Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1 Fonti del diritto Is-sorsi tad-dritt internazzjonali privat fl-Italja huma l-liġi domestika, ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u l-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Italja hija firmatarja tagħhom.

1.1 Regoli nazzjonali

Fl-Italja, il-kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali privat huma rregolati mil-Liġi Nru 218 tal-31 ta’ Mejju 1995, li ssostitwixxiet it-taqsimiet 16 sa 31 tad-dispożizzjonijiet legali ġenerali stabbiliti fil-bidu tal-Kodiċi Ċivili (Codice Civile).

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Lista sħiħa tal-konvenzjonijiet multilaterali fis-seħħ

Għall-konvenzjonijiet multilaterali fis-seħħ fl-Italja jekk jogħġbok ara l-lista mehmuża(13 Kb)  PDF (13 Kb) it.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Lista mhux eżawrjenti tal-konvenzjonijiet bilaterali li l-aktar jiġu applikati spiss mill-qrati

Il-konvenzjonijiet bilaterali li kienu japplikaw fil-passat għal kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali privat li jirriżultaw mill-Italja u minn Stati Membri individwali oħra tal-Unjoni Ewropea ġew sostitwiti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja adottata fl-istess qasam. Ir-regolamenti l-aktar applikati huma r-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri; u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Għal kwistjonijiet bejn l-Italja u pajjiżi mhux membri, l-aktar konvenzjonijiet bilaterali applikati huma dawk dwar l-għajnuna legali u dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi li jinsabu fis-seħħ mal-Arġentina (Ruma, id-9 ta’ Diċembru 1987), il-Brażil (Ruma, is-17 ta’ Ottubru 1989), il-Federazzjoni Russa u l-istati l-oħra tal-Eks-USSR (Ruma, il-25 ta’ Jannar 1979), ir-repubbliki tal-Eks-Jugoslavja (Belgrad, is-7 ta’ Mejju 1962), uħud mid-dominji preċedenti tar-Renju Unit, inkluż l-Awstralja u l-Kanada (Londra, is-17 ta’ Diċembru 1930), l-Iżvizzera (rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi ċivili u kummerċjali, Ruma, it-3 ta’ Jannar 1993, u l-ħsarat għal aċċidenti tat-triq, Ruma, is-16 ta’ Awwissu 1978), il-Bulgarija (Ruma, it-18 ta’ Mejju 1990), ir-Rumanija (Bucharest, il-11 ta’ Novembru 1972) u t-Turkija (Ruma, l-10 ta’ Awwissu 1926).

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Sa fejn u taħt liema ċirkostanzi? Skont il-liġi Taljana qorti trid tapplika r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet għall-każ quddiemha fuq mozzjoni tagħha stess: hija trid tidentifika l-liġi li tkun applikabbli mingħajr ma tkun limitata b’talbiet dwar is-suġġett mill-partijiet (iura novit curia). Sabiex jirriċerka liġi barranija, l-imħallef jista’ jikseb assistenza mill-Ministeru tal-Ġustizzja, kif ukoll permezz tal-Konvenzjoni ta’ Londra dwar il-Liġi Barranija tal-1968. 2.2 Rinvio

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Meta r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet tal-qorti li tkun qed tisma’ l-kawża jiddeżinjaw liġi barranija, jista’ jkun li r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’dik il-liġi barranija jirreferu għal liġi oħra applikabbli (“renvoi”).

Pereżempju: sabiex tiġi rregolata l-kapaċità ta’ ċittadin Ingliż li jirrisjedi fi Franza, ir-regola dwar l-għażla tal-liġi Franċiża tirreferi għal-liġi Ingliża. Madanakollu, ir-regola dwar l-għażla tal-liġi Ingliża tirreferi għal-liġi tal-pajjiż ta’ residenza, jiġifieri l-liġi Franċiża.

X’jiġri fl-Italja f’tali każ? X’jiġri meta l-liġi Taljana tirreferi għal-liġi ta’ stat ieħor, li min-naħa tiegħu jirreferi għal-liġi Taljana, jew għal-liġi ta’ pajjiż terz?

Kull darba li l-liġi Taljana tirreferi għal-liġi ta’ stat ieħor, li min-naħa tiegħu jirreferi għal-liġi ta’ stat ulterjuri, ir-renvoi jiġi aċċettat u l-liġi tal-istat ulterjuri tiġi applikata fil-każijiet li ġejjin biss:

(1)       jekk il-liġi tal-istat ulterjuri taċċetta r-renvoi;

(2)       jekk ir-renvoi jkun għal-liġi Taljana.

