

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Id-dritt internazzjonali privat fl-Iżvezja huwa kodifikat parzjalment biss, u jikkonsisti minn taħlita tal-liġi statutorja u tal-ġurisprudenza. Il-liġi statutorja fil-maġġoranza tagħha hija mmirata biex tagħti effett lil konvenzjonijiet internazzjonali li l-Iżvezja hija msieħba magħhom. Il-leġiżlazzjoni prinċipali hija kif ġej:
Żwieġ u tfal
Wirt
Kuntratti u xiri
Kumpens għal korriment
Liġi tal-insolvenza
L-Iżvezja hija parti mill-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li ġejjin li jistabbilixxu regoli li jiddeterminaw id-dritt applikabbli. L-Iżvezja tieħu approċċ "duwalist" għal trattati internazzjonali, li jfisser li konvenzjonijiet multilaterali jridu jiġu inkorporati wkoll fil-liġi domestika Żvediża: ara hawn fuq.
Il-Lega tan-Nazzjonijiet
Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat
L-Unjoni Ewropea
Konvenzjonijiet Nordiċi
Ma hemm l-ebda regola fil-liġi Żvediża li tirrikjedi lil qorti li tapplika liġi barranija ex officio. Il-kwistjoni ġiet indirizzata prinċipalment fil-ġurisprudenza, u jidher li hemm diviżjoni bejn proċedimenti dwar kwistjonijiet li l-partijiet ikunu liberi li jsolvu barra mill-qorti (dispositiva mål) u proċedimenti dwar kwistjonijiet li jistgħu jiġu determinati biss minn qorti (indispositiva mål). F'każijiet ta' litigazzjoni ċivili meta l-partijiet ikunu intitolati jilħqu soluzzjoni bejniethom, jidher li l-liġi barranija tiġi applikata biss jekk waħda mill-partijiet tinvokaha. Kien hemm ħafna każijiet b'element barrani ċar li fihom il-liġi Żvediża ġiet applikata mingħajr mistoqsija minħabba li l-ebda parti ma invokat il-liġi barranija. Fi proċedimenti fejn ma tkunx possibbli soluzzjoni barra mill-qorti, min-naħa l-oħra, li jinvolvu l-istabbiliment ta' paternità, pereżempju, kien hemm każijiet fejn il-qrati applikaw liġi barranija ex officio.
Id-dritt internazzjonali privat Żvediż bħala regola ġenerali ma jaċċettax id-duttrina tar-rinviju. Madankollu, hemm eċċezzjoni fl-Artikolu 79(2) tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58(2) tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet, rigward il-kapaċità ta' ċittadini barranin li jidħlu fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet. Ir-raġuni hija li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Hemm eċċezzjoni oħra fl-Artikolu 9(2) tal-Att dwar l-Effetti ta' Insolvenzi li jiġru f'Pajjiż ieħor Nordiku. Finalment, dwar il-validità formali ta' żwieġ, rinviju huwa rikonoxxut fl-Artikolu 1(7) tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela.
Id-dritt internazzjonali privat Żvediż ma għandux regola ġenerali għall-effett ta' kambjament fil-fattur ta' konnessjoni: il-kwistjoni hija speċifikament regolata f'kull statut separat. Pereżempju, l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali li jirrigwardaw Relazzjonijiet ta' Proprjetà bejn Konjuġi jew Koabitanti jiddikjara li "Jekk id-dritt applikabbli ma ġiex determinat bi ftehim, id-dritt applikabbli għandu jkun il-liġi tal-Istat li fih il-konjuġi kellhom ir-residenza abitwali tagħhom (hemvist) meta żżewġu", u l-Artikolu 4(2) tal-istess Att jgħid li "Jekk iż-żewġ konjuġi sussegwentement stabbilew residenza abitwali fi Stat ieħor u għexu hemm għal mill-inqas sentejn, għandha tapplika l-liġi ta' dak l-Istat".
