Ir-Regolament Brussell I (riformulazzjoni)

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Latvja

Brussels I recast


*input mandatarju

L-Artikolu 65(3) – Informazzjoni dwar kif jiġu determinati, skont il-liġi nazzjonali, l-effetti tas-sentenzi msemmija fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament

Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fi proċedimenti ċivili hija rregolata mill-Artikoli 78 sa 81 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tal-Liġi, parti terza fi proċedimenti ċivili hija persuna fiżika jew ġuridika li d-drittijiet jew l-obbligi tagħha f’rabta ma’ waħda mill-partijiet fil-kawża jistgħu jiġu affettwati mis-sentenza tal-kawża. L-għan tal-involviment tal-parti terza fil-proċedimenti legali huwa li tiġi promossa l-kjarifika sħiħa tal-fatti tal-kawża u li tiġi żgurata l-effiċjenza proċedurali billi dik il-parti terza titħalla tipprovdi spjegazzjonijiet u tagħti l-opinjoni tagħha dwar it-talbiet magħmula. Jekk persuna li setgħet kienet parti terza f’kawża ma tintervjenix, dan ma jċaħħadx lil dik il-persuna mid-drittijiet tagħha bi kwalunkwe mod ieħor jew ma jipprevenihiex milli tiddefendi l-interessi tagħha f’kawża separata. Madankollu, tajjeb li jiġi mfakkar li l-intervent ta’ parti terza fil-kawża jista’ jaffettwa l-mod kif tiġi riżolta t-talba inizjali. Dan huwa importanti, pereżempju, meta tiġi kkunsidrata talba sussegwenti għall-kumpens, peress li mir-regoli nazzjonali tal-proċedura ċivili tal-Latvja jirriżulta li talba sussegwenti tista’ tiġi kkunsidrata biss wara l-eżami tat-talba inizjali, u l-fatti aċċettati fir-raġunijiet tad-deċiżjoni dwar it-talba inizjali ma jistgħux jerġgħu jiġu eżaminati mill-qorti.

Partijiet terzi jistgħu jitħallew jintervjenu fil-kawża sakemm ikunu tlestew il-proċedimenti dwar il-merti quddiem il-qorti tal-prim’istanza. Jistgħu wkoll jintalbu jipparteċipaw fil-proċedimenti fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew tal-prosekutur. Skont in-natura u l-grad tal-interess tagħhom, il-partijiet terzi huma kklassifikati bħala (a) partijiet terzi b’talba indipendenti; jew (b) partijiet terzi mingħajr talba indipendenti.

Il-partijiet terzi li jippreżentaw talba indipendenti b’rabta mas-suġġett tal-kawża jistgħu jintervjenu b’rikors: fil-prinċipju, it-talba indipendenti tagħhom hija direzzjonata kemm kontra l-intimat kif ukoll kontra r-rikorrent. Huma għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħar-rikorrent (ara l-Artikolu 79 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili). Il-pożizzjoni ta’ parti terza b’talba indipendenti hija differenti minn dik ta’ parti li tappoġġa lir-rikorrenti jew lir-rikorrent konġunt, minħabba l-fatt li t-talbiet ta’ dik il-parti ma jkunux jopponu lil xulxin, billi fil-prinċipju l-issodisfar tat-talba tal-parti terza jipprekludi l-issodisfar tat-talba tar-rikorrenti.

