Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Id-dritt internazzjonali privat fl-Iżvezja huwa kodifikat parzjalment biss, u jikkonsisti minn taħlita tal-liġi statutorja u tal-ġurisprudenza. Il-liġi statutorja fil-maġġoranza tagħha hija mmirata biex tagħti effett lil konvenzjonijiet internazzjonali li l-Iżvezja hija msieħba magħhom. Il-leġiżlazzjoni prinċipali hija kif ġej:

Żwieġ u tfal

  • Il-Kapitolu 3, l-Artikoli 4 u 6 tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Ġuridiċi Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela (Lagen (1904:26 s. 1) om vissa internationella rättsförhållanden rörande äktenskap och förmynderskap, magħruf ukoll bit-taqsira Żvediża 'IÄL')
  • L-Artikoli 9, 12 u 13 tal-Ordinanza dwar ċerti Relazzjonijiet Ġuridiċi Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ, Adozzjoni u Tutela (Förordningen (1931:429) om vissa internationella rättsförhållanden rörande äktenskap, adoption och förmynderskap, ‘NÄF’)
  • L-Artikolu 2 tal-Att dwar Relazzjonijiet Ġuridiċi Internazzjonali fir-rigward tal-Adozzjoni (Lagen (1971:796) om internationella rättsförhållanden rörande adoption, ‘IAL’)
  • L-Artikoli 2, 3 u 6 tal-Att dwar il-Kwistjonijiet ta' Paternità Internazzjonali (Lagen (1985:367) om internationella faderskapsfrågor, ‘IFL’)
  • L-Artikoli 3-5 tal-Att dwar ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali rigward Relazzjonijiet ta' Proprjetà bejn Konjuġi jew Koabitanti (Lagen (1990:272) om internationella frågor rörande makars och sambors förmögenhetsförhållanden, ‘LIMF’)
  • L-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 (Lagen (2012:318) om 1996 års Haagkonvention) u l-Artikoli 15-22 tal-istess Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward ta' Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal
  • L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment u l-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment

Wirt

  • L-Artikoli 20-38 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

Kuntratti u xiri

  • Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali ("ir-Regolament Ruma I")
  • L-Artikoli 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali (Växellagen 1932:130)
  • L-Artikoli 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet (Checklagen 1932:131)
  • L-Att dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ ta' Oġġetti (Lagen (1964:528) om tillämplig lag beträffande köp av lösa saker, ‘IKL’)
  • L-Artikoli 25a, 31a u 42a tal-Att dwar il-Kodeterminazzjoni fuq il-Post tax-Xogħol (Lagen (1976:580) om medbestämmande i arbetslivet, ‘MBL’)
  • L-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal ċerti Kuntratti tal-Assigurazzjoni (Lagen (1993:645) om tillämplig lag för vissa försäkringsavtal)
  • Il-Kapitolu 13, l-Artikolu 4, u l-Kapitolu 14, l-Artikolu 2, tal-Kodiċi tat-Trasport Marittimu (Sjölagen 1994:1009)
  • L-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Konsumaturi (Lagen (1994:1512) om avtalsvillkor i konsumentförhållanden)
  • Il-Kapitolu 1, l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fi Ftehimiet dwar Timeshares Residenzjali jew Prodotti tal-Btajjel fuq Terminu Twil (Lagen (2011:914) om konsumentskydd vid avtal om tidsdelat boende eller långfristig semesterprodukt)
  • Il-Kapitolu 2, l-Artikolu 14, tal-Att dwar Kuntratti ta' Distanza u Bejgħ Bieb Bieb (Lagen (2005:59) om distansavtal och avtal utanför affärslokaler)
  • L-Artikolu 48 tal-Att dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur (Konsumentköplagen 1990:932)