Ir-renvoi ma jseħħx meta l-liġi barranija applikabbli tkun intgħażlet mill-partijiet jew tkun relatata ma’ forom ta’ atti, jew fil-każ ta’ obbligi mhux kuntrattwali.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

X’jiġri jekk il-fattur ta’ konnessjoni jinbidel, e.ż. fil-każ ta’ trasferiment ta’ beni mobbli?

Japplikaw ir-regoli t’hawn fuq.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-qrati jistgħu jirrifjutaw li japplikaw il-liġi barranija tar-rinviju applikabbli meta ma tkunx konsistenti mal-politika pubblika internazzjonali? U hemm statuti jew regoli nazzjonali oħra li jirbħu fuq ir-regoli dwar l-għażla tal-liġi (dispożizzjonijiet obbligatorji, fis-sens ta’ “lois de police”)?

Skont il-liġi Taljana (Artikolu 16 tal-Liġi 218/1995) il-qorti ma tistax tapplika l-liġi barranija għar-rinviju jekk l-effetti tagħha jmorru kontra l-politika pubblika (contrari all’ordine pubblico). Dan is-soltu jiġi mifhum li jfisser “politika pubblika internazzjonali”. Il-kapaċità u kundizzjonijiet oħra għad-dħul f’unjoni ċivili huma rregolati mil-liġi domestika ta’ kull parti tal-unjoni fil-ħin li titwettaq l-unjoni. Jekk, madanakollu, il-liġi applikabbli ma tippermettix unjoni ċivili bejn adulti tal-istess sess, tapplika l-liġi Taljana (Artikolu 32-ter tal-Liġi 218 tal-1995).

F’każijiet ta’ kunflitt ta’ liġijiet (Artikolu 17 tal-Liġi ta’ hawn fuq), il-liġi Taljana tirbaħ u mhux permess l-ebda tibdil, irrispettivament minn referenza għal-liġi barranija, jekk dan huwa meħtieġ mill-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana (dawn huma “regoli obbligatorji”, bit-Taljan norme di applicazione necessaria).

2.5 Prova ta’ liġi barranija

  • Rwoli tal-imħallef u tal-partijiet

L-imħallef huwa responsabbli li jistabbilixxi l-liġi barranija; huwa jista’ jikseb l-għajnuna mingħand il-partijiet, l-universitajiet, jew il-Ministru tal-Ġustizzja.

  • X’modi ta’ prova huma aċċettati?

Bħala modi ta’ prova tal-liġi barranija, jista’ jsir użu mill-istrumenti indikati fil-konvenzjonijiet internazzjonali, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet barranin permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja, u l-opinjonijiet tal-esperti jew tal-korpi speċjalisti.

  • X’jiġri jekk il-liġi barranija ma tkunx tista’ tiġi asserita?

Jekk ikun possibbli l-qorti tapplika l-liġi identifikata minn fatturi ta’ konnessjoni oħra li jidħlu fis-seħħ f’każijiet tat-tip partikolari. Jekk ma tagħmilx dan, tapplika l-liġi Taljana.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

L-Artikolu 57 tal-Liġi 218/1995 jiddikjara li l-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali hija l-liġi indikata fil-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980.

B’mod ġenerali, dik il-konvenzjoni tistabbilixxi li l-liġi applikabbli għal kuntratt hija l-liġi magħżula mill-partijiet.

Jekk ma ssir l-ebda għażla, il-liġi li tapplika tkun il-liġi tal-istat li magħha l-kuntratt huwa l-aktar konness mill-qrib, soġġetta, madanakollu, għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe konvenzjoni internazzjonali oħra, li tista’ tikkonċerna obbligu speċifiku (e.ż. il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1955 dwar il-bejgħ ta’ beni mobbli li tapplika bi preferenza għall-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980).

L-applikazzjoni tal-liġi speċifikata minn konvenzjoni internazzjonali jew mir-rieda tal-partijiet tista’, madanakollu, tiġi rifjutata jekk ma tkunx kompatibbli mal-politika pubblika (pereżempju, jekk ma tkunx kompatibbli mar-regoli obbligatorji jew mad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà).

Wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 (ir-“Regolament Ruma I”, il-kawżi kuntrattwali ta’ natura transfruntiera li jinvolvu lil Stati Membri ma għadhomx soġġetti għar-regoli stipulati fil-konvenzjonijiet internazzjonali iżda huma rregolati minn dak ir-Regolament.

Ir-Regolament jipprevedi li l-kriterju ewlieni għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għal relazzjoni kuntrattwali jagħżluh il-partijiet. Madanakollu, il-liġi magħżula mill-partijiet kontraenti ma tistax tillimita l-applikazzjoni tar-regoli obbligatorji fis-sistema legali li magħha l-kuntratt huwa konness l-aktar mill-qrib.