Huwa meqjus bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali privat Żvediż li dispożizzjoni tal-liġi barranija ma għandhiex tiġi applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tkun inkompatibbli b’mod ċar mal-aspetti fundamentali tas-sistema ġuridika f’dan il-pajjiż. Id-dispożizzjonijiet għal dan l-għan jistgħu jinsabu f’ħafna leġiżlazzjoni tad-dritt internazzjonali privat, iżda ma għandux jiġi inferit li restrizzjoni tal-ordni pubbliku tirrikjedi bażi fil-leġiżlazzjoni. Kien hemm ftit sentenzi li sabu li l-liġi barranija ma setgħetx tiġi applikata minħabba l-ordni pubbliku.
Id-determinazzjoni ta’ liem regoli tal-liġi Żvediża huma obbligatorji ġeneralment hija kwistjoni għall-ġudikatura.
Jekk il-qorti ssib li liġi barranija hija applikabbli, u l-qorti ma tkunx midħla tad-dispożizzjonijiet sostantivi tas-sistema barranija tal-liġi, hemm żewġ metodi li tista' tagħżel minnhom. Jew twettaq investigazzjoni hija stess, jew titlob lil parti biex tippreżenta l-informazzjoni neċessarja. L-alternattiva tingħażel skont dak li huwa l-iktar espedjenti. Jekk il-qorti tiddeċiedi li tinvestiga l-kwistjoni hi stess, hija tista’ tikseb l-assistenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja. B’mod ġenerali, il-qorti jkollha rwol iktar attiv fil-proċedimenti li jistgħu jiġu deċiżi biss minn qorti (ara hawn fuq); fi proċedimenti fejn il-partijiet ikunu liberi li jsibu soluzzjoni bejniethom, f’ħafna mill-każijiet il-qorti tista’ tħalli l-investigazzjoni lill-partijiet.
L-Iżvezja hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali. F’xi oqsma japplikaw regoli tal-liġi oħra. Ir-Regolament Ruma I jieħu post il-Konvenzjoni f'dak li jirrigwarda kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009.
Il-bejgħ ta’ oġġetti huwa rregolat mill-Att dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ ta’ Oġġetti, li jinkorpora l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għal Bejgħ Internazzjonali ta’ Oġġetti fil-liġi domestika. L-Att għandu preċedenza fuq ir-regoli fir-Regolament Ruma I. Madankollu ma jkoprix kuntratti konklużi minn konsumaturi. L-Artikolu 3 jippermetti li x-xerrej u l-bejjiegħ jiddeterminaw il-liġi applikabbli bi ftehim. L-Artikolu 4 jiddikjara li jekk il-partijiet ma jagħżlux il-liġi applikabbli, il-liġi li tapplika tkun dik tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-bejjiegħ. Hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola jekk il-bejjiegħ jaċċetta l-ordni fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tax-xerrej, u għal xiri fuq skambju jew fi rkant.
Hemm eċċezzjoni oħra mir-regoli tar-Regolament Ruma I għal xi kuntratti tal-konsumaturi. Hemm regoli speċjali maħsuba biex jipproteġu l-konsumaturi minn klawżoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli fl-Artikolu 48 tal-Att dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur, l-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Konsumaturi, il-Kapitolu 1, l-Artikolu 4, tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur fi Ftehimiet dwar Timeshares Residenzjali jew Prodotti tal-Btajjel fuq Terminu Twil, u l-Kapitolu 3, l-Artikolu 14, tal-Att dwar il-Kuntratti mill-Bogħod u Bejgħ Bieb Bieb. Huma jipprovdu li taħt ċerti ċirkostanzi għandha tiġi applikata l-liġi ta’ pajjiż ŻEE jew toffri protezzjoni aħjar għall-konsumatur.
Hemm regoli speċifiċi għal kambjali u ċekkijiet fl-Artikoli 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikoli 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet. Dawn huma bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1930 għas-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni ma’ Kambjali u Ċedoli u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1931 dwar is-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni maċ-Ċekkijiet.