Kumpens għal korriment

  • Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali ("ir-Regolament Ruma II")
  • L-Artikoli 8, 14 u 38 tal-Att dwar il-Korrimenti tat-Traffiku tat-Triq (Trafikskadelagen 1975:1410)
  • L-Artikolu 1 tal-Att b'konnessjoni mal-Konvenzjoni tad-9 ta' Frar 1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar ir-Ragħa tar-Renniet (Lagen (1972:114) med anledning av konventionen den 9 februari 1972 mellan Sverige och Norge om renbetning)
  • L-Artikolu 1 tal-Att b'konnessjoni mal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent tad-19 ta' Frar 1974 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja (Lagen (1974:268) med anledning av miljöskyddskonventionen den 19 februari 1974 mellan Danmark, Finland, Norge och Sverige)

Liġi tal-insolvenza

  • L-Artikoli 4, 8-11, 14, 15, 28 u 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar proċedimenti ta' falliment ("ir-Regolament ta' Insolvenza") (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regolament emendat li għandu jiħdol fis-seħħ fis-sajf 2015)
  • L-Artikoli 1, 3 u 5-8 tal-Att li jistabbilixxi r-Regoli li jirregolaw l-Insolvenzi li jinvolvu l-Proprjetà fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda jew in-Norveġja (Lag (1934:67) med bestämmelser om konkurs, som omfattar egendom i Danmark, Finland, Island eller Norge)
  • L-Artikoli 1, 4-9 u 13 tal-Att li jikkonċerna l-Effetti li jikkonċernaw l-Insolvenzi li jiġru fid-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda jew in-Norveġja (Lag (1934:68) om verkan av konkurs, som inträffat i Danmark, Finland, Island eller Norge)
  • L-Artikoli 1, 3-8 u 12 tal-Att dwar l-Insolvenzi li jinvolvu l-Proprjetà f'Pajjiż ieħor Nordiku (Lag (1981:6) om konkurs som omfattar egendom i annat nordiskt land)
  • L-Artikoli 1, 4-9, 13 u 14 tal-Att dwar l-Effetti tal-Insolvenzi li jiġru f'Pajjiż ieħor Nordiku (Lag (1981:7) om verkan av konkurs som inträffat i annat nordiskt land)

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

L-Iżvezja hija parti mill-konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li ġejjin li jistabbilixxu regoli li jiddeterminaw id-dritt applikabbli. L-Iżvezja tieħu approċċ "duwalist" għal trattati internazzjonali, li jfisser li konvenzjonijiet multilaterali jridu jiġu inkorporati wkoll fil-liġi domestika Żvediża: ara hawn fuq.

Il-Lega tan-Nazzjonijiet

  • Il-Konvenzjoni tal-1930 għas-Soluzzjoni ta' ċerti Konflitti tal-Liġijiet b'konessjoni mal-Kambjali u ċ-Ċedoli
  • Il-Konvenzjoni tal-1931 għas-Soluzzjoni ta' ċerti Konflitti tal-Liġijiet b'konessjoni maċ-Ċekkijiet

Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat

  • Il-Konvenzjoni tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti
  • Il-Konvenzjoni tal-1961 dwar il-Konflitti tal-Liġijiet li jirrigwardaw il-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji
  • Il-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal
  • Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali

L-Unjoni Ewropea

  • Il-Konvenzjoni tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali (ir-Regolament Ruma I jieħu post il-Konvenzjoni għal kuntratti li jkunu ġew stipulati wara s-17 ta' Diċembru 2009)

Konvenzjonijiet Nordiċi

  • Il-Konvenzjoni tal-1931 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja li tistabbilixxi r-Regoli tad-Dritt Internazzjonali Privat dwar iż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela (emendata l-aħħar b'konvenzjoni ta' emenda tal-2006)
  • Il-Konvenzjoni tal-1933 bejn l-Iżvezja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda u n-Norveġja dwar l-Insolvenza ("il-Konvenzjoni Nordika tal-Insolvenza")
  • Il-Konvenzjoni tal-1934 bejn id-Danimarka, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvezja dwar is-Suċċessjoni, it-Testmenti u l-Amministrazzjoni tal-Wirt (emendata l-aħħar b'konvenzjoni ta' emenda tal-2012)
  • Il-Konvenzjoni tal-1974 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent bejn id-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Iżvezja

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

  • Il-Konvenzjoni tal-1972 bejn l-Iżvezja u n-Norveġja dwar ir-Ragħa tar-Renniet (1972 års konvention mellan Sverige och Norge om renbetning)

