Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Is-sors nazzjonali bażiku tad-dritt internazzjonali privat Slovakk hu l-Att Nru 97/1963 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat u Proċedurali (“l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat”), li, permezz ta’ konflitt fir-regoli tal-liġijiet fl-Artikoli 3 – 31 jiddefinixxi l-liġi applikabbli f’oqsma speċifiċi tal-liġi (il-kapaċità għal drittijiet u għal azzjonijiet legali, il-validità ta’ azzjonijiet legali, il-liġi sostantiva, il-liġi tal-kuntratti, il-liġi dwar l-impjiegi, il-liġijiet tal-wirt, il-liġi tal-familja). L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat japplika biss fejn mhux stipulat mod ieħor fil-liġi tal-Unjoni Ewropea direttament applikabbli jew fi trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Slovakka jew — b’mod iktar preċiż — b’att legali li jimplimenta tali trattat. Dan ifisser li fejn l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat hu msemmi hawn taħt, għandu jitfakkar li dan japplika biss fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali jew leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Il-liġi Slovakka fiha regoli ta’ konflitt tal-liġijiet indipendenti fil-leġiżlazzjoni u mhux biss fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, pereżempju:

- l-Att Nru 513/1991 (il-“Kodiċi Kummerċjali”). Minbarra r-regola ta’ konflitt tal-liġijiet fl-Artikolu 22 ta’ dak l-Att, taħt it-Titolu III hemm dispożizzjonijiet speċjali għal obbligi fil-kummerċ internazzjonali li jridu jiġu applikati flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra f’każijiet ta’ kuntratti b’element barrani

- l-Att Nru 311/2001 (il-“Kodiċi tax-Xogħol”), l-Artikolu 241a (7) (il-liġi applikabbli biex jiġi ddeterminat jekk min iħaddem huwiex impjegatur maniġerjali jekk dan tal-aħħar ikun suġġett għal liġi diversa minn dik ta’ Stat Membru)

- l-Att Nru 8/2008 dwar l-Assigurazzjoni, l-Artikolu 89 (il-liġi applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni)

- l-Att Nru 191/1950 dwar Kambjali u Ċekkijiet (l-“Att tal-Kambjali u taċ-Ċekkijiet”), dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dritt internazzjonali dwar kambjali (l-Artikolu 91 et seq.) u ċekkijiet (l-Artikolu 69 et seq.).

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

(a) Konvenzjonijiet UNO: Il-Konvenzjoni dwar l-Irkupru minn Barra ta’ Manteniment, 20.6.1956 u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, 24.4.1963

(b) Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa: Il-Konvenzjoni Ewropea dwar Informazzjoni dwar Liġi Barranija, 7.6.1968; Protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea dwar Informazzjoni dwar Liġi Barranija, 15.3.1978; Il-Konvenzjoni Ewropea dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-Kustodja tat-Tfal u dwar l-Għoti Lura tal-Kustodja tat-Tfal, 20.5.1980

(c) Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat: Il-Konvenzjoni dwar il-Proċedura Ċivili, 1.3.1954; Il-Konvenzjoni dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali, 18.3.1970; Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta’ Divorzji u Separazzjonijiet Legali, 1.6.1970; Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet Relatati ma’ Obbligi ta’ Manteniment, 2.10.1973; Il-Konvenzjoni dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, 15.11.1965; Il-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, 25.10.1980; Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tal-Adozzjoni Bejn il-Pajjiżi, 29.5.1993; Il-Konvenzjoni li Tabolixxi r-Rekwiżit ta’ Legalizzazzjoni għad-Dokumenti Pubbliċi Barranin, 5.10.1961; Il-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, 19.10.1996; Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja, 25.10.1980

(d) It-Trattati tal-unifikazzjoni ta’ regoli ta’ konflitt ta’ liġijiet: Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku, 4.5.1971; Il-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni ta’ Minuri, 19.10.1996

(e) It-Trattati tal-unifikazzjoni tar-regoli tal-liġi sostantiva diretta: Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija, 11.4.1980; Il-Konvenzjoni dwar il-Perjodu ta’ Preskrizzjoni fil-qasam ta’ Bejgħ Internazzjonali tal-Merkanzija, New York, l-14 ta’ Ġunju 1974, kif emendata bi Protokoll fil-11 ta’ April 1980

(f) Trattati ta’ arbitraġġ: Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barrani, 10.6.1958; Il-Konvenzjoni Ewropea rigward l-Arbitraġġ Kummerċjali Internazzjonali, 21.4.1961

(g) Trattati dwar trasport internazzjonali: Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti bit-Triq, 19.5.1965; Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija, 9.5.1980, kif emendata bil-Protokoll tal-20.12.1990

(h) Konvenzjonijiet oħrajn ta’ dritt internazzjonali privat legalment sinifikanti: Bidliet tal-Istatut tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-15 ta’ Lulju 1955, 30.6.2005; Il-Konvenzjoni ta’ UNIDROIT dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment, 24.6.1995; Il-Konvenzjoni tal-Liġi Ċivili dwar il-Korruzzjoni, 4.11.1999; Il-Ftehim dwar it-Trasferiment tal-Katavri, 26.10.1973

(i) Konvenzjonijiet li jorbtu lir-Repubblika Slovakka dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet legali: Il-Konvenzjoni dwar l-Arranġament tat-Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u Ċittadini ta’ Stati Oħra, 18.2.1965; L-Istatut tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (validu mill-15 ta’ Lulju 1955, emendat fl-1 ta’ Jannar 2007), 31.10.1951; Il-Konvenzjoni dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet ta’ Arbitraġġ Barrani, 26.9.1927; Il-Protokoll dwar il-Klawżoli ta’ Arbitraġġ, 24.9.1923; Il-Konvenzjoni dwar l-Arranġament ta' Arbitraġġ ta’ Tilwim ta’ Dritt Ċivili li Jirriżulta minn Relazzjonijiet tal-Kooperazzjoni Ekonomika u Xjentifika Teknika, 26.5.1972; Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Deċiżjonijiet Relatati ma’ Obbligi ta’ Manteniment, 15.4.1958; Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus Legali, il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Organizzazzjonijiet Ekonomiċi Intergovernattivi li Jaġixxu f’Ċerti Oqsma ta’ Kooperazzjoni, 5.12.1980

(j) It-Trattati dwar id-drittijiet tal-awtur u l-liġi industrijali (bħala eżempju): Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, 20.3.1883; Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, 9.9.1886

