Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

AVVIŻ: It-tweġibiet mogħtija hawn isfel MA JAPPLIKAWX għal sitwazzjonijiet regolati mil-liġi tal-UE

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tal-4 ta’ Frar 2011 (test konsolidat: Ġurnal tal-Liġijiet 2015, partita 1792), (“il-PILA”).

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Il-Konvenzjoni tal-Aja tas-17 ta’ Lulju 1905 dwar iċ-ċaħda tad-drittijiet ċivili u miżuri simili ta’ protezzjoni

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961 dwar il-kunflitti ta' liġijiet relatati mal-forma ta' dispożizzjonijiet testamentarji

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar is-setgħat tal-awtoritajiet u tal-liġi applikabbli fir-rigward tal-protezzjoni tat-tfal

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment

Il-Konvenzjoni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali nfetħet għall-iffirmar f’Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980

Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Il-Polonja ffirmat numru ta’ ftehimiet bilaterali fuq tranżazzjonijiet legali, li kienu jipprevedu wkoll ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet. Dawn jinkludu ftehimiet kemm mal-Istat Membri tal-UE u ma’ pajjiżi terzi. Minħabba li l-istrumenti li jorbtu lill-Istati Membri tal-UE u li jinkludu regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rigward diversi oqsma jieħdu preċedenza fuq ftehimiet bilaterali ffirmati bejn l-Istati Membri, fil-prinċipju, il-ftehimiet ma’ pajjiżi terzi biss għandhom importanza prattika.

Dawn jinkludu ftehimiet mal-Belarus (26 ta’ Ottubru 1994), mar-Russja (16 ta’ Settembru 1996), l-Ukrajna (24 ta’ Mejju 1993), ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (28 ta’ Settembru 1986), Cuba (18 ta’ Novembru 1982), il-Vjetnam (22 ta’ Marzu 1993) u b’suċċessjoni (abbażi tal-ftehim mal-Jugoslavja datat 6 ta’ Frar 1960), mal-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja.

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Iva, l-qorti tapplika r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet ex officio. Hija tapplika wkoll il-liġi barranija ex officio fejn regola dwar il-kunflitt tal-liġijiet tidentifika dik il-liġi bħala applikabbli wkoll għal kwistjoni speċifika.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Skont l-Artikolu 5 tal-PILA, ir-rinviju bil-maqlub biss huwa permess taħt il-liġi Pollakka.

Il-Paragrafu 1 ma japplikax jekk il-liġi applikabbli ġiet determinata:

1) bl-għażla tal-liġi;

2) skont il-forma tat-tranżazzjoni legali;

3)   fir-rigward ta’ obbligi kuntrattwali, obbligu mhux kuntrattwali jew tranżazzjoni legali unilaterali li għalihom dan l-Att jistabbilixxi l-liġi applikabbli.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Id-derogi mill-applikazzjoni tal-liġi stipulati mir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjoni legali huma previsti fl-Artikoli 3 u 10 tal-PILA.

Artikolu 3(1). Fejn l-Att jeħtieġ l-applikazzjoni tal-lex patriae u ma jkunx possibbli li tiġi determinata n-nazzjonalità tal-persuna konċernata, jekk ma għandhiex nazzjonalità jew ma jistax jiġi determinat il-kontenut tal-lex patriae, tapplika l-liġi tad-domiċilju tal-persuna u, fejn ma jkollhiex domiċilju, tapplika l-liġi tar-residenza abitwali tagħha.

Artikolu 10(1). Fejn ikun impossibbli li jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li jiddeterminaw l-applikabilità tal-liġi, tapplika l-liġi li magħha hija l-aktar marbuta r-relazzjoni legali. Barra minn hekk, il-liġi Pollakka għandha tapplika fejn ikun impossibbli li jiġi determinat il-kontenut tal-liġi barranija applikabbli f’ammont ta’ żmien raġonevoli.