Il-partijiet terzi li ma jippreżentawx talba indipendenti b’rabta mas-suġġett tal-kawża jistgħu jintervjenu b’appoġġ kemm tar-rikorrent kif ukoll tal-intimat jekk is-sentenza tal-kawża tista’ taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi tal-intervenjent fir-rigward ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża. Il-partijiet terzi li ma jippreżentawx talba indipendenti għandhom l-istess drittijiet u obbligi proċedurali bħall-partijiet fil-kawża ħlief li ma jistgħux ibiddlu r-raġunijiet tat-talba jew is-suġġett, iżidu jew inaqqsu l-portata tat-talba, jirtiraw ir-rikors, jirrikonoxxu t-talbiet, jikkonkludu tranżazzjonijiet jew jitolbu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-qorti. Is-sottomissjonijiet li jitolbu s-sejħa ta’ partijiet terzi, u s-sottomissjonijiet mill-partijiet terzi li jitolbu li jintervjenu b’appoġġ tar-rikorrent jew tal-intimat, iridu jistabbilixxu r-raġunijiet biex tissejjaħ il-parti terza jew biex jingħatalha il-permess li tintervjeni fil-kawża (l-Artikolu 80 tal-Liġi dwar il-proċedura ċivili). Il-partijiet terzi mingħajr talba indipendenti normalment jintervjenu f’kawżi fejn ikun hemm possibbiltà li waħda mill-partijiet sussegwentement tfittex rimedju mingħandhom, jew f’kawżi relatati, inkella f’kawżi fejn il-parti terza stess tista’ tiftaħ kawża sussegwenti skont l-eżitu tal-kawża inizjali.

Konsegwentement, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 78 sa 81 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jirriżulta li s-sentenza f’kawża li fiha parti terza tipparteċipa hija vinkolanti fuq il-parti terza, u s-sentenza tista’ tiġi eżegwita kontra l-parti terza (jew il-parti terza tista’ titlob l-eżekuzzjoni tas-sentenza), biss f’dawk il-kawżi fejn il-parti terza tkun ressqet talba indipendenti. Madankollu, is-sentenza tipproduċi effetti legali għall-parti terza fi kwalunkwe każ, fis-sens li l-fatti stabbiliti f’dik is-sentenza huma vinkolanti fir-rigward ta’ kwalunkwe talba ibbażata fuq il-proċediment inizjali.

L-Artikolu 74 – Deskrizzjoni tar-regoli u l-proċeduri nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni

Id-deċiżjonijiet u s-sentenzi tal-Qorti f’kawżi extraġudizzjarji għandhom jiġu eżegwiti ladarba jiksbu forza legali, sakemm, skont il-liġi jew sentenza tal-qorti, huma eżegwibbli immedjatament. Jekk jiġi ffissat limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni volontarja ta’ sentenza tal-qorti iżda s-sentenza ma tiġix eżegwita, il-qorti toħroġ ordni ta’ eżekuzzjoni wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien tal-eżekuzzjoni volontarja. L-uffiċjali ġudizzjarji reġistrati huma awtorizzati jibdew l-attivitajiet tal-eżekuzzjoni abbażi ta’ struzzjonijiet tal-eżekuzzjoni.

L-ordnijiet ta’ eżekuzzjoni jinħarġu lir-rikorrenti fuq talba tagħhom mill-qorti li tkun qed tittratta l-kawża. Tinħareġ ordni ta’ eżekuzzjoni għal kull sentenza. Jekk sentenza għandha tiġi eżegwita f’postijiet differenti, li parti minnha hija eżegwibbli immedjatament, favur għadd ta’ rikorrenti jew kontra għadd ta’ intimati, il-qorti toħroġ għadd ta’ ordnijiet ta’ eżekuzzjoni fuq talba tar-rikorrent. Meta jinħarġu diversi ordnijiet ta’ eżekuzzjoni, il-post tal-eżekuzzjoni jew il-parti tas-sentenza li għandha tiġi eżegwita skont dik l-ordni għandha tiġi indikata b’mod preċiż f’kull waħda minnhom, iżda fil-każ ta’ rkupru in solidum, għandu jiġi indikat l-intimat li kontrih jintalab l-irkupru skont l-ordni.

L-Artikolu 75 (a) – L-ismijiet u dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jridu jitressqu l-applikazzjonijiet skont l-Artikoli 36(2), 45(4) u 47(1)

Fil-Latvja, il-qorti distrettwali jew il-qorti distrettwali tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) fil-ġurisdizzjoni fejn jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet.