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Ma hemm l-ebda regola fil-liġi Żvediża li tirrikjedi lil qorti li tapplika liġi barranija ex officio. Il-kwistjoni ġiet indirizzata prinċipalment fil-ġurisprudenza, u jidher li hemm diviżjoni bejn proċedimenti dwar kwistjonijiet li l-partijiet ikunu liberi li jsolvu barra mill-qorti (dispositiva mål) u proċedimenti dwar kwistjonijiet li jistgħu jiġu determinati biss minn qorti (indispositiva mål). F'każijiet ta' litigazzjoni ċivili meta l-partijiet ikunu intitolati jilħqu soluzzjoni bejniethom, jidher li l-liġi barranija tiġi applikata biss jekk waħda mill-partijiet tinvokaha. Kien hemm ħafna każijiet b'element barrani ċar li fihom il-liġi Żvediża ġiet applikata mingħajr mistoqsija minħabba li l-ebda parti ma invokat il-liġi barranija. Fi proċedimenti fejn ma tkunx possibbli soluzzjoni barra mill-qorti, min-naħa l-oħra, li jinvolvu l-istabbiliment ta' paternità, pereżempju, kien hemm każijiet fejn il-qrati applikaw liġi barranija ex officio.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Id-dritt internazzjonali privat Żvediż bħala regola ġenerali ma jaċċettax id-duttrina tar-rinviju. Madankollu, hemm eċċezzjoni fl-Artikolu 79(2) tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58(2) tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet, rigward il-kapaċità ta' ċittadini barranin li jidħlu fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet. Ir-raġuni hija li dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq konvenzjonijiet internazzjonali. Hemm eċċezzjoni oħra fl-Artikolu 9(2) tal-Att dwar l-Effetti ta' Insolvenzi li jiġru f'Pajjiż ieħor Nordiku. Finalment, dwar il-validità formali ta' żwieġ, rinviju huwa rikonoxxut fl-Artikolu 1(7) tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Id-dritt internazzjonali privat Żvediż ma għandux regola ġenerali għall-effett ta' kambjament fil-fattur ta' konnessjoni: il-kwistjoni hija speċifikament regolata f'kull statut separat. Pereżempju, l-Artikolu 4(1) tal-Att dwar ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali li jirrigwardaw Relazzjonijiet ta' Proprjetà bejn Konjuġi jew Koabitanti jiddikjara li "Jekk id-dritt applikabbli ma ġiex determinat bi ftehim, id-dritt applikabbli għandu jkun il-liġi tal-Istat li fih il-konjuġi kellhom ir-residenza abitwali tagħhom (hemvist) meta żżewġu", u l-Artikolu 4(2) tal-istess Att jgħid li "Jekk iż-żewġ konjuġi sussegwentement stabbilew residenza abitwali fi Stat ieħor u għexu hemm għal mill-inqas sentejn, għandha tapplika l-liġi ta' dak l-Istat".

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Huwa meqjus bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali privat Żvediż li dispożizzjoni tal-liġi barranija ma għandhiex tiġi applikata jekk l-applikazzjoni tagħha tkun inkompatibbli b’mod ċar mal-aspetti fundamentali tas-sistema ġuridika f’dan il-pajjiż. Id-dispożizzjonijiet għal dan l-għan jistgħu jinsabu f’ħafna leġiżlazzjoni tad-dritt internazzjonali privat, iżda ma għandux jiġi inferit li restrizzjoni tal-ordni pubbliku tirrikjedi bażi fil-leġiżlazzjoni. Kien hemm ftit sentenzi li sabu li l-liġi barranija ma setgħetx tiġi applikata minħabba l-ordni pubbliku.