Konvenzjonijiet oħrajn li jorbtu lir-Repubblika Slovakka jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Ministeru Slovakk tal-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej www.mzv.sk.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

1. It-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu Ungeriża dwar l-Għajnuna Legali u l-Arranġamenti ta’ Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali, 28.3.1989

2. It-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu Pollakka dwar l-Għajnuna Legali u l-Arranġamenti ta’ Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali, 21.12.1987

3. It-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar l-Għajnuna Legali u r-Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali, 12.8.1982

4. It-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Awstrija dwar Relazzjonijiet Legali Reċiproċi f’Materji Ċivili, dwar Dokumenti u Informazzjoni Legali bi Protokoll Finali, 10.11.1961

5. It-Trattat bejn ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika Ċeka dwar l-Għajnuna Legali pprovduta mill-Korpi Ġudizzjarji u l-Arranġamenti ta’ Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili u Kriminali, 29.10.1992

6. It-Trattat bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika Federattiva Soċjalista tal-Jugoslavja dwar l-Arranġamenti ta’ Relazzjonijiet Legali f’Materji Ċivili, tal-Familja u Kriminali, 20.1.1964

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Hija l-awtorità ġudizzjarja li trid tistabbilixxi n-norma legali rilevanti u l-applikazzjoni tagħha għal relazzjoni legali partikolari, u dan tagħmlu ex officio skont il-prinċipju li l-partijiet f'tilwima legali ma għandhomx għalfejn jitolbu jew jagħtu prova ta’ liema liġi tapplika għall-kawża tagħhom. F’termini ta’ applikabbiltà, il-liġi Slovakka tagħmel distinzjoni bejn regoli ta’ konflitt ta’ liġijiet mandatorji u standard. Ir-regoli mandatorji tar-regoli ta’ konflitt ta’ liġijiet li jridu jiġu applikati minn imħallef indipendentement mix-xewqa tal-partijiet jew jekk il-partijiet invokawx dan id-dritt. Regoli awtomatiċi — li huma tipiċi għal każijiet ta’ kuntratt fil-liġi Slovakka — huma regoli tad-dritt li wieħed jista’ jidderoga jew jimmodifika permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Id-dritt internazzjonali privat Slovakk jikkunsidra rinviju skont ir-regoli tagħha dwar konflitt ta’ liġijiet bħala rinviju għas-sistema legali ta’ dak l-Istat fl-intier tagħha, inkluż ir-regoli tiegħu dwar konflitt tal-liġijiet. Ir-regola ġenerali fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (l-Artikolu 35) hija li rinviju jista’ jiġi aċċettat jekk iwassal għal soluzzjoni raġonevoli u ekwa tal-kwistjoni. Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex taċċetta jew tirrifjuta r-remissjoni u t-trażmissjoni suċċessiva, il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni biss l-elementi fattwali u legali li jistgħu jaffettwaw l-għażla tal-liġi applikabbli, iżda mhux fatturi li jistgħu jaffettwaw ir-riżoluzzjoni sostantiva attwali tal-kawża. Fil-liġi Slovakka, ir-rinviju għandu jiġi aċċettat f’każijiet li jinvolvu l-individwu, il-liġi tal-familja u l-liġi tas-suċċessjoni. F’każijiet ta’ kuntratti, rinviju jkun applikabbli biss b’mod eċċezzjonali u f’każijiet tal-għażla tal-liġi applikabbli hu direttament eskluż (l-Artikolu 9(2) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Hemm arranġament speċjali fl-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet li jistipula li rinviju għandu jiġi aċċettat mingħajr ma l-qorti jkollha teżamina r-rekwiżit ta’ riżoluzzjoni raġonevoli u ekwu (l-Artikoli 69 u 91 tal-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet).

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Il-liġi Slovakka ma tinkludi l-ebda regola dwar l-effett ta’ bidla fil-fattur ta’ konnessjoni. Jekk ir-regola tal-konflitt tal-liġi Slovakka ma tiddefinix il-mument applikabbli fejn għandu jiġi vvalutat il-fattur ta’ konnessjoni, il-qrati Slovakki jiddeduċu minn fatturi ta’ konnessjoni oħra jew permezz tal-każistika. Madankollu, b’mod ġenerali, iż-żmien applikabbli huwa ż-żmien meta titqajjem sitwazzjoni legali, jew aktar preċiżament, id-data li fiha nbdew il-proċedimenti skont iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Il-bidla fl-istatus hija tipika għal beni mobbli. Modifika tal-kriterju tal-liġi applikabbli skont il-post hija koperta mill-Artikolu 6 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li jagħmel distinzjoni bejn beni mobbli bħala tali (b’mod ġenerali) u beni mobbli li qed jiġi ttrasportat taħt kuntratt (prodotti fi tranżitu). Fil-każ ta’ tali beni mobbli, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn il-beni kien fil-mument meta seħħ il-fatt li wassal għad-dritt jew għal tmiemu. Madanakollu, il-każistika stabbiliet li l-kontenut u l-effetti ta’ dritt sostantiv akkwistat skont liġi oħra (jiġifieri traspożizzjoni ta’ drittijiet miksuba f’pajjiż wieħed għal kategorija ekwivalenti f’pajjiż ieħor) għandhom jiġu vvalutati skont il-liġi l-ġdida (attwali) fejn jinsab il-beni.

Il-fattur ta’ konnessjoni f’każijiet ta’ beni trasportat (fejn il-ġarr tal-proprjetà għad irid iseħħ) hija l-liġi tal-post minn fejn kien mibgħut il-beni. Il-kwistjoni tal-bdil ta’ fatturi ta’ konnessjoni għal beni mobbli tista’ tinħoloq wkoll b’rabta ma’ preskrizzjoni. Speċifikament għal dan l-għan, l-Artikolu 8 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jispeċifika li l-preskrizzjoni tkun irregolata mil-liġi tal-post fejn il-beni kien fil-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni. Madankollu; L-akkwirent tal-preskrizzjoni mhuwiex prekluż milli jiddependi fuq il-liġi tal-Istat fejn seħħet il-preskrizzjoni, jekk fiż-żmien meta l-beni kien f’dak l-Istat, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha għal preskrizzjoni taħt il-liġi ta’ dak l-Istat. Jekk il-beni suċċessivament ġie rilokat għat-territorju ta’ iktar minn Stat wieħed, il-kundizzjonijiet jiġu vvalutati jew mil-liġi tal-post fejn kien jinsab il-beni fil-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni, jew mil-liġi tal-post fejn kien jinsab il-beni kontinwament matul il-perjodu kollu rilevanti għall-preskrizzjoni.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Normi obbligatorji tal-liġi u l-eċċezzjoni tal-ordni pubblika

Id-differenza fundamentali bejn normi obbligatorji u l-eċċezzjoni tal-ordni pubblika hija l-effett tagħhom: normi obbligatorji joperaw offensivament (ikun xi jkun il-kontenut tal-liġi barranija), filwaqt li l-eċċezzjoni tal-ordni pubblika topera difensivament (biss meta tapplika leġiżlazzjoni barranija li tipperikola interessi dikjarati). L-eċċezzjoni tal-ordni pubblika ma tħarisx id-dispożizzjonijiet obbligatorji kollha tal-liġi Slovakka, iżda biss dawk li jitqiesu li huma kwistjonijiet fundamentali ta’ prinċipju (bħall-prinċipju ta’ żwieġ monogamu).

