Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Il-Kapitolu II, il-Parti I, l-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja

Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)

Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji.

Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-Poteri tal-Awtoritajiet u l-Liġi Applikabbli fir-rigward tal-Protezzjoni tal-Minuri.

Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku.

Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli għal Obbligi Kuntrattwali miftuħa għall-iffirmar f'Ruma fid-19 ta’ Ġunju 1980.

Il-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal.

Il-Konvenzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2007 dwar il-Ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (il-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida).

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

F’konformità mal-Artikolu 33(1) tal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Qrati, meta jisimgħu l-kawża, il-qrati jkunu ggwidati mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, mil-liġijiet, mill-ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti r-Repubblika tal-Litwanja, mir-riżoluzzjonijiet tal-Gvern, u minn atti legali oħra fis-seħħ fir-Repubblika tal-Litwanja li ma jkunux f’kunflitt mal-liġijiet. F’konformità mal-Artikolu 1.10(1) tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, liġi barranija tapplika għal relazzjonijiet ċivili meta jkun stipulat hekk mill-ftehimiet internazzjonali li għalihom hija parti r-Repubblika tal-Litwanja, mill-ftehimiet bejn il-partijiet jew mil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

F’konformità mal-Artikolu 1.14 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, jekk il-liġi barranija applikabbli tipprevedi renvoi lura għal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja tapplika biss fil-każijiet previsti f’dan il-Kodiċi jew fil-liġi barranija. Jekk il-liġi barranija applikabbli tipprevedi renvoi għal-liġi ta’ stat terz, il-liġi tal-istat terz tkun tapplika biss fil-każijiet previsti f’dan il-Kodiċi jew fil-liġi tal-istat terz. Jekk, meta tiddetermina l-istat legali ċivili ta’ persuna, il-liġi barranija applikabbli tirreferi lura għal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja tkun applikabbli. Dawn ir-regoli ma japplikawx fl-istanzi li fihom il-liġi applikabbli tkun intgħażlet mill-partijiet fi tranżazzjoni, inkluża d-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-forma tat-tranżazzjoni u tal-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali. Meta r-regoli tad-dritt internazzjonali privat ikunu jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ trattat/konvenzjoni internazzjonali, il-kwistjonijiet ta’ renvoi u r-renvoi għal-liġi ta’ stat terz ikunu rregolati bid-dispożizzjonijiet tat-trattat/tal-konvenzjoni internazzjonali applikabbli.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja ma jistabbilixxix regola ġenerali f’dan ir-rigward.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

F’konformità mal-Artikolu 1.11 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, ir-regoli tal-liġi barranija ma japplikawx jekk l-applikazzjoni tagħhom tkun tmur kontra l-ordni pubblika stabbilita mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u minn liġijiet oħra. F’dawn il-każijiet japplikaw il-liġijiet ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja. Ir-regoli obbligatorji tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja jew ta’ stat ieħor li miegħu tkun l-aktar marbuta mill-qrib it-tilwima, japplikaw irrispettivament mill-fatt li l-partijiet ikunu għażlu liġi barranija differenti permezz ta’ ftehim. Meta jiddeċiedu fuq dawn il-materji, il-qrati jridu jqisu n-natura u l-objettivi ta’ dawk ir-regoli u l-konsegwenzi tal-applikazzjoni jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-liġi barranija applikabbli skont dan il-Kodiċi tista’ ma tiġix applikata meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, dik il-liġi ma jkollha l-ebda konnessjoni ċara mal-każ jew ma’ parti minnu, iżda minflok tkun marbuta mal-liġi ta’ stat ieħor. Din ir-regola ma tapplikax meta l-liġi applikabbli tkun intgħażlet bi ftehim bejn il-partijiet fit-tranżazzjoni.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