Barra minn hekk ukoll, l-Artikolu 67 tal-PILA jgħid illi fejn ma tiġi identifikata l-ebda liġi applikabbli fil-PILA, f’regolamenti speċifiċi, fi ftehimiet internazzjonali rratifikati u eżegwibbli fil-Polonja jew fil-liġi tal-UE, il-liġi li tirregola r-relazzjoni legali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li magħha hija l-aktar marbuta r-relazzjoni legali.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-qorti tidentifika u tapplika l-liġi barranija ex officio - l-Artikolu 51a(1) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji tas-27 ta’ Lulju 2001 (test konsolidat: Ġurnal tal-Liġijiet 2019, partita 52), kif emendat).

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rilevanti stabbiliti fil-PILA:

L-Artikolu 28(1). Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali għandha tiġi determinata mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177 tal-4 ta’ Lulju 2008, p.6). Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom japplikaw fejn hu xieraq għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu mill-Artikolu 1(2)(j) tar-Regolament imsemmi fil-paragrafu 1.

Skont l-Artikolu 29(1)tal-PILA, fejn il-liġi Pollakka tipprovdi għal obbligu ta’ assigurazzjoni, il-kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jiġi regolat mil-liġi Pollakka.

2. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea li jipprovdi għal obbligu ta’ assigurazzjoni teħtieġ illi tiġi applikata l-liġi ta’ dak l-Istat Membru għall-kuntratt ta' assigurazzjoni, għandha tapplika dik il-liġi.

L-Artikolu 30(1) Bl-eċċezzjoni tal-każijiet speċifikati fir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 28, l-għażla tal-liġi applikabbli ta’ pajjiż ieħor li mhux Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea fir-rigward ta’ kuntratt li huwa marbut mill-qrib mat-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed ma tistax iċċaħħad lill-konsumaturi mill-protezzjoni mogħtija lilhom mil-liġi Pollakka li tittrasponi d-direttivi li ġejjin:

1)   1) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95 tal-21 ta’ April 1993, p. 29; ĠU UE Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk, Kapitolu 15 Volum 2 p. 288);

2)   (imħassar);

3)   Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171 tas-7 ta’ Lulju 1999, p. 12; ĠU UE Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk, Kapitolu 15 Volum 4 p. 223);

4)   Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271 tad-9 ta’ Ottubru 2002, p. 16; ĠU UE Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk, Kapitolu 6 Volum 4 p. 321);

5) Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66 kif emendata).

2. Fejn il-liġi applikabbli għal kuntratt li huwa kopert mid-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perjodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10) hija l-liġi ta’ pajjiż li mhux Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-konsumaturi ma jistgħux jiġu miċħuda mill-protezzjoni li jgawdu minnha taħt il-liġi Pollakka li tittrasponi dik id-Direttiva:

1)   jekk xi proprjetà immobbli tinsab f’wieħed mill-Istati Membri, jew

2)   fir-rigward ta’ ftehim li ma għandux x’jaqsam direttament mal-proprjetà immobbli, jekk operatur ekonomiku jmexxi n-negozju tiegħu jew l-attività professjonali tiegħu f’wieħed mill-Istati Membri jew jittrasferixxi dik l-attività f’wieħed mill-Istati Membri b’xi mod u l-kuntratt jaqa’ taħt dik l-attività.

L-Artikolu 31. Obbligu minħabba titolu ta' sigurtà li mhux kambjala jew ċekk għandu jiġi regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih ġie eżegwit jew maħruġ dak it-titolu.

L-Artikolu 32(1) Obbligu li jseħħ minħabba tranżazzjoni legali unilaterali għandu jiġi regolat mil-liġi magħżula mill-parti li qed twettaq dik it-tranżazzjoni. Meta’ ż-żewġ partijiet għal dan l-obbligu jiġu identifikati, il-liġi għanda tintagħżel, tiġi emendata jew imħassra bi ftehim bejn il-partijiet.

2. Fil-każijiet fejn ma ssir l-ebda għażla espressa tal-liġi, obbligu minħabba tranżazzjoni legali unilaterali jiġi regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li qed twettaq dik it-tranżazzjoni għandha r-residenza abitwali jew uffiċċju reġistrat tagħha. Jekk il-fatti tal-każ jindikaw illi l-obbligu huwa aktar marbut mill-qrib mal-liġi ta’ pajjiż differenti, tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż.