In-normi obbligatorji huma normi tal-liġi nazzjonali li ma jippermettux devjazzjonijiet; huma għandhom jiġu applikati f’kull sitwazzjoni irrispettivament mil-liġi li taħtha għandha tiġi ttrattata relazzjoni legali partikolari fuq il-bażi tar-regoli dwar il-konflitt tal-liġi. B’mod ġenerali, huma għandhom karattru ta’ liġi pubblika, iżda jistgħu wkoll ikunu ta’ natura tal-liġi privata, jekk l-objettiv tagħhom huwa li jipproteġu l-interess sostanzjali partikolari. Il-valutazzjoni ta’ jekk norma legali partikolari tkunx obbligatorja hija għad-diskrezzjoni tal-qorti. Il-liġi ma ddefinihomx b’mod ċar; dawn huma tipiċi tal-liġi dwar il-konsumatur u xi oqsma tad-dritt industrijali (eż. regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà, is-sigħat ta’ xogħol u l-bqija). Fil-liġi tal-familja, pereżempju, ir-regoli tal-Kodiċi Kriminali li jirregolaw id-delitti kontra l-familja u ż-żgħażagħ huma normi obbligatorji.

L-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku hija mniżżla fl-Artikolu 36 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li skontu dispożizzjoni legali ta’ Stat barrani ma tistax tiġi applikata jekk l-effett tal-applikazzjoni tagħha jkun kontra l-prinċipji fundamentali tas-sistema soċjali u istatali tar-Repubblika Slovakka u l-liġijiet tagħha, li għandhom jiġu rispettati inkondizzjonalment, irrispettivament mir-rieda tal-partijiet. Dan ifisser b’mod partikolari li regoli kostituzzjonali jistabbilixxu d-dritt ta’ proċess ġust u l-prinċipji bażiċi ta’ ugwaljanza f'għajnejn il-liġi u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, razza, karnaġjon, reliġjon, nazzjonalità u l-bqija. Skont l-għan tal-Att, l-eċċezzjoni tal-ordni pubblika għandha tiġi applikata meta tkun essenzjali u fl-applikazzjoni tagħha, il-qorti ma tistax teżamina jew tevalwa id-dispożizzjoni legali tal-Istat barrani, iżda biss l-effetti li l-applikazzjoni tagħha jista' jkollha fuq l-ordni pubbliku fir-Repubblika Slovakka.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Ir-Repubblika Slovakka hija wieħed mill-pajjiżi li jittratta dispożizzjoni legali bħala liġi, aktar milli bħala fatt li jrid jiġi ppruvat. Għalhekk, l-awtoritajiet ġudizzjarji jieħdu azzjoni biex jistabbilixxu liema huma d-dispożizzjonijiet legali fuq inizjattiva tagħhom stess. Skont l-Artikolu 53 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, għall-fini tal-istabbiliment ta’ liġi barranija, l-awtorità ġudizzjarja twettaq il-miżuri kollha neċessarji, inkluż il-proċess biex jinkiseb il-kontenut tal-liġi barranija bl-użu ta’ riżorsi tiegħu stess, billi tikkonsulta sorsi aċċessibbli għall-pubbliku, billi tobbliga lill-partijiet fil-kawża biex jipprovdu l-informazzjoni jew billi titlob informazzjoni mingħand il-Ministeru tal-Ġustizzja (li għandu jaġixxi fuq dawn it-talbiet). Dan ifisser li l-imħallfin jistgħu wkoll jużaw l-għarfien tagħhom dwar il-kontenut tal-liġi barranija jew jistabbiluh bl-użu ta’ esperti fil-qasam tad-dritt internazzjonali privat jew tal-partijiet fil-proċedimenti, jew saħansitra permezz ta’ konsultazzjoni fuq l-internet. Jekk il-kontenut tal-liġi barranija ma jkunx jista' jiġi ddeterminat fi żmien raġonevoli jew jekk l-istabbiliment tal-kontenut tal-liġi barranija tkun assoċjata ma’ ostakli serji jew tkun impossibbli, f’dak il-każ tapplika l-liġi Slovakka. F’każ ta’ dubji li jinqalgħu meta jiġi ddeterminat il-kontenut tal-liġi barranija, il-qrati huma intitolati li jitolbu lill-Ministeru tal-Ġustizzja għall-kooperazzjoni.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Obbligi kuntrattwali

Huma biss kuntratti tal-liġi privata li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, jiġifieri l-liġi ċivili, kummerċjali, tal-familja, tal-impjiegi u kuntratti oħra simili b’komponent internazzjonali. Skont il-prinċipju tal-awtonomija tat-testment tal-partijiet firmatarji, fil-każ ta’ relazzjonijiet tal-proprjetà, l-Artikolu 9 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat b’mod ċar jagħti preferenza għal għażla tal-liġi mill-partijiet kontraenti nfushom (barra minn hekk, dan jippermetti wkoll għażla tal-liġi fil-qasam tal-impjiegi). L-għażla tal-liġi hija limitata biss fil-każ ta’ kuntratti tal-konsumatur, li, jekk il-liġi magħżula ma tipprovdix grad suffiċjenti ta’ ħarsien tal-konsumatur, ikunu koperti mis-sistema legali li tiżgura trattament aktar favorevoli tal-konsumatur (l-Artikolu 9(3) u l-Artikolu 10(4) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Fin-nuqqas ta’ għażla ta’ liġi, il-leġiżlazzjoni applikata hija l-leġiżlazzjoni tal-Istat li tiżgura soluzzjoni raġonevoli għal kuntratti ta’ dan it-tip. F’konformità mal-prinċipju ta’ arranġament raġonevoli, l-Artikolu 10(2) u (3) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jagħti eżempji ta’ liema liġi tapplika b’mod ġenerali għal tipi speċifiċi ta’ kuntratt: pereżempju, kuntratti ta’ xiri huma rregolati mil-liġi tal-post fejn il-bejjiegħ ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Għal obbligi kuntrattwali l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jirregola wkoll l-effetti tal-liġi sostantiva ta’ relazzjonijiet kuntrattwali (l-Artikolu 12), l-istatut ta’ limitazzjonijiet ta’ kapaċità u għall-kumpens (l-Artikolu 13), kif ukoll arranġamenti għal atti legali unilaterali (l-Artikolu 14), kemm jekk ikunu indirizzati lil xi entità msemmija jew le (il-fattur ta’ konnessjoni f’dawn il-każijiet ikun id-domiċilju tad-debitur).