F’konformità mal-Artikolu 1.12 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, fil-każijiet imsemmija mill-ftehimiet internazzjonali jew mil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi barranija tiġi applikata, interpretata u l-kontenut tagħha jiġi ddeterminat mill-qorti ex officio (fuq inizjattiva tagħha stess). Meta l-applikazzjoni tal-liġi barranija tkun prevista minn ftehim bejn il-partijiet, l-evidenza kollha relatata mal-kontenut tal-liġi barranija applikata, b’kunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni uffiċjali ta’ dik il-liġi, tal-prattika tal-applikazzjoni tagħha u tad-duttrina tal-istat barrani kkonċernat, għandha tiġi pprovduta mill-parti li tibbaża fuq il-liġi barranija. Fuq it-talba ta’ parti fit-tilwima, il-qorti tista’ tipprovdi assistenza fil-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-liġi barranija applikabbli. Jekk il-qorti jew parti li tibbaża fuq il-liġi barranija tonqos milli tikkonforma ma’ dawk l-obbligi, tapplika l-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja. F’każijiet eċċezzjonali, fejn ikun hemm bżonn li jittieħdu miżuri interim urġenti sabiex ikunu protetti d-drittijiet tal-individwu jew l-assi tiegħu sakemm tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għat-tilwima u għall-kontenut tagħha, il-qorti tista’ tiddeċiedi fuq materji urġenti billi tapplika l-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

F’konformità mal-Artikolu 1.37 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, l-obbligi kuntrattwali huma rregolati bil-liġi magħżula bi ftehim bejn il-partijiet fl-obbligu. Ftehim bħal dan bejn il-partijiet jista’ jkun stabbilit skont it-termini tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet jew jista’ jiġi inferit miċ-ċirkostanzi fattwali tal-każ. Permezz ta’ ftehim reċiproku, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ pajjiż partikolari, li tapplika għall-kuntratt sħiħ jew għal parti jew partijiet minnu. Fi kwalunkwe waqt, u bi ftehim reċiproku, il-partijiet jistgħu jissostitwixxu l-liġi magħżula qabel applikabbli għall-obbligu kuntrattwali b’liġi oħra. Tibdil fil-liġi applikabbli jkollu effett retroattiv, iżda ma jistax jiġi invokat kontra terzi u ma jrendix il-kuntratt ineffettiv. Il-fatt li l-partijiet ikunu għażlu, bi ftehim reċiproku, liġi barranija li għandha tkun applikabbli għall-kuntratt ma jikkostitwixxix raġuni valida għar-rifjut tal-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja jew ta’ stat ieħor, li l-partijiet ma jistgħux jemendaw jew jirrinunzjaw bi ftehim.

Jekk il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, tapplika l-liġi tal-istat li miegħu jkun marbut l-aktar mill-qrib l-obbligu kuntrattwali. F’każ bħal dan, jiġi preżunt li l-istat l-aktar affettwat mill-obbligu skont il-kuntratt ikun l-istat li jkunu stabbiliti fit-territorju tiegħu dawn li ġejjin:

(1) id-domiċilju jew l-amministrazzjoni ċentrali tal-parti li tkun meħtieġa twettaq l-obbligu l-aktar karatteristiku tal-kuntratt. Jekk l-obbligu jkun marbut aktar mill-qrib mal-liġi tal-istat fejn jinsab il-post tan-negozju tal-parti fl-obbligu, tapplika l-liġi ta’ dak l-istat;

(2) il-post tal-proprjetà immobbli, fejn is-suġġett tal-kuntratt ikun dritt għall-proprjetà immobbli jew dritt għall-użu ta’ proprjetà immobbli;

(3) is-sede prinċipali tal-operatur ta’ trasport fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ġarr, sakemm il-merkanzija tkun tgħabbiet jew l-uffiċċju prinċipali tal-konsenjatur jew il-post tad-dispaċċ tal-merkanzija jkun jinsab fl-istess stat bħas-sede prinċipali tal-operatur ta’ trasport.

Id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar ma tapplikax meta l-post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jkun l-aktar karatteristiku tal-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat u l-preżunzjonijiet stabbiliti f’dak il-paragrafu ma jkunux jistgħu jitħaddmu għaliex miċ-ċirkostanzi tal-każ ikun jidher li l-kuntratt ikun marbut aktar mill-qrib ma’ stat ieħor.