Ċerti kuntratti tal-assigurazzjoni tal-indennizz huma regolati mill-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċerti Kuntratti tal-Assigurazzjoni.
Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali hija regolata mir-Regolament Ruma II.
Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż il-fattur ta' konnessjoni deċiżiv għall-istabbiliment ta’ status personali dejjem kien in-nazzjonalità. Iżda issa tant hemm każijiet fejn in-nazzjonalità kellha ċċedi postha għal residenza abitwali bħala l-fattur ta' konnessjoni prinċipali li huwa dubjuż jekk għadx hemm fattur ta' konnessjoni prinċipali għall-istatus personali. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, “l-istatus personali” huwa mifhum li jinkludi essenzjalment mistoqsijiet ta’ kapaċità u isem ġuridiċi.
Skont il-Kapitolu 1, l-Artikolu 1, tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela, il-kapaċità li persuna tiżżewweġ quddiem awtorità Żvediża fil-prinċipju għandha tiġi stabbilita skont il-liġi Żvediża jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet tkun ċittadin Żvediż jew tkun resident abitwali fl-Iżvezja. Regoli simili japplikaw fil-qafas Nordiku skont l-Artikolu 1 tal-Ordinanza dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela.
Fil-Kapitoli 4 u 5 tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u t-Tutela u fl-Artikoli 14-21a tal-Ordinanza dwar Ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ, Adozzjoni u Tutela jeżistu regoli speċjali dwar it-tutela u l-kurazija.
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kapaċità li tkun parti f'kuntratt, tingħata tweġiba parzjali mill-Artikolu 13 tar-Regolament Ruma I. Il-kapaċità li wieħed jidħol fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet hija regolata minn regoli speċjali fl-Artikolu 79 tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet.
Hemm regola speċjali dwar il-kapaċità li tħarrek jew li titħarrek fil-Kapitolu 11, l-Artikolu 3, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), li tiddikjara li barrani li f'pajjiżu ma jistax iwettaq proċedimenti legali jista' madankollu jagħmel dan fl-Iżvezja jekk ikollu l-kapaċità skont il-liġi Żvediża.
Id-dritt internazzjonali privat Żvediż iqis kwistjonijiet ta' isem bħala li jagħmlu parti mil-liġi tal-istatus personali. Dan ifisser, pereżempju, li meta konjuġi jieħu l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor dan ma jkunx ikklassifikat bħala kwistjoni tal-effetti legali taż-żwieġ fl-isfera personali. Skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-Ismijiet Personali (namnlagen, 1982:670), l-Att ma japplikax għal ċittadini Żvediżi li huma residenti abitwali fid-Danimarka, in-Norveġja jew il-Finlandja; għall-kuntrarju, jista' jiġi determinat li japplika għal ċittadini Żvediżi f'pajjiżi oħra. L-Artikolu 51 tiddikjara li l-Att japplika wkoll għal ċittadini barranin li huma residenti abitwali fl-Iżvezja.
Id-dritt sostantiv Żvediż ma jagħmilx differenza bejn tfal leġttimi u dawk illeġittimi, u d-dritt internazzjonali privat Żvediż ma għandu l-ebda regola speċifika dwar il-konflitt ta' liġijiet biex jiġi determinat jekk wild għandux jitqies bħala mwieled ġewwa jew barra ż-żwieġ, jew jekk wild jistax isir leġittimat sussegwentement.
Fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-istabbiliment tal-paternità, hemm regoli differenti għall-preżunzjoni ta’ paternità u għall-istabbiliment tal-paternità minn qorti jew liġi. Il-preżunzjoni ta' paternità hija regolata mill-Artikolu 2 tal-Att dwar Kwistjonijiet Internazzjonali dwar Paternità. Dan jistipula li raġel li huwa jew kien miżżewweġ lill-omm ta' wild huwa meqjus li huwa missier il-wild jekk din hija l-konsegwenza tal-liġi tal-Istat li l-wild sar residenti abitwali tiegħu mat-twelid, jew, fejn din il-liġi ma tqisx lil ħadd bħala missier, jekk hija l-konsegwenza tal-liġi tal-Istat li l-wild sar ċittadin tiegħu mat-twelid. Jekk ir-residenza abitwali tal-wild mat-twelid tkun l-Iżvezja, madankollu, il-mistoqsija dejjem tkun deċiża skont il-liġi Żvediża. Jekk il-paternità trid tiġi stabbilita fil-qorti, il-qorti tapplika l-liġi tal-pajjiż li il-wild kien resident abitwali tiegħu fiż-żmien tas-sentenza fl-ewwel istanza.