Id-determinazzjoni ta’ liem regoli tal-liġi Żvediża huma obbligatorji ġeneralment hija kwistjoni għall-ġudikatura.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Jekk il-qorti ssib li liġi barranija hija applikabbli, u l-qorti ma tkunx midħla tad-dispożizzjonijiet sostantivi tas-sistema barranija tal-liġi, hemm żewġ metodi li tista' tagħżel minnhom. Jew twettaq investigazzjoni hija stess, jew titlob lil parti biex tippreżenta l-informazzjoni neċessarja. L-alternattiva tingħażel skont dak li huwa l-iktar espedjenti. Jekk il-qorti tiddeċiedi li tinvestiga l-kwistjoni hi stess, hija tista’ tikseb l-assistenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja. B’mod ġenerali, il-qorti jkollha rwol iktar attiv fil-proċedimenti li jistgħu jiġu deċiżi biss minn qorti (ara hawn fuq); fi proċedimenti fejn il-partijiet ikunu liberi li jsibu soluzzjoni bejniethom, f’ħafna mill-każijiet il-qorti tista’ tħalli l-investigazzjoni lill-partijiet.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

L-Iżvezja hija parti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali. F’xi oqsma japplikaw regoli tal-liġi oħra. Ir-Regolament Ruma I jieħu post il-Konvenzjoni f'dak li jirrigwarda kuntratti konklużi wara s-17 ta’ Diċembru 2009.

Il-bejgħ ta’ oġġetti huwa rregolat mill-Att dwar il-Liġi Applikabbli għall-Bejgħ ta’ Oġġetti, li jinkorpora l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1955 dwar il-Liġi Applikabbli għal Bejgħ Internazzjonali ta’ Oġġetti fil-liġi domestika. L-Att għandu preċedenza fuq ir-regoli fir-Regolament Ruma I. Madankollu ma jkoprix kuntratti konklużi minn konsumaturi. L-Artikolu 3 jippermetti li x-xerrej u l-bejjiegħ jiddeterminaw il-liġi applikabbli bi ftehim. L-Artikolu 4 jiddikjara li jekk il-partijiet ma jagħżlux il-liġi applikabbli, il-liġi li tapplika tkun dik tal-pajjiż tar-residenza abitwali tal-bejjiegħ. Hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola jekk il-bejjiegħ jaċċetta l-ordni fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tax-xerrej, u għal xiri fuq skambju jew fi rkant.

Hemm eċċezzjoni oħra mir-regoli tar-Regolament Ruma I għal xi kuntratti tal-konsumaturi. Hemm regoli speċjali maħsuba biex jipproteġu l-konsumaturi minn klawżoli dwar l-għażla tal-liġi applikabbli fl-Artikolu 48 tal-Att dwar il-Bejgħ lill-Konsumatur, l-Artikolu 14 tal-Att dwar il-Kuntratti tal-Konsumaturi, il-Kapitolu 1, l-Artikolu 4, tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur fi Ftehimiet dwar Timeshares Residenzjali jew Prodotti tal-Btajjel fuq Terminu Twil, u l-Kapitolu 3, l-Artikolu 14, tal-Att dwar il-Kuntratti mill-Bogħod u Bejgħ Bieb Bieb. Huma jipprovdu li taħt ċerti ċirkostanzi għandha tiġi applikata l-liġi ta’ pajjiż ŻEE jew toffri protezzjoni aħjar għall-konsumatur.

Hemm regoli speċifiċi għal kambjali u ċekkijiet fl-Artikoli 79-87 tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikoli 58-65 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet. Dawn huma bbażati fuq il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1930 għas-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni ma’ Kambjali u Ċedoli u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1931 dwar is-Soluzzjoni ta’ ċerti Kunflitti tal-Liġijiet b’konnessjoni maċ-Ċekkijiet.

Ċerti kuntratti tal-assigurazzjoni tal-indennizz huma regolati mill-Att dwar il-Liġi Applikabbli għal Ċerti Kuntratti tal-Assigurazzjoni.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali hija regolata mir-Regolament Ruma II.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż il-fattur ta' konnessjoni deċiżiv għall-istabbiliment ta’ status personali dejjem kien in-nazzjonalità. Iżda issa tant hemm każijiet fejn in-nazzjonalità kellha ċċedi postha għal residenza abitwali bħala l-fattur ta' konnessjoni prinċipali li huwa dubjuż jekk għadx hemm fattur ta' konnessjoni prinċipali għall-istatus personali. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, “l-istatus personali” huwa mifhum li jinkludi essenzjalment mistoqsijiet ta’ kapaċità u isem ġuridiċi.