Skont l-Artikolu 36 l-effetti ta’ ċessjoni ta’ riċevibbli fir-rigward ta’ partijiet terzi għandhom jiġu determinati mil-liġi tal-pajjiż li għandu ġurisdizzjoni fuq ir-riċevibbli ċeduti.

L-Artikolu 37. Il-liġi applikabbli għall-assunzjoni tad-dejn hija l-liġi tal-pajjiż b’ġurisdizzjoni fuq id-dejn assunt.

L-Artikolu 38. L-effett ta’ bidla fil-valur ta’ munita fuq l-ammont ta’ dejn għandhom jiġu evalwati skont il-liġi applikabbli għad-dejn.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet rilevanti huma stabbiliti fil-PILA:

L-Artikolu 33. Il-liġi applikabbli għall-obbligi riżultanti minn avvenimenti għajr tranżazzjonijiet legali għandha tiġi determinata mir-Regolament (KE) Nru 864/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (ir-Regolament Ruma II) (ĠU L 199, tal-31 ta’ Lulju 2007, p.40).

L-Artikolu 34. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku (Ġurnal tal-Liġijiet 2003/63 partita 585) tiddetermina l-liġi applikabbli għar-responsabbiltà mhux kontrattwali ta’ partijiet terzi minħabba inċidenti tat-traffiku.

L-Artikolu 35. Ir-responsabbiltà tal-partijiet terzi għall-azzjonijiet u omissjonijiet tal-korpi li jeżerċitaw awtorità pubblika f’pajjiż speċifiku għandha tiġi regolata mil-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li japplikaw għall-istatus ta’ persuna fiżika:

Il- kapaċità ġuridika ta’ persuna fiżika u l-kapaċita tagħha biex twettaq tranżazzjonijiet legali għandhom jiġu regolati mill-lex patriae tagħha (Artikolu 11(1)).

2. Fejn persuna fiżika qed twettaq tranżazzjoni legali fi ħdan il-qafas tan-negozju tagħha, ikun suffiċjenti illi jkollha l-kapaċità biex twettaq din it-tranżazzjoni skont il-liġi tal-pajjiż fejn huwa bbażat in-negozju.

3. Il-paragrafu 1 ma jeskludix l-applikazzjoni tal-liġi li tirregola t-tranżazzjoni legali jekk hija tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi fir-rigward tal-kapaċità biex twettaq dik it-tranżazzjoni legali.

Skont l-Artikolu 12, meta jkun ġie ffirmat ftehim minn partijiet li jinsabu fl-istess pajjiż, persuna fiżika li għandha l-kapaċità tiffirma dak il-ftehim skont il-liġi ta’ dak il-pajjiż tista’ tinvoka inkapaċità skont il-liġi msemmija fl-Artikolu 11(1) biss jekk il-parti l-oħra ma kinitx taf b’dik l-inkapaċità meta ffirmat il-ftehim jew meta’ l-parti l-oħra ma kinitx taf b’negliġenza b’dik l-inkapaċità dakinhar tal-iffirmar.

2. Persuna fiżika li twettaq tranżazzjoni legali unilaterali u li għandha l-kapaċità tagħmel hekk skont il-liġi tal-pajjiż fejn saret it-tranżazzjoni tista’ tinvoka l-inkapaċità skont il-liġi msemmija fl-Artikolu 11(1) biss jekk din ma taffettwax ħażin lil kull persuna li, meta aġixxiet b’diliġenza dovuta, straħet fuq l-assunzjoni illi dik il-persuna li wettqet it-tranżazzjoni legali kellha l-kapaċità rikjesta biex tagħmel hekk.

3. Jekk persuna fiżika taġixxi permezz ta’ rappreżentant, l-applikabilità tal-paragrafi 1 u 2 tiġi determinata miċ-ċirkostanzi rilevanti li jikkonċernaw ir-rappreżentant.

4. Il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għat-tranżazzjonijiet legali fil-qasam tal-liġi tal-familja u tal-kurazija jew il-liġi tas-suċċessjoni, jew għal xi regolamenti dwar propjetà immobbli f’pajjiż li mhux il-pajjiż li fih twettqet it-tranżazzjoni legali.