Obbligi kuntrattwali fil-liġi internazzjonali dwar il-kambjali u ċ-ċekkijiet huma speċifikament rregolati fl-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet (l-Artikolu 69 et seq. u l-Artikolu 91 et seq.).

Atti legali

Kwistjonijiet dwar il-konflitt tal-liġijiet marbuta mal-validità ta’ atti legali, il-konsegwenzi tan-nullità, u l-forma ta’ att legali huma koperti mill-Artikolu 4 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Il-liġi applikabbli għall-effetti ta’ att legali hija applikabbli wkoll għal kwistjonijiet tal-validità u n-nullità tagħha. Il-liġi applikabbli hija determinata skont ir-regoli rilevanti dwar il-konflitt tal-liġijiet speċifikati għal dak l-att legali partikolari. Hemm żewġ eċċezzjonijiet meta l-validità ta’ att legali u l-konsegwenzi ta’ nullità ma jiġux rregolati bl-istess liġi hekk kif l-effetti: l-iktar fejn il-liġi ma tipprovdix mod ieħor jew meta dan ikun essenzjali għal arranġament raġonevoli. Fir-rigward tal-forma ta’ att legali, huwa biżżejjed li l-att legali ikun twettaq f’konformità mal-liġi tal-post fejn l-att ikun seħħ jew qed iseħħ. Mhuwiex għalhekk neċessarju li tinżamm il-forma ta’ azzjoni meħtieġa mil-liġi magħżula mill-forum tal-qorti, bħal fil-każ tal-validità tagħha. Madankollu din ir-regola ta’ konflitt tal-liġijiet sussidjarja ma tistax tintuża jekk il-liġi magħżula permezz tal-forum tal-qorti applikabbli għall-kuntratt tippreskrivi l-forma ta’ kuntratt bil-miktub bħala kundizzjoni għall-validità tagħha.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Ir-regola fundamentali nazzjonali għall-konflitt tal-liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali hija l-Artikolu 15 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li skontu talbiet għad-danni mġarrba b’riżultat ta’ ksur ta’ dmirijiet li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali (delitt) jew f’każijiet fejn il-liġi titlob kumpens irrispettivament mill-illegalità tal-azzjoni (ir-responsabbiltà għall-eżitu) huma rregolati mil-liġi tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara jew tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment li jagħti lok għal dritt għal kumpens. Fatturi ta’ konnessjoni applikabbli għal negotiorum gestor, arrikkiment indebitu eċċ. isegwu mutatis mutandis mill-Artikolu 15 u dispożizzjonijiet oħra tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat,

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Ir-regoli ta’ konflitt tal-liġijiet ġenerali, jiġifieri li tiġi determinata l-liġi applikabbli li tirregola l-personalità ġuridika ta’ persuna fiżika, huma stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li jgħid li l-kapaċità ta’ persuna fir-rigward ta’ drittijiet u atti legali hija rregolata mil-liġi tal-Istat li dik il-persuna hija ċittadin tiegħu. Jekk l-att legali jiġi mwettaq fir-Repubblika Slovakka minn persuna barranija li ma jkollhiex il-kapaċità legali taħt il-liġijiet tal-Istat li tkun ċittadin tiegħu, ikun biżżejjed jekk ikollha kapaċità fir-rigward ta’ dak l-att skont il-liġi Slovakka. Madankollu, tali att legali mhux bilfors ikun meqjus validu skont il-liġijiet ta’ Stati oħra, fosthom dawk fil-pajjiż tal-barrani.

Taħt il-liġi nazzjonali Slovakka, il-kapaċità ta’ persuna fiżika fir-rigward ta’ drittijiet u dmirijiet tinħoloq mat-twelid (kwalunkwe wild ikkonċepit, jekk il-wild jitwieled ħaj, għandu wkoll tali kapaċità) u jintemm mal-mewt (meta persuna tiġi ddikjarata mejta minn qorti). Kapaċità ġuridika sħiħa hija miksuba fl-età ta’ 18-il sena jew permezz taż-żwieġ (li huwa possibbli mill-età ta’ 16-il sena). Kapaċità ġuridika sħiħa hija prerekwiżit għal kapaċità proċedurali, għalkemm il-liġi proċedurali tista’ tagħti l-kapaċità lill-parti li kieku tkun nieqsa, bħal ġenitur taħt l-età fi proċedimenti ta’ adozzjoni meta jilħaq l-età ta’ 16. Il-minorenni għandhom kapaċità legali biss għal atti li min-natura tagħhom huma xierqa għall-maturità intellettwali u mentali li tikkorrispondi għall-età tagħhom. Minbarra l-limitu ta’ età, biex ikollha kapaċità legali sħiħa persuna għandu jkollha fakultajiet mentali sani. Hija qorti biss li tista’ tneħħi jew tirrestrinġi l-kapaċità ġuridika ta’ persuna.