Il-kuntratti tal-assigurazzjoni huma rregolati bil-liġi tal-istat tad-domiċilju tal-assiguratur jew, fil-każ ta’ assigurazzjoni tal-proprjetà immobbli, bil-liġi tal-istat fejn tinsab il-proprjetà.

Ftehim ta’ arbitraġġ huwa rregolat bil-liġi li tirregola l-kuntratt ewlieni jew, fin-nuqqas ta’ din, bil-liġi tal-post fejn ikun ġie konkluż il-ftehim ta’ arbitraġġ jew, meta ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat il-post tal-konklużjoni, bil-liġi tal-istat tal-post ta’ arbitraġġ.

Il-kuntratti konklużi f’borża jew fi rkant huma rregolati bil-liġi tal-istat tal-borża jew tal-irkant.

F’konformità mal-Artikolu 1.39 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, id-dritt tal-partijiet f’kuntratt li jagħżlu l-liġi applikabbli f’obbligu kuntrattwali, kif previst fl-Artikolu 1.37 tal-Kodiċi, la jeskludi u lanqas jirrestrinġi d-dritt ta’ konsumatur li jiddefendi l-interessi tiegħu bil-mezzi u bir-rimedji ddefiniti bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tiegħu, sakemm:

(1) il-kuntratt tal-konsumatur ikun ġie konkluż fil-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu fuq il-bażi ta’ offerta speċjali jew ta’ reklamar f’dak il-pajjiż;

(2) il-konsumatur ikun ġie indott mill-parti kontraenti l-oħra sabiex jivvjaġġa f’pajjiż barrani bl-għan li jikkonkludi l-kuntratt;

(3) il-parti l-oħra jew ir-rappreżentant tagħha jkunu rċevew l-ordni mingħand il-konsumatur fl-istat tar-residenza abitwali tiegħu.

Meta l-partijiet f’kuntratt konkluż minn konsumatur ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, tapplika l-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-konsumatur. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma japplikawx għal kuntratti ta’ ġarr jew għal kuntratti ta’ servizzi meta s-servizzi jkunu pprovduti biss lill-konsumatur f’pajjiż għajr ir-Repubblika tal-Litwanja.

F’konformità mal-Artikolu 1.38 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi applikabbli għall-forma tat-tranżazzjoni tiġi ddeterminata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1.37(1) tal-Kodiċi. Meta l-partijiet fit-tranżazzjoni ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli bi ftehim reċiproku, il-forma tat-tranżazzjoni tkun irregolata bil-liġi tal-post tat-tranżazzjoni. Kuntratt konkluż bejn partijiet li jinsabu fi stati differenti jkun validu wkoll jekk il-forma tiegħu tkun tissodisfa r-rekwiżiti legali applikabbli għall-forma ta’ tranżazzjoni bħal din f’mill-anqas wieħed minn dawk l-istati. Il-forma tat-tranżazzjonijiet rigward kwalunkwe proprjetà immobbli jew dritt għaliha trid tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Il-forma tal-kuntratti konklużi minn konsumaturi hija rregolata bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-konsumatur.

F’konformità mal-Artikolu 1.40 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, il-forma ta’ prokura hija rregolata bil-liġi tal-istat fejn tinħareġ. It-terminu tal-validità ta’ prokura, sakemm ma jkunx stipulat fil-prokura, id-drittijiet u l-obbligi tal-aġent, ir-responsabbiltà tal-prinċipal u tal-aġent lejn xulxin u r-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ terzi persuni huma rregolati bil-liġi tal-istat fejn jopera l-aġent.

F’konformità mal-Artikolu 1.41 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, ftehimiet ta’ donazzjoni huma rregolati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali jew tal-post tan-negozju tad-donatur, bl-eċċezzjoni ta’ ftehimiet ta’ donazzjoni għal proprjetà immobbli, li għalihom tapplika l-liġi tal-post tal-proprjetà immobbli. Ftehim ta’ donazzjoni ma jistax jiġi ddikjarat null u bla effett jekk il-forma tiegħu tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi tal-post tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ donazzjoni jew tal-istat tar-residenza abitwali jew tal-post tan-negozju tad-donatur.