Skont l-Artikolu 13(1), l-inkapaċità legali għandha tiġi regolata mill-lex patriae tal-persuna fiżika inkapaċitata.shall be governed by the lex patriae of the incapacitated natural person. Fejn Qorti Pollakka tiddeċiedi dwar l-inkapaċità ta’ ċittadin barrani, tapplika l-liġi Pollakka.

L-Artikolu 14(1) jeħtieġ l-applikazzjoni tal-lex patriae għall- preżunzjoni jew dikjarazzjoni tal-mewt ta’ persuna fiżika. Fejn Qorti Pollakka tiddeċiedi dwar il-preżunzjoni jew dikjarazzjoni tal-mewt ta’ ċittadin barrani, tapplika l-liġi Pollakka.

Skont l-Artikolu 16(1), id-drittijiet personali ta’ persuna fiżika jiġu regolati mil-lex patriae tagħhom.

Persuna fiżika li d-drittijiet personali tagħha jiġu mhedda jew ġew miksura tista’ titlob protezzjoni taħt il-liġi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu seħħ l-avveniment li kkawża din it-theddida jew vjolazzjoni, jew taħt il-liġi tal-pajjiż li fit-territorju tiegħu seħħew l-effetti tal-vjolazzjoni.

Jekk id-drittijiet personali ta’ persuna fiżika ġew miksura mill-midja tal-massa, id-dritt ta’ risposta, għal korrezzjoni jew għal miżura simili ta’ protezzjoni għandhom jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn għandu l-uffiċċju reġistrat jew residenza abitwali l-pubblikatur jew xandar.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet applikabbli għar-relazzjonijiet bejn ġenituri u tfal (PILA):

Il-filjazzjoni ta’ wild tista’ tiġi determinata jew ikkontestata skont il-the lex patriae tal-wild fil-mument tat-twelid tiegħu (l-Artikolu 55(1) tal-PILA).Jekk il-lex patriae tal-wild meta’ jitwieled ma tippermettix ir-rikonoxximent tal-paternità permezz ta’ ordni tal-qorti, il-filjazzjoni paterna b’ordni tal-qorti tiġi regolata mil-lex patriae tat-tifel fil-mument meta’ ġiet aċċertata l-filjazzjoni tat-tifel. Ir-rikonoxximent tal-filjazzjoni tat-tfal għandha tiġi regolata mil-lex patriae tagħhom fi żmien ir-rikonoxximent. Meta’ l-liġi ma tipprovdix għar-rikonoxximent ta’ tifel, tapplika l-lex patriae tat-tifel meta jitwieled, sakemm din tippermetti dan ir-rikonoxximent. Ir-rikonoxximent ta’ wild konċeput jew li għadu ma twelidx għandu jiġi regolat mil-lex patriae tal-omm fi żmien ir-rikonoxximent.

Skont l-Artikolu 56(1) tal-PILA, Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (ĠU L 151 tal-11 ta’ Ġunju 2008, p.39; Ġurnal tal-Liġijiet 2010/172, partita 1158) tiddetermina l-liġi applikabbli għas-setgħa tal-ġenituri u d-drittijiet ta’ kustodja.

Meta l-post ta’ residenza abitwali ta’ tifel jinbidel għal pajjiż li mhux parti mill-konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tibda tiddetermina t-termini għall-applikazzjoni tal-miżuri imposti fil-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti tat-tifel..

Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta' Ottubru 1996 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u l-miżuri għall-protezzjoni tat-tfal tiddetermina l-liġi applikabbli għat-tutela tat-tfal (Artikolu 59 tal-PILA).

Meta l-post ta’ residenza abitwali ta’ tifel jinbidel għal pajjiż li mhux parti mill-konvenzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-liġi ta’ dak il-pajjiż tibda tiddetermina t-termini għall-applikazzjoni tal-miżuri imposti fil-pajjiż tar-residenza abitwali preċedenti tat-tifel.