Konflitt nazzjonali speċjali tar-regoli tal-liġijiet dwar il-kapaċità legali japplika għall-kapaċità li tidħol għaż-żwieġ (l-Artikolu 19 tal-Att dwar il-Dritt Internazzjonali Privat — ara l-Punt 3.5), li tistabbilixxi u tirrevoka testment (l-Artikolu 18 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat — ara l-Punt 3.7.) u l-kapaċità proċedurali tal-barranin (l-Artikolu 49 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet li jirregolaw il-kapaċità ta’ entitajiet ġuridiċi skont il-liġi Slovakka jinsabu fl-Artikolu 22 tal-Kodiċi Kummerċjali, li skontu l-istatus personali ta’ entitajiet ġuridiċi huwa rregolat mill-prinċipju tal-inkorporazzjoni, mal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kapaċità mogħtija lilhom taħt il-liġi applikabbli wkoll mogħtija taħt il-liġi Slovakka. L-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ persuna li twettaq l-obbligi fir-rigward ta’ kambjali jew ċekkijiet huwa stipulat fl-Att dwar il-Kambjali u ċ-Ċekkijiet, li jiddikjara li l-persuna hija marbuta bil-liġi tal-Istat litkun ċittadin tiegħu.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-istat ċivili, bħala fattur ta’ konnessjoni, it-terminu “domiċilju” mhuwiex użat fil-liġi Slovakka u mhuwiex l-istess bħat-terminu Slovakk “residenza permanenti” (li huwa rreġistrat fir-Reġistru tal-Popolazzjoni tar-Repubblika Slovakka). Id-dritt tal-persuna għal isem huwa inkluż taħt status personali b’analoġija, il-liġi applikabbli tkun il-liġi applikabbli għall-kapaċità legali u l-kapaċità proċedurali tal-persuna kkonċernata.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Skont il-liġi nazzjonali l-omm hi l-mara li welldet il-wild. Fil-każ ta’ dubji dwar il-maternità, il-qorti tiddeċiedi fuq il-bażi ta’ fatti determinati f’relazzjoni mat-twelid. Il-paternità tkun stabbilita fuq il-bażi ta’ tliet preżunzjonijiet konfutabbli tal-paternità, li huma speċifikati fl-Att Nru 36/2005 dwar il-Familja (l-Att dwar il-Familja): (i) it-tul taż-żwieġ; (ii) dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent mill-ġenituri f’Uffiċċju tar-Reġistru, u (iii) il-ħin ta’ kopulazzjoni sesswali bejn l-allegat missier putattiv u l-omm tal-wild.

L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fih regoli ta’ konflitt ta’ liġijiet dwar l-istabbiliment (rikonoxximent jew aħda) tal-paternità, marbuta mal-ħin tat-twelid tal-wild. Skont l-Artikolu 23 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tal-wild miksub mit-twelid. Din il-liġi tapplika b’mod partikolari biex jiġi ddeterminat min jista’ jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni ta’ filjazzjoni, taħt liema forma tali dikjarazzjoni għandha ssir, u jekk huwiex possibbli li tiġi rikonoxxuta l-paternità tal-wild konċepit. Jekk mat-twelid wild jakkwista aktar minn nazzjonalità waħda jew ma jakkwista l-ebda nazzjonalità, japplika l-Artikolu 33 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Jekk wild ikun akkwista ċ-ċittadinanza Slovakka b’dan il-mod iżda jkun twieled u jgħix f’pajjiż ieħor, il-liġi applikabbli f’dan il-każ tkun il-liġi tal-Istat fejn tkun ir-residenza abitwali tal-wild. Skont l-Artikolu 23 (3) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, jekk wild (irrispettivament min-nazzjonalità) jgħix (jiġifieri għandu residenza permanenti) fir-Repubblika Slovakka fiż-żmien tad-determinazzjoni, il-filjazzjoni tkun tista’ tiġi ddeterminata skont il-liġi Slovakka, jekk dan ikun fl-interess tal-wild. Din id-dispożizzjoni tippermetti l-alternattiva li tkun qed tiġi kkunsidrata l-validità ta’ rikonoxximent taħt il-liġi tal-Istat fejn il-filjazzjoni ġiet rikonoxxuta, u mhux skont il-liġi tan-nazzjonalità tal-wild fiż-żmien tat-twelid. Madankollu, biex rikonoxximent ta’ filjazzjoni jkun validu, huwa biżżejjed li r-rikonoxximent ikun f’konformità mal-liġi tal-Istat fejn ikun sar.

3.4.2 L-adozzjoni

Skont l-Att tal-Familji Slovakk, l-adozzjoni tagħti lok għal relazzjoni bejn il-wild adottat u l-ġenitur adottiv (u qrabatu) li huwa legalment identiku għal ta' familja bijoloġika. Qorti biss tista’ tiddeċiedi dwar l-adozzjoni, fuq proposta minn ġenitur adottiv, li m’għandux għalfejn ikun ċittadin Slovakk, iżda għandu jitniżżel fuq ċertifkat ta’ adozzjoni skont l-Att Nru 305/2005 dwar il-protezzjoni socjali u legali tal-wild u t-tutela soċjali. Huma tfal taħt l-età ta’ 18-il sena li jistgħu jiġu adottati. Il-leġiżlazzjoni attwali tipprevedi l-adozzjoni konġunta ta’ wild biss minn koppji miżżewġa (jew minn konjuġi li jgħixu ma’ wieħed mill-ġenituri tal-wild fi żwieġ jew tar-romol jew ta’ ġenitur jew ġenituri adottiv(i)). F’ċirkostanzi eċċezzjonali wild jista’ wkoll jiġi adottat minn persuna waħda. L-adozzjoni ta’ minuri barra l-pajjiż jeħtieġ il-kunsens mill-Ministeru Slovakk għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja jew ta’ awtorità tal-amministrazzjoni statali maħtura mill-Ministeru. Adozzjoni tista’ tiġi kkanċellata fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti fi żmien sitt xhur mill-validità tad-digriet ta’ adozzjoni.

Skont l-Artikolu 26 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, l-adozzjoni hi rregolata mill-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tal-wild miksub mit-twelid. Jekk il-ġenituri adottivi jkunu ta’ ċittadinanzi differenti, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-Istat ta’ residenza abitwali konġunta tal-konjuġi. Jekk din ir-residenza ma teżistix, l-adozzjoni tkun irregolata mil-liġi li jkollhom l-eqreb rabtiet magħha. Il-liġi Slovakka tista’ tiġi applikata fejn il-liġi barranija ma tippermettix l-adozzjoni affattu jew biss taħt kundizzjonijiet li huma eċċezzjonalment diffiċli, u l-ġenitur adottiv jew mill-inqas wieħed mill-ġenituri adottivi jkun ilu jgħix għal perjodu estiż fir-Repubblika Slovakka (li skont il-każistika tfisser mhux inqas minn sena). Skont l-Artikolu 26a tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, it-tqegħid ta’ wild f’kura preadottiva (li skont il-liġi Slovakka tippreċedi l-adozzjoni) hu rregolat mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-wild. Il-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tal-wild li qed jiġi adottat tapplika meta jkunu qed jivvalutaw il-ħtieġa li jitolbu il-kunsens tal-wild għall-adozzjoni jew l-approvazzjoni ta’ persuni jew istituzzjonijiet oħra (l-Artikolu 27 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat). Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll f’każijiet simili għal adozzjoni, bħal rikonoxximent ta’ wild illeġittimu bħala leġittimu (li mhuwiex rikonoxxut skont il-liġi Slovakka).