F’konformità mal-Artikolu 1.42 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, ir-relazzjonijiet marbuta maċ-ċessjonabbiltà ta’ talba u mat-trasferiment ta’ dejn huma rregolati bil-liġi magħżula bi ftehim bejn il-partijiet. Il-liġi magħżula mill-partijiet ma tistax tkun invokata kontra debituri b’rabta maċ-ċessjoni tat-talba sakemm ma jkunx inkiseb il-kunsens tagħhom għall-għażla tal-liġi. Jekk il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli, il-liġi li tirregola l-obbligu sottostanti li għalih tiġi ċeduta (ittrasferita) t-talba li tirriżulta (id-dejn) tapplika għar-relazzjoni marbuta maċ-ċessjoni tat-talba u tat-trasferiment tad-dejn. Il-forma taċ-ċessjoni ta’ talba jew ta’ trasferiment ta’ dejn hija rregolata bil-liġi applikabbli għaċ-ċessjoni ta’ talba jew ta’ trasferiment ta’ dejn.

Japplikaw ukoll ir-regoli tar-Regolament Ruma I.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

F’konformità mal-Artikolu 1.43 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet b’obbligi li jirriżultaw minn dannu kkawżat jiġu ddeterminati, skont l-għażla tal-parti aggravata, bil-liġi tal-istat fejn ikun seħħ l-att jew iċ-ċirkostanzi l-oħra li jwasslu għad-dannu jew bil-liġi tal-istat fejn seħħ id-dannu. Meta ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat l-istat fejn twettaq l-att jew fejn seħħew iċ-ċirkostanzi l-oħra jew id-dannu, tapplika l-liġi tal-istat li miegħu tkun marbuta l-aktar mill-qrib l-azzjoni għad-dannu. Wara li jseħħ id-dannu, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-kumpens għad-dannu jkun irregolat bil-liġi tal-istat tal-qorti li tisma’ l-kawża. Jekk iż-żewġ partijiet ikunu abitwalment residenti fl-istess stat, il-kwistjoni ta’ kumpens għad-dannu tkun irregolata bil-liġi ta’ dak l-istat.

L-obbligi li jirriżultaw minn dannu kkawżat minn prodotti difettużi huma rregolati bil-liġi tal-istat fejn ikun seħħ id-dannu jekk ir-residenza abitwali tal-parti aggravata jew il-post tan-negozju tal-persuna responsabbli għad-dannu jkun jinsab f’dak l-istat jew il-parti aggravata tkun xtrat il-prodott f’dak l-istat. Jekk il-post tan-negozju tal-persuna responsabbli għad-dannu jkun jinsab fl-istat tar-residenza abitwali tal-parti aggravata, jew jekk il-parti aggravata tkun xtrat il-prodott f’dan l-istess stat, tapplika l-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-parti aggravata. Meta l-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti f’dan il-paragrafu, tapplika l-liġi tal-istat tal-post tan-negozju tal-persuna responsabbli għad-dannu, sakemm ir-rikorrent ma jibbażax it-talba tiegħu fuq il-liġi tal-istat fejn ikun seħħ id-dannu.

Il-liġi applikabbli għall-obbligi li jirriżultaw b’rabta mad-dannu tiddetermina l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ċivili, il-firxa tagħha, il-persuna responsabbli u l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mir-responsabbiltà ċivili.

F’konformità mal-Artikolu 1.44 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi applikabbli għal talbiet għal kumpens ta’ dannu kkawżat fi żmien inċident tiġi ddeterminata f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ The Hague dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku.