Skont il-Kapitolu 1, l-Artikolu 1, tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela, il-kapaċità li persuna tiżżewweġ quddiem awtorità Żvediża fil-prinċipju għandha tiġi stabbilita skont il-liġi Żvediża jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet tkun ċittadin Żvediż jew tkun resident abitwali fl-Iżvezja. Regoli simili japplikaw fil-qafas Nordiku skont l-Artikolu 1 tal-Ordinanza dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela.

Fil-Kapitoli 4 u 5 tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u t-Tutela u fl-Artikoli 14-21a tal-Ordinanza dwar Ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ, Adozzjoni u Tutela jeżistu regoli speċjali dwar it-tutela u l-kurazija.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-kapaċità li tkun parti f'kuntratt, tingħata tweġiba parzjali mill-Artikolu 13 tar-Regolament Ruma I. Il-kapaċità li wieħed jidħol fi tranżazzjonijiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet hija regolata minn regoli speċjali fl-Artikolu 79 tal-Att dwar il-Kambjali u l-Artikolu 58 tal-Att dwar iċ-Ċekkijiet.

Hemm regola speċjali dwar il-kapaċità li tħarrek jew li titħarrek fil-Kapitolu 11, l-Artikolu 3, tal-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja (rättegångsbalken), li tiddikjara li barrani li f'pajjiżu ma jistax iwettaq proċedimenti legali jista' madankollu jagħmel dan fl-Iżvezja jekk ikollu l-kapaċità skont il-liġi Żvediża.

Id-dritt internazzjonali privat Żvediż iqis kwistjonijiet ta' isem bħala li jagħmlu parti mil-liġi tal-istatus personali. Dan ifisser, pereżempju, li meta konjuġi jieħu l-kunjom tal-konjuġi l-ieħor dan ma jkunx ikklassifikat bħala kwistjoni tal-effetti legali taż-żwieġ fl-isfera personali. Skont l-Artikolu 50 tal-Att dwar l-Ismijiet Personali (namnlagen, 1982:670), l-Att ma japplikax għal ċittadini Żvediżi li huma residenti abitwali fid-Danimarka, in-Norveġja jew il-Finlandja; għall-kuntrarju, jista' jiġi determinat li japplika għal ċittadini Żvediżi f'pajjiżi oħra. L-Artikolu 51 tiddikjara li l-Att japplika wkoll għal ċittadini barranin li huma residenti abitwali fl-Iżvezja.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

Id-dritt sostantiv Żvediż ma jagħmilx differenza bejn tfal leġttimi u dawk illeġittimi, u d-dritt internazzjonali privat Żvediż ma għandu l-ebda regola speċifika dwar il-konflitt ta' liġijiet biex jiġi determinat jekk wild għandux jitqies bħala mwieled ġewwa jew barra ż-żwieġ, jew jekk wild jistax isir leġittimat sussegwentement.

Fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-istabbiliment tal-paternità, hemm regoli differenti għall-preżunzjoni ta’ paternità u għall-istabbiliment tal-paternità minn qorti jew liġi. Il-preżunzjoni ta' paternità hija regolata mill-Artikolu 2 tal-Att dwar Kwistjonijiet Internazzjonali dwar Paternità. Dan jistipula li raġel li huwa jew kien miżżewweġ lill-omm ta' wild huwa meqjus li huwa missier il-wild jekk din hija l-konsegwenza tal-liġi tal-Istat li l-wild sar residenti abitwali tiegħu mat-twelid, jew, fejn din il-liġi ma tqisx lil ħadd bħala missier, jekk hija l-konsegwenza tal-liġi tal-Istat li l-wild sar ċittadin tiegħu mat-twelid. Jekk ir-residenza abitwali tal-wild mat-twelid tkun l-Iżvezja, madankollu, il-mistoqsija dejjem tkun deċiża skont il-liġi Żvediża. Jekk il-paternità trid tiġi stabbilita fil-qorti, il-qorti tapplika l-liġi tal-pajjiż li il-wild kien resident abitwali tiegħu fiż-żmien tas-sentenza fl-ewwel istanza.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Att dwar Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward tal-Adozzjoni, qorti Żvediża li tqis applikazzjoni għall-adozzjoni għandha tapplika l-liġi Żvediża. L-Artikolu 2(2) tispjega, madankollu, li jekk l-applikazzjoni tirrigwarda wild ta' età taħt it-18-il sena, il-qorti trid tqis jekk l-applikant jew il-wild humiex konnessi ma' Stat barrani bin-nazzjonalità, ir-residenza abitwali jew mod ieħor, u jekk dan jistax jiġi mistenni li jikkawża diffikultà għall-wild jekk l-adozzjoni ma tkunx rikonoxxuta f'dak il-pajjiż.