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Skont il-liġi Slovakka żwieġ hu biss bejn raġel u mara li għandhom fakultajiet mentali sani; huma ma jistgħux, fil-mument li jidħlu għaż-żwieġ, ikunu fi żwieġ ieħor. L-Att jipprojbixxi ż-żwieġ bejn l-axxendenti u d-dixxendenti u bejn l-aħwa, kif ukoll minn minorenni (qorti tista’ b’mod eċċezzjonali tippermetti ż-żwieġ ta’ minorenni 'l fuq minn 16-il sena). Din il-kwalifikazzjoni tal-età tista’ tiġi kklassifikata bħala norma obbligatorja fil-liġi Slovakka. Skont il-leġiżlazzjoni Slovakka żwieġ ikun konkluż b’dikjarazzjoni kunsenswali fl-Uffiċċju tar-Reġistru jew quddiem awtorità ekkleżjastika.

Skont l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (l-Artikoli 19 u 20) il-kapaċità ta’ persuna li tidħol għaż-żwieġ, u l-kundizzjonijiet tal-validità tiegħu huma rregolati mil-liġi tal-Istat li l-persuna tkun ċittadina tiegħu. Għall-forma ta' kif jiġi konkluż, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn jiġi konkluż iż-żwieġ. B’kuntrast ġenerali mar-regoli ta’ konflitt tal-liġijiet (l-Artikoli 3 u 4 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat), huwa eskluż l-użu sussidjarju tad-dritt Slovakk. Meta niġu biex nivvalutaw il-forma li fiha jiġi konkluż iż-żwieġ, peress li l-liġi applikabbli hija l-liġi tal-post fejn isir iż-żwieġ, jiġifieri l-liġi użata biex tikkunsidra mistoqsijiet bħal, pereżempju, il-mod li bih persuna tesprimi kunsens għaż-żwieġ, in-numru ta’ xhieda, il-korp kompetenti li jmexxi ż-żwieġ, l-għażla li tidħol fi żwieġ bi prokura, u l-bqija. Dak il-kriterju ma japplikax fil-każ ta’ żwiġijiet konsulari. Il-konklużjoni ta’ żwieġ barra l-pajjiż minn ċittadini Slovakki quddiem awtorità li ma tkunx l-awtorità Slovakka awtorizzata għal dak l-għan hija speċifikament koperta mill-Artikolu 20a tal-Att tad-Dritt Internazzjonali Privat, li jgħid li tali żwieġ ikun validu fir-Repubblika Slovakka, jekk ikun validu fl-Istat quddiem l-awtorità tiegħu meta kien ġie konkluż, u jekk ma jkunx hemm impedimenti sostantivi taż-żwieġ skont il-liġi Slovakka.

3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Il-liġi Slovakka ma fiha l-ebda dispożizzjonijiet jew sħubiji għajr iż-żwieġ. Id-duttrina tagħraf l-eżistenza ta’ konjuġi tad-dritt komuni, jiġifieri ta’ raġel u mara li mhumiex miżżewġin, iżda jiffurmaw sħubija ċivili. Madankollu, din hija unjoni de facto, mingħajr ebda tifsira ġuridika. Bl-istess mod, il-liġi Slovakka ma tirrikonoxxix sħubijiet (reġistrati) bejn persuni tal-istess sess, jew separazzjoni (legali) ġudizzjarja.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Taħt il-liġi sostantiva nazzjonali, divorzju jfisser xoljiment permezz ta’ qorti ta’ żwieġ bejn konjuġi ħajjin. Fil-każ ta’ divorzju tal-ġenituri ta’ minorenni, il-qorti għandha tiddeċiedi wkoll dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala ġenituri. Il-leġiżlazzjoni Slovakka tippermetti wkoll għal kustodja li talterna.

L-Artikolu 22 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jistabbilixxi regoli ta’ konflitt ta’ liġijiet għax-xoljiment ta’ koabitazzjoni ta’ żwieġ permezz ta’ divorzju, billi ż-żwieġ jiġi ddikjarat invalidu jew billi jinstab li ż-żwieġ qatt ma eżista. Għalhekk, din il-proposta primarjament tapplika għal regoli ta’ konflitt tal-liġijiet dwar ix-xoljiment ta’ żwieġ bejn konjuġi ħajjin. Ix-xoljiment taż-żwieġ permezz tad-divorzju huwa rregolat bil-liġi tal-Istat fejn il-konjuġi għandhom ċ-ċittadinanza tagħhom fil-mument li jibdew il-proċedimenti. Bħal fil-każ tar-relazzjonijiet personali u patrimonjali tal-konjuġi, il-kriterju applikabbli huwa ċ-ċittadinanza tagħhom marbuta ma’ punt speċifiku fiż-żmien, jiġifieri l-mument tal-bidu ta’ proċedimenti ta’ divorzju (iċ-ċittadinanza oriġinali tagħhom jew kwalunkwe bidla fiċ-ċittadinanza hija għalhekk irrilevanti). Jekk fiż-żmien tal-bidu tal-proċedimenti ta’ divorzju, il-konjuġi ma jkollhomx l-istess ċittadinanza, il-pajjiż tal-kriterju taċ-ċittadinanza ma jistax jiġi applikat u tapplika l-liġi Slovakka. Jekk il-liġi (barranija) applikabbli ma tippermettix ix-xoljiment taż-żwieġ permezz ta’ divorzju jew tippermettih biss skont kundizzjonijiet eċċezzjonalment diffiċli, iżda l-konjugi — jew mill-inqas /wieħed minnhom — għex fir-Repubblika Slovakka għal perjodu estiż, imbagħad tista’ tapplika l-liġi Slovakka. Ġaladarba din il-possibbiltà hija miftuħa biss għal persuni li jkollhom rabta xierqa mar-Repubblika Slovakka, il-każistika stabbiliet li dawn il-persuni għandhom ikunu għexu fir-Repubblika Slovakka għal mill-inqas sena.