F’konformità mal-Artikolu 1.45 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, it-talbiet għal kumpens ta’ dannu kkawżat lil drittijiet personali mhux fi proprjetà mill-midja tal-massa huma rregolati, skont l-għażla tal-parti aggravata, bil-liġi tal-istat fejn tkun tinsab ir-residenza abitwali jew il-post tan-negozju tal-parti aggravata jew fejn ikun seħħ id-dannu, jew bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali jew tal-post tan-negozju tal-persuna li tikkawża d-dannu. Id-dritt ta’ risposta (ċaħda) huwa soġġett għal-liġi tal-istat fejn issir il-pubblikazzjoni inkwistjoni jew li minnu xxandret ix-xandira inkwistjoni fuq ir-radju jew fuq it-televiżjoni.

F’konformità mal-Artikolu 1.46 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, it-talbiet għal kumpens ta’ dannu kkawżat minn kompetizzjoni inġusta huma rregolati bil-liġi tal-istat li fis-suq tiegħu jkunu seħħew l-effetti negattivi tal-kompetizzjoni inġusta. Jekk il-kompetizzjoni inġusta tkun affettwat l-interessi ta’ individwu biss, il-liġi applikabbli tkun dik tal-istat fejn ikun jinsab il-post tan-negozju tal-parti aggravata.

Japplikaw ukoll ir-regoli tar-Regolament Ruma II.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

F’konformità mal-Artikolu 1.15 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, ċittadini barranin fir-Repubblika tal-Litwanja għandhom l-istess kapaċità ġuridika ċivili bħaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja. L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola jistgħu jiġu stabbiliti bil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-ħin tat-twelid jew tal-mewt ta’ ċittadini barranin jiġi ddeterminat bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħhom (l-Artikolu 2.12 tal-Kodiċi) fil-ħin tat-twelid jew tal-mewt. Persuni apolidi fir-Repubblika tal-Litwanja għandhom l-istess kapaċità ġuridika ċivili bħaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja. L-eċċezzjonijiet individwali għal din ir-regola jistgħu jiġu stabbiliti bil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja. Il-ħin tat-twelid jew tal-mewt ta’ persuni apolidi jiġi ddeterminat bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħhom fil-ħin tat-twelid jew tal-mewt.

Skont l-Artikolu 1.16 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, il-kapaċità ċivili ta’ ċittadini barranin u ta’ persuni apolidi tiġi ddeterminata bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħhom. Jekk dawn il-persuni ma jkollhomx residenza abitwali jew din ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata b’ċertezza, il-kapaċità ġuridika tagħhom tiġi ddeterminata f’konformità mal-liġi tal-istat fejn ikunu daħlu għat-tranżazzjoni kkonċernata. Jekk persuna tkun tgħix f’aktar minn stat wieħed, tapplika l-liġi tal-istat li miegħu tkun marbuta l-aktar mill-qrib il-persuna. Ċittadini barranin u persuni apolidi li jkunu residenti permanenti fir-Repubblika tal-Litwanja jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala persuni inabilitati f’ċerti oqsma jew b’kapaċità ġuridika limitata f’ċerti oqsma jew jistgħu jkunu assistiti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet f’konformità mal-proċedura stabbilita bil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja. Tibdil fir-residenza abitwali ma għandu l-ebda effett fuq il-kapaċità ġuridika jekk il-kapaċità ġuridika tkun diġà nkisbet qabel it-tibdil fir-residenza abitwali.

F’konformità mal-Artikolu 1.17 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, persuna ma tistax tinvoka inkapaċità skont il-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħha jekk kellha l-kapaċità ġuridika skont il-liġi tal-istat fejn tkun ġiet konkluża t-tranżazzjoni, sakemm il-parti l-oħra għat-tranżazzjoni ma kinitx taf jew suppost kienet taf bl-inkapaċità ta’ dik il-persuna skont il-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħha. Dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal-liġi tal-familja u tas-suċċessjoni u lanqas għad-drittijiet in rem.