Skont l-Artikolu 2(1) tal-Att dwar Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Adozzjoni, qorti Żvediża li tqis applikazzjoni għall-adozzjoni għandha tapplika l-liġi Żvediża. L-Artikolu 2(2) tispjega, madankollu, li jekk l-applikazzjoni tirrigwarda wild ta' età taħt it-18-il sena, il-qorti trid tqis jekk l-applikant jew il-wild humiex konnessi ma' Stat barrani bin-nazzjonalità, ir-residenza abitwali jew mod ieħor, u jekk dan jistax jiġi mistenni li jikkawża diffikultà għall-wild jekk l-adozzjoni ma tkunx rikonoxxuta f'dak il-pajjiż.
Fir-rigward tal-effetti legali tal-adozzjoni, meta ordni ta' adozzjoni barranija tkun valida fl-Iżvezja, il-wild adottat jiġi meqjus bħala l-wild tal-ġenitur adottiv fi żwieġ Żvediz għall-għanijiet ta' kustodja, tutela u manteniment. F'każ ta' suċċessjoni, madankollu, il-liġi tirrikjedi trattament indaqs tat-tfal adottati u tat-tfal proprji tal-ġenitur adottiv biss jekk l-adozzjoni tkun seħħet fl-Iżvezja. Jekk l-adozzjoni tkun seħħet barra mill-pajjiż, l-intitolament tal-wild adottiv li jiret jiġi kkunsidrat skont il-liġi li ġeneralment tirregola l-intitolament li wieħed jiret, jiġifieri l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità.
Il-mistoqsija tal-liġi applikabbli għall-manteniment tat-tfal hija regolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma regolati mil-liġi tal-Istat fejn il-wild huwa resident abitwali. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata li tipprovdih skont dik il-liġi, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi tal-pajjiż fejn tkun il-qorti. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata tipprovdih skont waħda minn dawk il-liġijiet, u ż-żewġ partijiet ikunu ċittadini tal-istess Stat, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi ta' dak l-Istat.
Fir-rigward tal-kapaċità li persuna tiżżewweġ, ara l-punt 3.3 hawn fuq. Ir-regola ġenerali hija li żwieġ jitqies li jkun validu fil-forma tiegħu jekk ikun validu fil-pajjiż fejn ġie ċċelebrat (il-Kapitolu 1, l-Artikolu 7, tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela).
L-effetti legali taż-żwieġ jistgħu jiġu maqsuma f'żewġ kategoriji prinċipali, dawk fl-isfera personali u dawk relatati mal-proprjetà tal-konjuġi (ara l-punt 3.6 hawn taħt). L-effett prinċipali taż-żwieġ f'termini personali huwa li l-konjuġi għandhom obbligu reċiproku li jmantnu lil xulxin. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, mistoqsijiet tal-intitolament tal-konjuġi li jirtu, l-akkwiżizzjoni tagħhom tal-kunjom tal-konjuġi l-ieħor jew id-dover tagħhom li jmantnu l-konjuġi l-ieħor mhumiex meqjusa bħala effetti legali taż-żwieġ, u l-liġi applikabbli hija determinata mir-regoli ta' konflitt ta' liġijiet li jirregolaw il-wirt, il-kunjomijiet personali eċċ.
Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-manteniment ta' konjuġi hija regolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma regolati mil-liġi tal-Istat fejn il-parti bl-obbligu li tipprovdi manteniment tkun resident abitwali. Jekk xi ħadd mill-konjuġi joġġezzjona kontra l-applikazzjoni ta' dik il-liġi, u l-liġi ta' Stat ieħor ikollha konnessjoni iktar mill-qrib għaż-żwieġ (speċjalment il-liġi tal-Istat fejn kellhom ir-residenza abitwali konġunta l-iktar reċenti), għandha tiġi applikata l-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor.
F'mistoqsijiet ta' divorzju, il-Kapitolu 3, l-Artikolu 4(1), tal-Att dwar ċerti Relazzjoniijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u t-Tutela juri li l-qrati Żvediżi għandhom japplikaw l-liġi Żvediża. L-Artikolu 4(2) jagħmel eċċezzjoni jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma kien resident abitwali fl-Iżvezja għal mill-inqas sena.
Il-liġi sostantiva Żvediża ma tikkontemplax l-istituzzjonijiet legali tas-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, u ġeneralment ma hemm l-ebda regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet appikabbli li jistgħu japplikaw għal dawn il-każijiet. Sa fejn huma kkonċernati l-pajjiżi Nordiċi, l-Artikolu 9 tal-Ordinanza dwar ċerti Relazzjoni Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ, Adozzjoni u Tutela tiddikjara li f'każijiet ta' separazzjoni legali l-qorti għandha tapplika l-liġi tagħha.
Il-liġi applikabbli għall-proprjetà ta' persuni miżżewġa hija regolata fl-Att dwar ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali li jirrigwardaw Relazzjonijiet ta' Proprjetà bejn Konjuġi jew Koabitanti. L-Artikolu 3 tal-Att jippermetti li persuni miżżewġa jew koppji li qed jaħsbu biex jiżżewġu jkunu jistgħu jikkonkludu ftehim bil-miktub li jistipula li s-sistema li tirregola l-beni matrimonjali tagħhom għandha tiġi regolata mil-liġi ta' pajjiż li wieħed minnhom ikun resident abitwali jew ċittadin tiegħu fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim.
Jekk il-konjuġi ma jkunux daħlu fi ftehim validu tal‑għażla tal‑liġi applikabbli, l-Artikolu 4 tal-Att jiddikjara li l-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ. Jekk iż-żewġ konjuġi sussegwentment jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż ieħor, u jgħixu hemm għal mill-inqas sentejn, minflok tiġi applikata l-liġi ta' dak il-pajjiż. Jekk iż-żewġ konjuġi diġà kienu residenti abitwali f'dak l-Istat matul iż-żwieġ tagħhom, jew jekk it-tnejn li huma jkunu ċittadini ta' dak l-Istat, il-liġi ta' dak l-Istat tiġi applikata mill-mument li jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom hemmhekk.
L-Artikolu 5 tal-Att jiddikjara li ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli jkun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi applikabbli għal-proprjetà tal-konjuġi meta sseħħ it-tranżazzjoni. Jekk il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli jiġi konkluż qabel iż-żwieġ, ikun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi li ssir applikabbli meta l-konjuġi jiżżewġu. Ftehim dwar l-għażla tal‑liġi applikabbli jkun validu fil-forma jekk jissodisfa l-ħtiġijiet formali tal-liġi fl-Istat fejn jiġi konkluż jew fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali.
Għal kawżi Nordiċi hemm regoli speċjali stabbiliti fl-Ordinanza dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela.
Il-mistoqsija tal-kunflitti tal-liġijiet rigward it-testmenti u s-suċċessjonijiet hija regolata mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fir-Regolament japplikaw irrispettivament minn jekk ir-rabta internazzjonali hijiex ma' Stat Membru jew kwalunkwe Stat ieħor.