3.4.2 L-adozzjoni

Skont l-Artikolu 57 tal-PILA, l-adozzjoni għandha tiġi regolata mil-lex patriae tal-ġenitur adottiv.

L-adozzjoni konġunta mill-konjuġi għandha tiġi regolata mil-lex patriae komuni tagħhom. Meta l-konjuġi ma għandhomx lex patriae komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma t-tnejn domiċiljati u, jekk ma jkunux domiċiljati fl-istess pajjiż, imbagħad il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iż-żewġ konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom. Meta l-konjuġi ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż li miegħu huma aktar qrib il-konjuġi.

Kif stabbilit fl-Artikolu 58 tal-PILA, l-adozzjoni tkun impossibbli mingħajr l-applikazzjoni tal-lex patriae tal-persuna li se tkun adottata rigward il-kunsens tagħha, il-kunsens tar-rappreżentant legali tagħha u l-kunsens tal-awtorità kompetenti, kif ukoll kull restrizzjoni fuq l-adozzjoni wara tibdil ta’ domiċilju lejn pajjiż differenti.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Il-kapaċità biex wieħed jidħol għaż-żwieġ tiġi determinata fir-rigward ta’ kull waħda mill-partijiet mil-lex patriae fi żmien it-tieġ (l-Artikolu 48 tal-PILA.)

Skont id-dispożizzjonijet tal-Artikolu 49(1), il-forma li biha jiġi ċelebrat iż-żwieġ tiġi regolata mil-liġi tal-pajjiż fejn ġie ċelebrat. Jekk iż-żwieġ jiġi ċċelebrat barra l-Polonja, ikun suffiċjenti illi wieħed iħares ir-rekwiżiti tal-lex patriae taż-żewġ konjuġi jew il-liġi tad-domiċilju jew residenza abitwali taż-żewġ konjuġi fiż-żmien taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ.

Skont l-Artikolu 50 tal-PILA, il-liġi msemmija fl-Artikoli 48 u 49 għandha tapplika mutatis mutandis għall-effetti tal-inabilità għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u n-nuqqas ta’ osservazzjoni tar-rekwiżiti rigward il-forma li biha ġie ċċelebrat iż-żwieġ.

Ir-relazzjonijiet personali tal-konjuġi u r-reġim tal-propjetà matrimonjali għandhom jiġu regolati mil-lex patriae komuni tagħhom (l-Artikolu 51(1). Meta l-konjuġi ma għandhomx lex patriae komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma t-tnejn domiċiljati u, jekk ma jkunux domiċiljati fl-istess pajjiż, imbagħad il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iż-żewġ konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom. Meta l-konjuġi ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż li miegħu huma aktar qrib il-konjuġi.

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

L-ebda

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Skont l-Artikolu 54 tal-PILA, ix-xoljiment taż-żwieġ jiġi regolat mil-lex patriae komuni tal-konjuġi meta’ jitolbu x-xoljiment taż-żwieġ. Meta l-konjuġi ma jkollhomx lex patriae komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma t-tnejn domiċiljati meta jitlobu x-xoljiment taż-żwieġ u, fejn ma jkollhomx domiċilju komuni meta’ jitolbu x-xoljiment taż-żwieġ, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar residenza abitwalit tagħhom, sakemm tibqa’ r-residenza abitwali ta’ xi ħadd minhhom. Il-liġi Pollakka għandha tapplika meta ma jkunx hemm ċirkostanzi li jippermettu d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli.

Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom japplikaw mutatis mutandis għas-separazzjoni legali.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Skont l-Artikolu 63, il-liġi applikabbli għall-manteniment tiġi determinata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment ( ĠU L 7, 10.1.2009 p.1).

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Ir-relazzjonijiet personali tal-konjuġi u r-reġim tal-propjetà matrimonjali għandhom jiġu regolati mil-lex patriae komuni tagħhom (l-Artikolu 51(1). Meta l-konjuġi ma għandhomx lex patriae komuni, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn huma t-tnejn domiċiljati u, jekk ma jkunux domiċiljati fl-istess pajjiż, imbagħad il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iż-żewġ konjuġi għandhom ir-residenza abitwali tagħhom. Meta l-konjuġi ma jkollhomx ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż, il-liġi applikabbli tkun il-liġi tal-pajjiż li miegħu huma aktar qrib il-konjuġi.

