-libertà, jew f’attakk partikolarment serju fuq id-dinjità tal-bniedem , ta’ persuna f’riskju, b’mod partikolari fid-dawl ta’ attakki preċedenti simili. L-ordni biex titlaq mill-abitazzjoni kondiviża tinkludi projbizzjoni fuq il-persuna milli terġa’ tidħol fl-abitazzjoni kondiviża għal 10 ijiem wara li tkun ordnata titlaq. Uffiċjal tal-pulizija jista’ joħroġ ordni li tirrikjedi li persuna titlaq minn abitazzjoni kondiviża anki fin-nuqqas tagħha. Waqt li tkun soġġetta għal ordni biex titlaq mill-abitazzjoni kondiviża, il-persuna mkeċċija ma tistax tiġi f’distanza ta’ 10 metri mill-persuna f’riskju.

2. Natura tal-awtorità li toħroġ il-miżura:

(a) Deċiżjoni preliminari tinħareġ minn awtorità ġudizzjarja (qorti ċivili).

(b) Ordni għat-tluq minn abitazzjoni kondiviża tinħareġ minn awtorità amministrattiva – N.B. mhux l-awtorità amministrattiva li tipprovdi garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu. L-ordnijiet għat-tluq minn abitazzjoni kondiviża mhumiex soġġetti għal appell jew rieżami minn awtorità ġudizzjarja.

3. Durata massima possibbli ta’ miżura:

(a) Il-miżuri protettivi ġeneralment ma jkunux limitati fiż-żmien. Madankollu, skont l-Artikoli 330(1) u 336(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, qorti tista’ tillimita d-deċiżjoni fiż-żmien. Miżura protettiva trid tiġi rtirata jekk il-persuna protetta tonqos milli tieħu passi biex tikseb deċiżjoni dwar il-merti tal-każ (ma tiftaħx kawża) jew jekk ir-rikors għal deċiżjoni dwar il-merti jiġi miċħud, jew jekk il-kawża tkun ġiet miċħuda, jew il-proċedimenti prinċipali jitwaqqfu (l-Artikolu 336(3) u (4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Trid tiġi rtirata wkoll ladarba l-qorti tkun laqgħet il-kawża fil-proċedimenti prinċipali (l-Artikolu 337(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

(b) Iż-żmien ikun limitat: iż-żmien strettament neċessarju jfisser 48 siegħa fil-każ ta’ detenzjoni u 10 ijiem fil-każ ta’ ordni għat-tluq minn abitazzjoni kondiviża. Madankollu, il-pulizija tista’ testendi l-effett ta’ ordni għat-tluq minn abitazzjoni kondiviża billi tippreżenta rikors għal miżura protettiva (ara hawn taħt). L-ordni għat-tluq mill-abitazzjoni kondiviża tiġi revokata ladarba tinħareġ miżura protettiva jew il-kawża tiġi miċħuda minn qorti ċivili.

4. Sistema nazzjonali ta’ eżekuzzjoni għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni:

(a) Miżura protettiva tista’ tiġi implimentata (jekk ikun meħtieġ) malli tkun ġiet innotifikata lill-persuna suspettata. L-intervent ta’ uffiċjal ġudizzjarju huwa neċessarju biex tiġi eżegwita d-deċiżjoni. L-uffiċjal ġudizzjarju għandu d-dritt li jimponi penali finanzjarja fuq persuna suspettata b’nuqqas ta’ konformità ma’ miżura interim (Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni, l-Artikolu 192).

(b) Il-pulizija tista’ tuża l-forza biex tegħleb ir-reżistenza minn persuna vjolenti u biex teżegwixxi t-tneħħija tal-persuna minn dar konġunta (l-Att dwar il-Pulizija, l-Artikolu 51) jew biex timplimenta ordnijiet oħra tal-pulizija sabiex tiżgura s-sigurtà tal-persuni.

5. Penalitajiet f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ miżura:

(a) F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ miżura protettiva, persuna suspettata tista’ teħel minn sena ta’ ħames snin ħabs (Kodiċi Kriminali, l-Artikolu 349). Madankollu, irid ikun hemm prova tal-intenzjoni tagħhom li jwettqu reat kriminali (ksur tal-obbligu impost minn miżura protettiva). Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4a.

(b) Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 4(b).

Artikolu 18 (a)(i) - l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni u joħorgu ċ-ċertifikat f’konformità mal-Artikolu 5

L-awtoritajiet kompetenti biex jordnaw miżuri ta’ protezzjoni fir-Repubblika Slovakka huma l-qrati distrettwali kollha. Il-qrati distrettwali kollha huma kompetenti ndaqs biex joħorġu ċertifikat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament.

Artikolu 18 (a)(ii) - l-awtoritajiet li quddiemhom għandha tiġi invokata miżura ta’ protezzjoni ordnata fi Stati Membruieħor u/jew li huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżura

Il-miżuri ta’ protezzjoni maħruġa fi Stat Membru ieħor iridu jiġu sottomessi lill-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III. Il-pulizija u l-uffiċjali ġudizzjarji huma kompetenti biex jeżegwixxu tali miżuri.

Artikolu 18 (a)(iii) - l-awtoritajiet li huma kompetenti sabiex jagħmlu l-aġġustament tal-miżuri ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 11(1)

Il-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III hija kompetenti biex taġġusta l-miżuri ta’ protezzjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament.

Artikolu 18 (a)(iv) - il-qrati li lilhom ir-rikors għal rifjut tar-rikonoxximent u, fejn applikabbli, tal-eżekuzzjoni għandu jiġi ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 13

Ir-rikorsi għaċ-ċaħda tar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni jridu jiġi sottomessi lill-Qorti Distrettwali ta’ Bratislava III.

Artikolu 18 (b) - il-lingwa jew lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)

Il-lingwi aċċettati huma s-Slovakk u ċ-Ċek

L-aħħar aġġornament: 31/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.