F’dak li jirrigwarda l-liġi tal-Istat li l-konjuġi huma ċittadini tiegħu, il-fatturi ta’ konnessjoni stabbiliti fl-Artikolu 22(3) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat biex tiġi evalwata l-validità ta’ żwieġ u kemm jekk iż-żwieġ jeżistix jew le huma konformi mal-Artikolu 19 u l-Artikolu 20 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li jirregola l-kapaċità li jidħlu fi żwieġ, il-validità ta’ żwieġ u l-forma ta’ żwieġ. Il-każistika stabbiliet li l-Artikolu 19 u l-Artikolu 20 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat japplika jekk il-possibbiltà li jiġi konkluż iż-żwieġ (f’termini ta’ kapaċità u l-forma) tiġi vvalutata qabel ma jiġi konkluż, billi l-Artikolu 22(3) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat japplika jekk il-validità ta’ żwieġ jiġi vvalutat b’mod retrospettiv jew jekk il-valutazzjoni tikkonċerna jekk iż-żwieġ jeżistix. Bl-istess mod, il-każistika stabbiliet li għall-Artikolu 22(3) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-liġi applikabbli hija l-liġi tal-Istat li l-konjuġi jkollhom iċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fih iż-żwieġ kellu jiġi konkluż.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Il-liġi Slovakka tirrikonoxxi sitt tipi bażiċi ta’ obbligu ta’ manteniment: l-obbligu ta’ manteniment tal-ġenituri lejn il-wild (ikkunsidrat bħala l-aktar importanti), l-obbligu ta’ manteniment tal-ulied lejn il-ġenituri, l-obbligu ta’ manteniment bejn qraba oħrajn, l-obbligu ta’ manteniment bejn il-konjuġi, il-kontribuzzjoni lejn il-manteniment għal konjuġi divorzjati u l-kontribut għal manteniment u għar-rimborż ta’ ċerti spejjeż għal omm mhux miżżewġa. Ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet li jinsabu fl-Artikolu 24a tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jirreferu espliċitament biss għall-obbligi ta’ manteniment tal-ġenituri lejn il-wild u jkopru t-tipi kollha ta’ dan l-obbligu ta’ manteniment ħlief pretensjonijiet minn omm it-tarbija kontra missierha (il-liġi taċ-ċittadinanza tal-omm, l-Artikolu 25 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat), irrispettivament minn jekk il-benefiċjarju jkunx minorenni. Dawn ir-relazzjonijiet huma koperti mil-liġi tal-Istat li l-benefiċjarju ikun domiċiljat jew abitwalment residenti fih f’każ ta’ wild minorenni. F’ħafna każijiet, il-qrati Slovakki jiddeċiedu skont il-liġi tal-pajjiż li jiġi ppreżentat ir-rikors fih. Obbligi oħrajn ta’ manteniment (pereż. obbligi ta’ manteniment bejn konjuġi) huma rregolati mil-liġi tal-Istat li l-benefiċjarju tal-manteniment ikun domiċiljat fih.

Il-fattur ta’ konnessjoni ta’ residenza abitwali tal-wild huwa l-fattur ta’ konnessjoni ewlieni applikat għal relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-wild. F’każijiet eċċezzjonali biss il-Qorti tieħu wkoll inkunsiderazzjoni l-liġi ta’ kwalunkwe Stat ieħor li jkollu rabta sostanzjali ma’ dan il-każ.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Ir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet fl-Artikolu 21 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi jistabbilixxu ċ-ċittadinanza tal-konjuġi bħala l-fattur ta’ konnessjoni. Madankollu, dan jista’ jiġi applikat b’mod konsistenti biss jekk il-konjuġi jkunu ċittadini tal-istess Stat. F’każijiet oħrajn, il-liġi applikabbli tkun il-liġi Slovakka. L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat ma jindirizzax sitwazzjonijiet fejn ikun hemm bidla fil-fattur ta’ konnessjoni (bidla fin-nazzjonalità konġunta tal-konjuġi). Madankollu, il-każistika stabbiliet li l-liġi applikabbli tiġi ddeterminata legalment saż-żmien meta seħħ l-avveniment legalment sinifikanti. L-Artikolu 21(2) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jeskludi l-konflitti potenzjali billi jiġi speċifikat li kwalunkwe arranġament maqbul dwar il-liġi dwar il-proprjetà matrimonjali (pereżempju, il-ftehimiet fuq it-tnaqqis tal-komunità tal-akkwisti, kuntratti taż-żwieġ, eċċ.) għandha tiġi vvalutata f’konformità mal-liġi applikabbli għar-reġim patrimonjali tal-miżżewġin fil-mument meta jkun sar l-arranġament. Din ir-regola ta’ konflitt tal-liġijiet tista’ tiġi applikata biss fir-rigward ta’ regola ta’ konflitt tal-liġijiet oħra, iżda mhux waħedha.

Il-liġi sostantiva Slovakka tistipula forma speċifika ta’ reġim tal-proprjetà matrimonjali: komunjoni tal-proprjetà bejn il-konjuġi, li tinħoloq fuq il-konklużjoni ta’ żwieġ u tieqaf mat-tmiem tal-kuntratt taż-żwieġ. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-komunità tal-proprjetà jista’ sussegwentement jitnaqqas jew jiżdied abbażi tal-ftehim reċiproku bejn il-konjuġi jew immodifikati b’xi manjiera oħra (inkluż it-terminazzjoni jew ir-riintegrazzjoni) permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti. Ma jeżistux ftehimiet prenuzzjali fil-liġi Slovakka.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Skont ir-regola ta’ konflitt tal-liġijiet, il-wirt hu bbażat fuq fattur uniku ta’ konnessjoni: skont ir-regola ġenerali dwar il-konflitt tal-liġijiet fl-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, ir-relazzjonijiet tal-wirt legali huma rregolati mil-liġi tal-Istat li t-testatur kien ċittadin tagħha fil-mument ta' mewtu (l-Artikolu 17). Dan huwa l-uniku kriterju ta’ konnessjoni għas-suċċessjoni kollha kemm hi, mingħajr ebda distinzjoni ta’ jekk il-proprjetà tkunx proprjetà tanġibbli jew intanġibbli. Jekk fil-mument ta' mewtu t-testatur kien ċittadin ta’ żewġ Stati jew aktar jew bla ċittadinanza, in-nazzjonalità applikabbli tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Fir-rigward tal-kapaċità li tagħmel jew tirrevoka testment u l-effetti ta’ difetti ta’ rieda u tad-difetti ta’ espressjoni ta’ rieda, in-nazzjonalità applikabbli hi ċ-ċittadinanza tat-testatur fil-mument li jkun esprima l-intenzjonijiet tiegħu. Dan ifisser li jekk ikun hemm bidla fin-nazzjonalità wara li dawn l-intenzjonijiet ikunu ġew espressi, dan ma jaffettwax il-validità ta’ testment jew il-validità tar-revoka tiegħu. L-Artikolu 18 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat hija għalhekk regola speċjali fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li jgħid li jekk ċittadin barrani jwettaq att legali fir-Repubblika Slovakka, huwa biżżejjed li jkollu l-kapaċità għalih skont il-liġi Slovakka. Il-liġi determinata skont il-pajjiż taċ-ċittadinanza fil-ħin ta’ espressjoni ta’ rieda hija wkoll applikabbli biex jiġi ddeterminat kif jistgħu jkunu wirtu proprjetà permezz ta’ testment mal-mewt. Il-forma tat-testment u tar-revoka huma rregolati mil-liġi tal-Istat li t-testatur kien ċittadin tiegħu meta jkun sar. Madankollu huwa biżżejjed jekk it-testment ikun konformi mal-liġi tal-Istat fejn ikun sar (l-Artikolu 18). Din ir-regola ta’ konflitt tal-liġijiet addizzjonali hija applikata meta t-testatur ma jkunx ikkonforma mal-forma tat-testment mitlub mill-Istat li kien ċittadin tiegħu meta sar it-testment. Dan ifisser li jekk it-testatur jonqos milli jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-forma tat-testment stabbilita bil-liġi tal-Istat li kien ċittadin tiegħu meta sar it-testment, iżda jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi tal-post fejn sar it-testment, imbagħad it-testment ser jitqies validu.