Skont l-Artikolu 1.18 tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, ċittadini barranin u persuni apolidi jiġu rikonoxxuti bħala neqsin jew iddikjarati mejtin f’konformità mal-liġi tal-istat tal-aħħar residenza abitwali magħrufa tagħhom.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Il-filjazzjoni ta’ wild (ir-rikonoxximent, id-determinazzjoni jew il-kontestazzjoni tal-paternità jew tal-maternità) tiġi stabbilita f’konformità mal-liġi tal-istat li l-wild ikun kiseb iċ-ċittadinanza tiegħu mat-twelid jew mal-liġi tal-istat rikonoxxut bħala r-residenza abitwali tal-wild fit-twelid tiegħu jew mal-liġi tar-residenza abitwali ta’ wieħed mill-ġenituri tal-wild jew tal-istat taċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument tat-twelid tal-wild, skont liema tkun l-aktar favorevoli għall-wild. Il-konsegwenzi tal-istabbiliment tal-filjazzjoni tal-wild jiġu ddeterminati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-wild. Il-kapaċità tal-missier (jew tal-omm) tal-wild li jirrikonoxxi l-paternità (jew il-maternità) tiġi ddeterminata bil-liġi tal-istat fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tar-rikonoxximent tal-paternità (jew tal-maternità). Il-forma tar-rikonoxximent tal-paternità (jew tal-maternità) hija rregolata bil-liġi tal-post ta’ rikonoxximent tal-paternità (jew tal-maternità) jew bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-wild (l-Artikolu 1.31 tal-Kodiċi Ċivili). Ir-relazzjonijiet personali u tal-proprjetà bejn it-tfal u l-ġenituri huma rregolati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-wild. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri tal-wild ma jkun abitwalment residenti fl-istat tar-residenza abitwali tal-wild u l-wild u ż-żewġ ġenituri tiegħu jkunu ċittadini tal-istess stat, tapplika l-liġi tal-istat taċ-ċittadinanza tagħhom (l-Artikolu 1.32 tal-Kodiċi Ċivili).

3.4.2 L-adozzjoni

Ir-relazzjonijiet tal-adozzjoni jiġu ddeterminati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-wild. Jekk ikun ċar li l-adozzjoni skont il-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-wild li jkun se jiġi adottat ma tkunx se tirriżulta fir-rikonoxximent tal-adozzjoni fl-istat tar-residenza abitwali jew taċ-ċittadinanza tal-ġenitur(i) adottiv(i), tali adozzjoni tkun tista’ sseħħ skont il-liġi ta’ dawk l-istati sakemm ma tkunx tmur kontra l-aħjar interessi tal-wild. Jekk ma jkunx ċar jekk l-adozzjoni hijiex se tiġi rikonoxxuta fi stat ieħor, l-adozzjoni tkun ipprojbita. Ir-relazzjonijiet bejn il-wild adottat, il-ġenitur(i) adottiv(i) tiegħu u l-qraba tagħhom huma rregolati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-ġenitur(i) adottiv(i) (l-Artikolu 1.33 tal-Kodiċi Ċivili).

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u kundizzjonijiet oħra taż-żwieġ huma ddeterminati bil-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja. Żwieġ għandu jiġi rreġistrat mal-awtoritajiet tar-reġistru ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja jekk mill-anqas wieħed mill-konjuġi jkun abitwalment residenti fil-Litwanja jew mill-anqas wieħed minnhom ikun ċittadin tar-Repubblika tal-Litwanja fil-mument taż-żwieġ. Il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u kundizzjonijiet oħra ta’ ċittadini barranin u ta’ persuni apolidi li mhumiex abitwalment residenti fir-Repubblika tal-Litwanja jistgħu jiġu ddeterminati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali taż-żewġ persuni li jkunu jixtiequ jiżżewġu, sakemm iż-żwieġ ikun rikonoxxut fl-istat tar-residenza abitwali ta’ mill-anqas waħda mill-persuni li jixtiequ jiżżewġu. Żwieġ iċċelebrat legalment fi stat barrani jiġi rikonoxxut fir-Repubblika tal-Litwanja, ħlief meta ż-żewġ konjuġi jkunu abitwalment residenti fir-Repubblika tal-Litwanja miżżewġin fi stat barrani bl-għan li jevitaw l-annullament taż-żwieġ f’konformità mal-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja (l-Artikolu 1.25 tal-Kodiċi Ċivili). Il-proċedura għall-ikkuntrattar taż-żwieġ hija ddeterminata bil-liġi tal-istat fejn ikun seħħ iż-żwieġ. Żwieġ jiġi rikonoxxut bħala validu wkoll jekk il-proċedura li biha jkun ġie kkuntrattat tkun konsistenti mar-rekwiżiti tal-liġi tal-istat tar-residenza abitwali jew taċ-ċittadinanza ta’ mill-inqas wieħed mill-konjuġi fiż-żmien taż-żwieġ (l-Artikolu 1.26 tal-Kodiċi Ċivili). Ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi huma rregolati bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tagħhom. Jekk il-konjuġi jkunu abitwalment residenti fi stati differenti, ir-relazzjonijiet personali tagħhom ikunu rregolati bil-liġi tal-istat tal-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom. Jekk il-konjuġi ma jkollhomx residenza abitwali komuni, tapplika l-liġi tal-istat li miegħu jkollhom l-eqreb relazzjonijiet personali l-konjuġi. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat ma’ liema stat ikollhom l-eqreb relazzjonijiet personali l-konjuġi, tapplika l-liġi tal-istat fejn ikun seħħ iż-żwieġ (l-Artikolu 1.27 tal-Kodiċi Ċivili).