Skont l-Artikolu 52(1) tal-PILA, il-konjuħi jistgħu jagħżlu l-lex patriae ta’ wieħed minnhom, jew il-liġi tal-pajjiż fejn huwa domiċiljat jew għandu r-residenza abitwali tiegħu wieħed minnhom bħala l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom. L-għażla tal-liġi tista’ ssir ukoll qabel jiġi ċċelebrat iż-żwieġ.

Il-kuntratti dwar il-propjetà matrimonjali huma regolati mil-liġi magħżula mill-partijiet kif jgħid il-paragrafu 1. F’każijiet fejn ma ssir l-ebda għażla espliċita tal-liġi, il-kuntratt dwar il-propjetà matrimonjali jiġi regolat mil-liġi applikabbli għar-relazzjoni personali u r-reġim tal-propjetà matrimonjali tal-konjuġi, fiż-żmien meta kien ġie ffirmat il-kuntratt. Meta ssir l-għażla tal-liġi biex tirregola r-reġim ta’ propjetà matrimonjali jew il-kuntratt matrimonjali, ikun biżżejjed illi tinżamm il-forma meħtieġa għall-kuntratti ta’ propjetà matrimonjali skont il-liġi magħżula jew skont il-liġi tal-pajjiż fejn intagħżlet il-liġi.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni hija indikata fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ( ĠU L 201, 27.7.2012, p.107, kif emendat).

3.8 Proprjetà reali

Skont l-Artikolu 41(1) tal-PILA, is-sjieda u d-drittijiet oħra ta’ proprjetà jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab is-soġġett tagħhom. L-akkwist u t-telf tal-propjetà u l-akkwist, it-telf jew bidla fil-kontenut jew prijorità ta’ drittijiet oħra ta’ propjetà jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinsab is-soġġett tagħhom meta seħħ l-avveniment li ta lok għall-effetti legali msemmija hawn qabel.

3.9 Insolvenza

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet li jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta' falliment huma stabbilit fl-Att dwar il-Falliment tat-28 ta’ Frar 2003 (test konsolidat: Ġurnal tal-Liġijiet 2019, partita 498):

Skont l-Artikolu 460 tal-Att dwar il-Falliment, il-liġi Pollakka għandha tapplika għall-proċedimenti ta’ falliment imressqa fil-Polonja, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu ma jipprevdux mod ieħor.

Skont l-Artikolu 461 tal-Att dwar il-Falliment, ix-xogħol tal-ħaddiema impjegati fi Stat Membru ieħor tal-UE jew ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jiġi regolat mill-kuntratt ta' impjieg tagħhom.

Il-liġi li tiddetermina jekk oġġett partikolari jikkostitwix propjetà immobbli hija l-liġi applikabbli fil-post fejn jinsab dak l-oġġett.

Ftehimiet dwar l-użu jew l-akkwist ta’ proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor tal-UE jew ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà immobbli.

Id-drittijiet marbuta ma’ proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor tal-UE jew ta’ Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jew ma’ bastimenti tal-baħar jew inġenji tal-ajru rreġistrati jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinżamm ir-reġistru rilevanti.

Dikjarazzjoni ta’ falliment ma tiksirx id-drittijiet tal-kredituri jew ta’ partijiet terzi li rreġistraw ipoteka fuq l-assi jew propjetà oħra tal-parti falluta li jinsabu fi Stat Membru differenti tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea, mingħajr l-esklużjoni ta’ xi partijiet organizzati tal-propjetà u b’mod partikolari, id-dritt ta’ trasferiment tal-propjetà biex tkopri dejn jew id-dritt li jiġi kopert id-dejn mill-benefiċċji mogħtija mill-propjetà, pleġġ u drittjiet ipotekarji, id-dritt li jintalab ir-rilaxx tal-propjetà mill-persuni responsabbli għaliha kontra l-volontà tal-parti awtorizzata jew id-dritt li l-propjetà tintuża bħala t-trustee tagħha (l-Artikolu 462 tal-Att dwar il-Falliment). Dan japplika għad-drittijiet u t-talbiet personali imniżżla fir-reġistru tal-artijiet u tal-ipoteki u f’reġistri pubbliċi oħra fejn l-eżerċizzju tagħhom jirriżulta fil-kreazzjoni tad-drittijiet imsemmija hawn fuq.