Għall-validità formali ta' testment, madankollu, hemm dispożiżżjonijiet speċjali fil-Kapitolu 2, l-Artikolu 3, tal-Att dwar is-Suċċessjoni f'Sitwazzjonijiet Internazzjonali (Lagen (2015: 417) om arv i internationella situationer), li jinkorpora fil-liġi domestika l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet rigward l-Għamla tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji. Testment huwa meqjus validu fil-forma jekk il-forma tiegħu tikkonforma mal-liġi tal-post fejn ikun għamlu t-testatur, jew jekk le tal-post fejn it-testatur kellu r-residenza abitwali tiegħu, jew ta' post li t-testatur kien ċittadin tiegħu, jew fiż-żmien li sar jew fiż-żmien ta' mewtu. Dispożizzjoni li tirrigwarda l-proprjetà immobbli hija valida fil-forma jekk il-forma tagħha tikkonforma mal-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà. L-istess regola tapplika għar-revoka tat-testmenti. Revoka hija valida wkoll jekk tikkonforma ma' kwalunkwe mil-liġijiet li skont it-termini tagħha t-testment kien validu fil-forma.
Fil-liġi tal-proprjetà hemm miktubin regoli dwar l-għażla tal-liġi għal ċerti każijiet biss dwar bastimenti u inġenji tal-ajru, strumenti finanzjarji u oġġetti kulturali mneħħija kontra l-liġi, u għal ċerti sitwazzjonijiet regolati fil-Konvenzjoni Nordika ta' Insolvenza u r-Regolament ta' Insolvenza.
L-effetti fil-liġi tal-proprjetà ta' xiri jew self ipotekarju ta' proprjetà mobbli jew immobbli, pereżempju, għandhom jiġu determinati skont il-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà fil-mument tax-xiri jew tas-self ipotekarju. Dik il-liġi tiddetermina n-natura ta' kwalunkwe dritt ta' proprjetà, kif kull dritt ta' proprjetà jibda u jintemm, xi ħtiġijiet formali jista' jkun hemm u xi drittijiet jikkonferixxi d-dritt ta' proprjetà kontra partijiet terzi.
Fir-rigward ta' drittijiet ta' garanzija barranin, fil‑ġurisprudenza hemm stabbilit li jekk fil-mument li nħoloq dritt ta' garanzija l-bejjiegħ kien jaf li l-proprjetà kellha tittieħed fl-Iżvezja, u d-dritt ta' garanzija ma kienx validu fl-Iżvezja, il-bejjiegħ minflok kellu jikseb garanzija li kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi Żvediża. Barra minn hekk, dritt tal-garanzija barrani ma jingħatax effett legali jekk jgħaddi ż-żmien minn meta l-proprjetà ttieħdet fl-Iżvezja. Huwa meqjus li l-kreditur barrani kellu żmien jew biex jikseb garanzija ġdida jew biex jirkupra d-dejn.
F'insolvenza Żvediża l-liġi Żvediża hija applikabbli għall-proċedimenti nnifishom jew għal kwistjonijiet oħra ta' insolvenza bħall-kundizzjonijiet għal proċedimenti istitwenti.
F'każijiet li jinvolvu pajjiż Nordiku ieħor hemm regoli speċjali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli li huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza tal-1933 u li huma inkorporati fil-liġi Żvediża skont il-leġiżlazzjoni adottata fl-1981. Fir-rigward tal-Finlandja, madankollu, japplika r-Regolament dwar l-Insolvenza (ara hawn taħt); u fir-rigward tal-Iżlanda, ir-regoli huma dawk ta' leġiżlazzjoni iktar antika datata mill-1934. Ir-regola ġenerali tal-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza hija li proċediment ta' insolvenza fi Stat kontraenti jinkludi l-proprjetà li hija ta' debitur li tinsab fi Stat ieħor kontraenti. Kwistjonijiet bħad-dritt ta' debitur li jikkontrolla l-proprjetà tiegħu u dak li għandu jiġi inkluż fil-proprjetà ta' insolvenza huma ġeneralment regolati bil-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ il-proċediment ta' insolvenza.
Hemm regoli speċjali għal kwistjonijiet li jinvolvu Stati Membri tal-UE oħrajn fir-Regolament ta' Insolvenza.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.