Skont il-liġi sostantiva Slovakka, il-proprjetà tista’ tintiret abbażi tal-liġi, fuq il-bażi ta’ testment jew tat-tnejn li huma. Il-liġi tippreskrivi erba’ livelli ta’ werrieta fl-ordni tad-drittijiet tal-werrieta fejn dawk fil-livell preċedenti jeskludu dawk suċċessivi. L-ewwel grupp jinkludi l-ulied u l-konjuġi tat-testatur; aktar gruppi jinkludu qraba oħra u kull min kien jgħix mad-deċedut f’dar komuni għal tal-inqas sena qabel mewtu u li għal din ir-raġuni ħa ħsieb id-dar matrimonjali jew kien dipendenti fuq id-deċedut għall-manutenzjoni. Għal wirt b’testment, il-liġi tipprevedi testmenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet preskritti legalment li għandhom jitfasslu mit-testatur jew fil-forma ta’ att notarili. L-età minima biex jitfassal testment hija ta’ 15-il sena. Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-propjetà minn dixxendenti minuri, li għandhom jirċievu mill-inqas daqskemm jikkostitwixxi s-sehem tagħhom tal-patrimonju skont il-liġi u d-dixxendenti maġġuri għandhom jirċievu mill-inqas daqs nofs is-sehem tagħhom skont il-liġi. Il-liġi Slovakka tippermetti rinunzji ta’ suċċessjoni (fl-intier tagħhom biss, kemm għall-assi kif ukoll għall-obbligazzjonijiet), l-inkapaċità ta’ persuna li tiret (kif stipulat mil-liġi), diżeredazzjoni ta’ dixxendenti (fuq il-bażi ta’ strument ta’ diżeredazzjoni magħmula mid-deċedut) u escheat (fejn, jekk ma jkunx hemm werrieta, il-patrimonju jgħaddi f’idejn l-Istat), iżda ma tirrikonoxxix testmenti konġunti, ftehimiet dwar is-suċċessjoni jew rigali fil-ħin tal-mewt.

3.8 Proprjetà reali

Il-liġi Slovakka tiddefinixxi proprjetà immobbli bħala art jew bini mal-art b’sisien sodi (l-Artikolu 119 tal-Kodiċi Ċivili).

Skont l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-fattur ta’ konnessjoni ġenerali għad-drittijiet fuq il-proprjetà immobbli jkun il-liġi tal-post fejn tinsab (l-Artikolu 5 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li tapplika wkoll għal proprjetà mobbli jekk ma tkunx koperta mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 8 — ara 2.3). Madankollu, l-Artikolu 7 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jieħu preċedenza fuq din ir-regola, filwaqt li tingħata konsiderazzjoni għal entrati f’reġistri pubbliċi għall-istabbiliment, l-emendar jew it-terminazzjoni tad-drittijiet materjali għal proprjetà li tinsab fi Stat ieħor limhux l-Istata li l-liġi tiegħu tirregola l-bażijiet legali għall-istabbiliment, l-emendar jew it-terminazzjoni tad-drittijiet materjali għal dik il-proprjetà. F’każijiet bħal dawn, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija l-leġiżlazzjoni dwar entrati f’reġistri pubbliċi fis-seħħ fil-post fejn tinsab il-proprjetà.

Skont il-liġi Slovakka attwali, it-terminu “atti pubbliċi” hu assoċjat mar-Reġistru tal-Art u l-Bini (Katast) (l-Att Nru 162/1995 dwar ir-Reġistru tal-Art u l-Bini), iżda l-istorja tal-proprjetà tinkludi r-Reġistru tal-Artijiet, ir-Reġistru tal-Linji Ferrovjarji, ir-Reġistru tal-Minjieri u r-Reġistru tal-Passaġġi fuq l-Ilma.

3.9 Insolvenza

Proċedimenti ta’ insolvenza b’element barrani li jinvolvu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea huma rregolati mill-Att Nru 7/2005 dwar l-insolvenza u r-ristrutturar (“il-Kodiċi tal-Insolvenza”), sakemm ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 ma jistipulax mod ieħor. Skont il-Kodiċi ta’ Insolvenza, jekk ir-Repubblika Slovakka mhijiex marbuta minn trattat internazzjonali li jirregola s-sodisfazzjon tal-kredituri ta’ debitur fallut, japplika l-prinċipju tar-reċiproċità għar-rikonoxximent ta’ sentenzi barranin fi proċedimenti skont il-Kodiċi tal-Insolvenza. Insolvenza ddikjarata minn qorti Slovakka tapplika wkoll għal assi li jkunu jinsabu f’territorju ta’ pajjiż barrani jekk il-liġijiet ta’ dak il-pajjiż barrani jippermettu dan.

L-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fih regoli ta’ konflitt tal-liġijiet li japplikaw mutatis mutandis għal falliment, jiġifieri l-Artikolu 5 (il-fattur ta’ konnessjoni huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà mobbli jew immobbli), l-Artikolu 7 (il-fattur ta’ konnessjoni għal reġistrazzjoni f’reġistri pubbliċi huwa l-post fejn tinsab il-proprjetà) u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi (l-Artikolu 9 et seq.).

L-aħħar aġġornament: 22/04/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.