3.5.2 oppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Mhumiex regolati.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

F’konformità mal-Artikolu 1.29 tal-Kodiċi Ċivili, is-separazzjoni legali u d-divorzju huma rregolati bil-liġi tar-residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk il-konjuġi ma jkollhomx residenza abitwali komuni, tapplika l-liġi tal-istat tal-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ din, il-liġi tal-istat tal-qorti li tistħarreġ il-kawża. Jekk il-liġi tal-istat taċ-ċittadinanza taż-żewġ konjuġi tipprojbixxi d-divorzju jew tistabbilixxi kundizzjonijiet speċjali għad-divorzju, iż-żwieġ jista’ jiġi xolt f’konformità mal-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja meta wieħed mill-konjuġi jkun ukoll ċittadin tar-Repubblika tal-Litwanja jew ikun abitwalment residenti fir-Repubblika tal-Litwanja.

Japplikaw ukoll ir-regoli tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (Ruma III).

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ manteniment tal-familja hija ddeterminata f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ The Hague tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (l-Artikolu 1.36 tal-Kodiċi Ċivili).

Japplika wkoll il-Protokoll ta’ The Hague tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

F’konformità mal-Artikolu 1.28 tal-Kodiċi Ċivili, l-istatus legali ta’ proprjetà matrimonjali jiġi ddeterminat bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi. Jekk il-konjuġi jkunu abitwalment residenti ta’ stati differenti, tkun tapplika l-liġi tal-istat taċ-ċittadinanza taż-żewġ konjuġi. Meta l-konjuġi jkunu ċittadini ta’ stati differenti u qatt ma kellhom residenza abitwali komuni, tkun tapplika l-liġi tal-istat fejn ikun seħħ iż-żwieġ. L-istatus legali tal-proprjetà matrimonjali skont il-kuntratti jiġi ddeterminat bil-liġi tal-istat magħżul bi ftehim bejn il-konjuġi. F’dan il-każ, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi tal-istat tar-residenza abitwali attwali jew futura jew il-liġi tal-istat fejn ikun seħħ iż-żwieġ jew li tiegħu jkun ċittadin wieħed mill-konjuġi. Ftehim bejn il-konjuġi dwar il-liġi applikabbli jitqies validu jekk ikun jissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi tal-istat tal-għażla tagħhom jew tal-istat fejn ikun ġie konkluż il-ftehim. Il-liġi applikabbli magħżula bi ftehim tista’ tiġi invokata kontra terzi biss jekk it-terzi kienu jew suppost kienu jafu b’dan il-fatt. Il-liġi applikabbli magħżula bi ftehim bejn il-konjuġi tista’ tintuża sabiex tiġi solvuta tilwima rigward drittijiet in rem fi proprjetà immobbli biss meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni pubblika ta’ dik il-proprjetà u għad-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli fl-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Ftehim bejn il-konjuġi rigward tibdil fl-istatus legali tal-proprjetà huwa rregolat bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi fiż-żmien tat-tali tibdil. Jekk, fiż-żmien tat-tibdil tal-istatus legali, il-konjuġi jkunu għexu fi stati differenti, tapplika l-liġi tal-istat tal-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ residenza abitwali bħal din, il-liġi li tiddetermina r-relazzjoni tal-proprjetà bejn il-konjuġi.