Fir-rigward tal-effetti legali tal-adozzjoni, meta ordni ta' adozzjoni barranija tkun valida fl-Iżvezja, il-wild adottat jiġi meqjus bħala l-wild tal-ġenitur adottiv fi żwieġ Żvediz għall-għanijiet ta' kustodja, tutela u manteniment. F'każ ta' suċċessjoni, madankollu, il-liġi tirrikjedi trattament indaqs tat-tfal adottati u tat-tfal proprji tal-ġenitur adottiv biss jekk l-adozzjoni tkun seħħet fl-Iżvezja. Jekk l-adozzjoni tkun seħħet barra mill-pajjiż, l-intitolament tal-wild adottiv li jiret jiġi kkunsidrat skont il-liġi li ġeneralment tirregola l-intitolament li wieħed jiret, jiġifieri l-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità.

Il-mistoqsija tal-liġi applikabbli għall-manteniment tat-tfal hija regolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma regolati mil-liġi tal-Istat fejn il-wild huwa resident abitwali. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata li tipprovdih skont dik il-liġi, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi tal-pajjiż fejn tkun il-qorti. Jekk il-wild ma jkunx kapaċi jikseb manteniment mill-parti li tkun obbligata tipprovdih skont waħda minn dawk il-liġijiet, u ż-żewġ partijiet ikunu ċittadini tal-istess Stat, il-liġi li għandha tiġi applikata hija l-liġi ta' dak l-Istat.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

Fir-rigward tal-kapaċità li persuna tiżżewweġ, ara l-punt 3.3 hawn fuq. Ir-regola ġenerali hija li żwieġ jitqies li jkun validu fil-forma tiegħu jekk ikun validu fil-pajjiż fejn ġie ċċelebrat (il-Kapitolu 1, l-Artikolu 7, tal-Att dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ u Tutela).

L-effetti legali taż-żwieġ jistgħu jiġu maqsuma f'żewġ kategoriji prinċipali, dawk fl-isfera personali u dawk relatati mal-proprjetà tal-konjuġi (ara l-punt 3.6 hawn taħt). L-effett prinċipali taż-żwieġ f'termini personali huwa li l-konjuġi għandhom obbligu reċiproku li jmantnu lil xulxin. Fid-dritt internazzjonali privat Żvediż, mistoqsijiet tal-intitolament tal-konjuġi li jirtu, l-akkwiżizzjoni tagħhom tal-kunjom tal-konjuġi l-ieħor jew id-dover tagħhom li jmantnu l-konjuġi l-ieħor mhumiex meqjusa bħala effetti legali taż-żwieġ, u l-liġi applikabbli hija determinata mir-regoli ta' konflitt ta' liġijiet li jirregolaw il-wirt, il-kunjomijiet personali eċċ.

Il-kwistjoni tal-liġi applikabbli għall-manteniment ta' konjuġi hija regolata mill-Protokoll tal-Aja tal-2007 dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi ta' Manteniment. Ir-regola ġenerali hija li l-obbligi ta' manteniment huma regolati mil-liġi tal-Istat fejn il-parti bl-obbligu li tipprovdi manteniment tkun resident abitwali. Jekk xi ħadd mill-konjuġi joġġezzjona kontra l-applikazzjoni ta' dik il-liġi, u l-liġi ta' Stat ieħor ikollha konnessjoni iktar mill-qrib għaż-żwieġ (speċjalment il-liġi tal-Istat fejn kellhom ir-residenza abitwali konġunta l-iktar reċenti), għandha tiġi applikata l-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor.