Skont l-Artikolu 463(1) tal-Att dwar il-Falliment, ir-riżerva tad-dritt ta’ sjieda lill-bejjiegħ f’kuntratt ta’ bejgħ ma tiskadix bħala riżultat ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ bank domestiku li huwa l-akkwirent tal-oġġett tal-ftehim jekk, meta’ jiġi dikjarat il-falliment, l-oġġett tal-ftehim ikun jinsab fi Stat Membru differenti tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ bank domestiku li qed jittrasferixxi ass ma tistax tipprovdi bażi għall-irtirar mill-kuntratt ta’ bejgħ jekk l-oġġett tal-bejgħ kien trasferit qabel ġie ddikjarat il-falliment u l-oġġett tal-bejgħ kien jinsab barra l-pajjiż meta ġie ddikjarat il-falliment.

Skont l-Artikolu 464, l-eżerċizzju tad-drittijiet li, sabiex jinħolqu, jeżistu jew jiġu trasferiti, jridu jiġu mniżżla f’reġistru, żvelati f’kont jew depożitati f’depożitu ċentrali, jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn jinżammu dawn ir-reġistri, kontijiet jew depożiti.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 464, id-dritt ta’ riakkwist għandu jiġi regolat mil-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali li jirregolaw il-ftehim li ta lok għad-dritt.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 464, il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali li jirregolaw it-tranżazzjonijiet konklużi f’suq regolat għandhom japplikaw għall-ftehimiet iffirmati fi ħdan il-qafas tat-tranżazzjonijiet imwettqa fis-suq regolat fi ħdan it-tifsira tal-Att dwar in-Negozju fl-Istrumenti Finanzjarji tad-29 ta’ Lulju 2005.

It-tpaċija prevista fl-Artikolu 467 tal-Att dwar il-Falliment għandu jiġi regolat mil-liġi dwar l-obbligi kuntrattwali li japplikaw għall-ftehim ta’ tpaċija.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4671 tal-Att dwar il-Falliment, id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma tiksirx id-dritt tal-kreditur li jpaċi d-dejn tiegħu mad-dejn tal-parti falluta fejn dan huwa permess skont il-liġi applikabbli għad-dejn tal-parti falluta.

L-eżekuzzjoni u l-validità ta’ tranżazzjoni legali mwettqa wara dikjarazzjoni ta’ falliment u li tikkonsisti fit-trasferiment ta’ proprjetà immobbli, ta’ bastiment tal-baħar jew inġenju tal-ajru li jrid jitniżżel fir-reġistru, jew tat-trasferiment ta’ drittijiet li, sabiex jiġu kreati, sabiex jeżistu jew jiġu trasferiti, jridu jitniżżlu f’reġistru, imniżżla f’kont jew iddepożitati f’depożitu ċentrali, għandhom jiġu regolati mil-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-propjetà jew fejn huma miżmuma dawn ir-reġistru, kontijiet jew depożiti.

Skont l-Artikolu 469 tal-Att dwar il-Falliment, id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni u l-invalidità ta’ tranżazzjoni legali mwettqa bi ħsara għall-kredituri ma japplikawx fejn il-liġi applikabbli għat-tranżazzjoni ma tippermettix li tranżazzjonijiet legali mwettqa bi ħsara għall-kredituri jitqiesu mhux eżegwibbli.

Skont l-Artikolu 470 tal-Att dwar il-Falliment, l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ falliment fuq proċedimenti legali pendenti quddiem qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew Stat Membru tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huwa parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jiġu evalwati skont il-liġi tal-pajjiż fejn huma pendenti l-proċedimenti.

L-aħħar aġġornament: 07/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.