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Il-kapaċità ta’ testatur li jfassal, jimmodifika jew iħassar testment hija ddeterminata bil-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tat-testatur. Jekk persuna ma kellhiex residenza abitwali jew din ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, il-kapaċità li persuna tfassal testment tkun iddeterminata bil-liġi tal-istat fejn it-testment ikun tfassal (l-Artikolu 1.60 tal-Kodiċi Ċivili). Il-forma ta’ testment, l-emenda jew ir-revoka tiegħu huma rregolati bil-liġi tal-istat fejn ikunu tfasslu tali atti. Testment, l-emenda jew ir-revoka tiegħu jitqiesu validi wkoll jekk il-forma ta’ dawn l-atti tkun tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi tal-istat tar-residenza abitwali jew taċ-ċittadinanza tat-testatur fiż-żmien meta l-atti jkunu ġew eżegwiti jew tal-istat tal-post ta’ residenza tiegħu fiż-żmien meta l-atti jkunu ġew eżegwiti jew tal-mewt tiegħu. Testment dwar proprjetà immobbli, kif ukoll il-modifika jew ir-revoka tiegħu, jitqies validu jekk il-forma tiegħu tkun konformi mal-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli (l-Artikolu 1.61 tal-Kodiċi Ċivili). F’konformità mal-Artikolu 1.62 tal-Kodiċi Ċivili, il-liġi tal-istat fejn il-persuna deċeduta kienet abitwalment residenti fiż-żmien tal-mewt tagħha tapplika għas-suċċessjonijiet għajr għal dawk relatati ma’ suċċessjoni rigward proprjetà immobbli. Ir-relazzjonijiet ta’ suċċessjoni rigward proprjetà immobbli huma soġġetti għal-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli. Jekk is-suċċessjoni tkun seħħet wara l-mewt ta’ ċittadin tar-Repubblika tal-Litwanja, il-werrieta tiegħu li jirrisjedu fir-Repubblika tal-Litwanja u li huma intitolati għal sehem riżervat tal-patrimonju, irrispettivament mil-liġi applikabbli, jirtu dak is-sehem f’konformità mal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja, ħlief fir-rigward tal-proprjetà immobbli. Jekk, skont il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ suċċessjoni, il-proprjetà ma tkunx tista’ tiġi ttrasferita fi stat barrani fin-nuqqas ta’ werrieta oħra u l-proprjetà tkun tinsab fil-Litwanja, il-proprjetà inkwistjoni fil-Litwanja tiġi ttrasferita għas-sjieda tar-Repubblika tal-Litwanja.

Japplikaw ukoll ir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

3.8 Proprjetà reali

F’konformità mal-Artikolu 1.48 tal-Kodiċi Ċivili, is-sjieda ta’ proprjetà immobbli u mobbli u d-drittijiet oħra f’tali proprjetà huma ddeterminati bil-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fiż-żmien tat-tibdil tal-istatus legali tagħha. Il-proprjetà tiġi rikonoxxuta bħala immobbli jew mobbli skont il-liġi tal-istat fejn tkun tinsab. Ir-reġistrazzjoni uffiċjali tas-sjieda u ta’ drittijiet oħra tal-proprjetà hija rregolata bil-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fiż-żmien tar-reġistrazzjoni. Is-sjieda ta’ proprjetà immobbli fil-każ ta’ preskrizzjoni akkwistattiva hija ddeterminata bil-liġi tal-istat fejn tkun tinsab il-proprjetà.

3.9 Insolvenza

L-aħħar aġġornament: 08/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.