F'mistoqsijiet ta' divorzju, il-Kapitolu 3, l-Artikolu 4(1), tal-Att dwar ċerti Relazzjoniijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ u t-Tutela juri li l-qrati Żvediżi għandhom japplikaw l-liġi Żvediża. L-Artikolu 4(2) jagħmel eċċezzjoni jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma kien resident abitwali fl-Iżvezja għal mill-inqas sena.

Il-liġi sostantiva Żvediża ma tikkontemplax l-istituzzjonijiet legali tas-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, u ġeneralment ma hemm l-ebda regoli dwar il-konflitt ta' liġijiet appikabbli li jistgħu japplikaw għal dawn il-każijiet. Sa fejn huma kkonċernati l-pajjiżi Nordiċi, l-Artikolu 9 tal-Ordinanza dwar ċerti Relazzjoni Legali Internazzjonali fir-rigward ta' Żwieġ, Adozzjoni u Tutela tiddikjara li f'każijiet ta' separazzjoni legali l-qorti għandha tapplika l-liġi tagħha.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Il-liġi applikabbli għall-proprjetà ta' persuni miżżewġa hija regolata fl-Att dwar ċerti Kwistjonijiet Internazzjonali li jirrigwardaw Relazzjonijiet ta' Proprjetà bejn Konjuġi jew Koabitanti. L-Artikolu 3 tal-Att jippermetti li persuni miżżewġa jew koppji li qed jaħsbu biex jiżżewġu jkunu jistgħu jikkonkludu ftehim bil-miktub li jistipula li s-sistema li tirregola l-beni matrimonjali tagħhom għandha tiġi regolata mil-liġi ta' pajjiż li wieħed minnhom ikun resident abitwali jew ċittadin tiegħu fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim.

Jekk il-konjuġi ma jkunux daħlu fi ftehim validu tal‑għażla tal‑liġi applikabbli, l-Artikolu 4 tal-Att jiddikjara li l-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom wara ż-żwieġ. Jekk iż-żewġ konjuġi sussegwentment jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom f'pajjiż ieħor, u jgħixu hemm għal mill-inqas sentejn, minflok tiġi applikata l-liġi ta' dak il-pajjiż. Jekk iż-żewġ konjuġi diġà kienu residenti abitwali f'dak l-Istat matul iż-żwieġ tagħhom, jew jekk it-tnejn li huma jkunu ċittadini ta' dak l-Istat, il-liġi ta' dak l-Istat tiġi applikata mill-mument li jistabbilixxu r-residenza abitwali tagħhom hemmhekk.

L-Artikolu 5 tal-Att jiddikjara li ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli jkun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi applikabbli għal-proprjetà tal-konjuġi meta sseħħ it-tranżazzjoni. Jekk il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli jiġi konkluż qabel iż-żwieġ, ikun validu jekk ikun konsistenti mal-liġi li ssir applikabbli meta l-konjuġi jiżżewġu. Ftehim dwar l-għażla tal‑liġi applikabbli jkun validu fil-forma jekk jissodisfa l-ħtiġijiet formali tal-liġi fl-Istat fejn jiġi konkluż jew fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali.

Għal kawżi Nordiċi hemm regoli speċjali stabbiliti fl-Ordinanza dwar ċerti Relazzjonijiet Legali Internazzjonali fir-rigward taż-Żwieġ, l-Adozzjoni u t-Tutela.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Il-mistoqsija tal-kunflitti tal-liġijiet rigward it-testmenti u s-suċċessjonijiet hija regolata mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi fir-Regolament japplikaw irrispettivament minn jekk ir-rabta internazzjonali hijiex ma' Stat Membru jew kwalunkwe Stat ieħor.