Ir-rikorsi għar-rikonoxximent jew għar-rifjut tar-rikonoxximent (l-Artikolu 36(2) u l-Artikolu 45) għandhom jiġu ppreżentati lill-qorti distrettwali (jew lill-qorti distrettwali tal-belt) fil-ġurisdizzjoni fejn jiġu eżegwiti s-sentenzi jew lill-qorti distrettwali (jew lill-qorti distrettwali tal-belt) fil-ġurisdizzjoni fejn jinsab il-post tar-residenza ddikjarat tal-intimat. Madankollu, jekk ma jkunx hemm post tar-residenza ddikjarat, ir-rikorsi jiġu ppreżentati lill-qorti fil-ġurisdizzjoni fejn jinsab il-post tar-residenza jew l-indirizz irreġistrat tal-intimat.

L-Artikolu 75 (b) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom irid jitressaq l-appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rifjut ta' eżekuzzjoni skont l-Artikolu 49(2)

Fil-Latvja, il-qorti reġjonali (apgabaltiesa), permezz tal-qorti distrettwali (jew il-qorti distrettwali tal-belt) li tat id-deċiżjoni.

L-Artikolu 75 (c) – L-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-qrati li quddiemhom jista' jitressaq appell ulterjuri skont l-Artikolu 50

mhux applikabbli.

L-Artikolu 75 (d) – Il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet taċ-ċertifikati dwar is-sentenzi, l-istrumenti awtentiċi u l-ftehimiet bil-qorti

mhux rilevanti.

L-Artikolu 76(1)(a) – Ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni msemmija fl-Artikoli 5(2) u 6(2) tar-Regolament

Fil-Latvja,

it-tieni paragrafu tal-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jekk il-post tar-residenza tal-intimat ma jkunx magħruf, jew jekk l-intimat ma jkollux post tar-residenza permanenti fil-Latvja, tista’ titressaq kawża fil-qorti tal-post fejn ikollu proprjetà immobbli, jew fil-qorti tal-aħħar post tar-residenza magħruf;

it-tielet paragrafu tal-Artikolu 28 tal-istess liġi, li permezz tiegħu r-rikorrent jista’ jippreżenta talba li tirriżulta minn korrimenti personali bbażati fil-post tar-residenza tiegħu jew fil-post li fih ġew imġarrba l-korrimenti;

il-ħames paragrafu tal-Artikolu 28 tal-istess liġi, li permezz tiegħu tista’ tiġi ppreżentata talba għall-irkupru ta’ proprjetà jew għall-kumpens għall-valur tagħha abbażi tal-post tar-residenza ddikjarat tar-rikorrent;

is-sitt paragrafu tal-istess liġi, li permezz tiegħu t-talbiet marittimi jistgħu jiġu ppreżentati wkoll abbażi tal-post fejn inqabad il-bastiment tal-intimat;

id-disa’ paragrafu tal-Artikolu 28 tal-istess liġi, li permezz tiegħu r-rikorrent jista’ jippreżenta talba li tirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg abbażi tal-post tar-residenza jew tal-post tax-xogħol iddikjarat tiegħu.

L-Artikolu 76(1)(b) – Ir-regoli dwar in-notifika ta' terzi msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament

Skont l-Artikolu 640 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, deċiżjoni għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti barranija jew deċiżjoni għar-rifjut ta’ rikors għandha tittieħed minn imħallef wieħed abbażi tar-rikors ippreżentat u d-dokumenti annessi miegħu fi żmien għaxart ijiem minn meta titressaq il-kawża mingħajr ma tistieden lill-partijiet.

L-Artikolu 76(1)(c) – Il-Konvenzjonijiet msemmija fl-Artikolu 69 tar-Regolament

  • Il-Ftehim tat-11 ta’ Novembru 1992 dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja.
  • Il-Ftehim tat-23 ta’ Frar 1994 dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’materji ċivili, familjari, tax-xogħol u kriminali bejn ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja.
L-aħħar aġġornament: 19/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.