Għall-validità formali ta' testment, madankollu, hemm dispożiżżjonijiet speċjali fil-Kapitolu 2, l-Artikolu 3, tal-Att dwar is-Suċċessjoni f'Sitwazzjonijiet Internazzjonali (Lagen (2015: 417) om arv i internationella situationer), li jinkorpora fil-liġi domestika l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet rigward l-Għamla tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji. Testment huwa meqjus validu fil-forma jekk il-forma tiegħu tikkonforma mal-liġi tal-post fejn ikun għamlu t-testatur, jew jekk le tal-post fejn it-testatur kellu r-residenza abitwali tiegħu, jew ta' post li t-testatur kien ċittadin tiegħu, jew fiż-żmien li sar jew fiż-żmien ta' mewtu. Dispożizzjoni li tirrigwarda l-proprjetà immobbli hija valida fil-forma jekk il-forma tagħha tikkonforma mal-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà. L-istess regola tapplika għar-revoka tat-testmenti. Revoka hija valida wkoll jekk tikkonforma ma' kwalunkwe mil-liġijiet li skont it-termini tagħha t-testment kien validu fil-forma.

3.8 Proprjetà reali

Fil-liġi tal-proprjetà hemm miktubin regoli dwar l-għażla tal-liġi għal ċerti każijiet biss dwar bastimenti u inġenji tal-ajru, strumenti finanzjarji u oġġetti kulturali mneħħija kontra l-liġi, u għal ċerti sitwazzjonijiet regolati fil-Konvenzjoni Nordika ta' Insolvenza u r-Regolament ta' Insolvenza.

L-effetti fil-liġi tal-proprjetà ta' xiri jew self ipotekarju ta' proprjetà mobbli jew immobbli, pereżempju, għandhom jiġu determinati skont il-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà fil-mument tax-xiri jew tas-self ipotekarju. Dik il-liġi tiddetermina n-natura ta' kwalunkwe dritt ta' proprjetà, kif kull dritt ta' proprjetà jibda u jintemm, xi ħtiġijiet formali jista' jkun hemm u xi drittijiet jikkonferixxi d-dritt ta' proprjetà kontra partijiet terzi.

Fir-rigward ta' drittijiet ta' garanzija barranin, fil‑ġurisprudenza hemm stabbilit li jekk fil-mument li nħoloq dritt ta' garanzija l-bejjiegħ kien jaf li l-proprjetà kellha tittieħed fl-Iżvezja, u d-dritt ta' garanzija ma kienx validu fl-Iżvezja, il-bejjiegħ minflok kellu jikseb garanzija li kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi Żvediża. Barra minn hekk, dritt tal-garanzija barrani ma jingħatax effett legali jekk jgħaddi ż-żmien minn meta l-proprjetà ttieħdet fl-Iżvezja. Huwa meqjus li l-kreditur barrani kellu żmien jew biex jikseb garanzija ġdida jew biex jirkupra d-dejn.

3.9 Insolvenza

F'insolvenza Żvediża l-liġi Żvediża hija applikabbli għall-proċedimenti nnifishom jew għal kwistjonijiet oħra ta' insolvenza bħall-kundizzjonijiet għal proċedimenti istitwenti.

F'każijiet li jinvolvu pajjiż Nordiku ieħor hemm regoli speċjali li jiddeterminaw il-liġi applikabbli li huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza tal-1933 u li huma inkorporati fil-liġi Żvediża skont il-leġiżlazzjoni adottata fl-1981. Fir-rigward tal-Finlandja, madankollu, japplika r-Regolament dwar l-Insolvenza (ara hawn taħt); u fir-rigward tal-Iżlanda, ir-regoli huma dawk ta' leġiżlazzjoni iktar antika datata mill-1934. Ir-regola ġenerali tal-Konvenzjoni Nordika dwar l-Insolvenza hija li proċediment ta' insolvenza fi Stat kontraenti jinkludi l-proprjetà li hija ta' debitur li tinsab fi Stat ieħor kontraenti. Kwistjonijiet bħad-dritt ta' debitur li jikkontrolla l-proprjetà tiegħu u dak li għandu jiġi inkluż fil-proprjetà ta' insolvenza huma ġeneralment regolati bil-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ il-proċediment ta' insolvenza.

Hemm regoli speċjali għal kwistjonijiet li jinvolvu Stati Membri tal-UE oħrajn fir-Regolament ta' Insolvenza.

L-aħħar aġġornament: 13/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.