Meta ma ssir l-ebda għażla, ir-Regolament jipprovdi serje ta’ kriterji ta’ konnessjoni speċifiċi għal tipi ta’ kuntratti individwali. Pereżempju:

  • kuntratt għall-bejgħ tal-beni huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-bejjiegħ għandu r-residenza abitwali tiegħu;
  • kuntratt fir-rigward ta’ kirja huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih tkun tinsab il-proprjetà;
  • kuntratt għall-provvista ta’ servizzi huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn il-fornitur tas-servizz għandu r-residenza abitwali tiegħu.

Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f’tali materji huwa rregolat mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (ir-“Regolament Brussell Ia” jew ir-“Regolament Brussell I bis”).

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Il-Liġi 2018/1995, iċċitata hawn fuq, tispeċifika r-regoli applikabbli fil-każijiet ta’ obbligi mhux kuntrattwali li ġejjin:

  • wegħda unilaterali (liġi tal-istat fejn issir il-wegħda);
  • strumenti ta’ kreditu (il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1930 dwar kambjali u noti promissorji, il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1931 dwar iċ-ċekkijiet; filwaqt li għal strumenti ta’ kreditu oħrajn, l-obbligi primarji huma rregolati mil-liġi tal-istat fejn jinħareġ l-istrument);
  • aġenzija (liġi tal-istat li fih ir-rappreżentant għandu l-istabbiliment tan-negozju tiegħu u li fih jeżerċita s-setgħat tiegħu);
  • obbligi li jirriżultaw mil-liġi (liġi tal-post li fih seħħ l-avveniment li rriżulta fl-obbligu);
  • obbligu f’tort/delitt (liġi tal-istat fejn seħħ l-avveniment, iżda fejn mitlub mill-vittma, il-liġi tal-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li rriżulta fid-danni; u jekk iċ-ċittadini ta’ stat wieħed biss huma involuti, tapplika l-liġi ta’ dak l-istat).

Wara l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (ir-“Regolament Ruma II”), il-każijiet ta’ natura transfruntiera li jinvolvu lill-Istati Membri jkunu soġġetti għal dak ir-Regolament. Huwa jipprovdi li l-obbligi li jirriżultaw minn tort/delitt, mir-responsabbiltà li tirriżulta minn negozjar qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, minn obbligazzjoni mġarrba waqt il-ġestjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ħaddieħor u minn arrikkiment indebitu rregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn isseħħ il-ħsara, irrispettivament mill-pajjiż li fih ikun seħħ l-avveniment li jkun wassal għall-ħsara. Il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi abbażi ta’ ftehim li jidħlu fih wara li jseħħ l-avveniment li jirriżulta fil-ħsara.

Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi f’tali materji huwa rregolat mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (ir-“Regolament Brussell Ia” jew ir-“Regolament Brussell I bis”).

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

L-istatus u l-kapaċità personali u l-eżistenza u l-kontenut tad-drittijiet personali, inkluż id-dritt għal isem, huma rregolati mil-liġi domestika tal-parti interessata, ħlief għad-drittijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja, li għalihom japplikaw ir-regoli ta’ rinviju stipulati mil-Liġi 218/1995 fuq bażi ta’ każ b’każ.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

Il-filjazzjoni u ċ-ċittadinanza huma akkwitati abbażi tal-liġi nazzjonali tal-ġenituri jew ta’ wieħed mill-ġenituri fil-ħin tat-twelid. Il-filjazzjoni u r-relazzjonijiet personali u finanzjarji bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluż is-setgħa tal-ġenituri, huma rregolati mil-liġi nazzjonali tat-tfal mat-twelid.

Madanakollu, minkejja dawn ir-referenzi għal liġijiet oħra, il-liġi barranija tingħeleb mil-leġiżlazzjoni Taljana li tinkorpora l-prinċipju li hemm status wieħed ta’ “minuri” (u għalhekk li tfal li jitwieldu għand koppji miżżewġin u mhux miżżewġin għandhom jiġu trattati bl-istess mod), li tagħti s-setgħa tal-ġenituri liż-żewġ ġenituri, u titlob miż-żewġ ġenituri li jipprovdu għall-manutenzjoni tal-minuri, u tagħti s-setgħa lill-qrati biex jadottaw miżuri li jillimitaw jew ineħħu s-setgħa tal-ġenituri f’każijiet ta’ kondotta li tkun detrimentali għall-minuri.

Meta jsir rikors lil qorti Taljana għall-adozzjoni ta’ minuri, li tagħti lill-minuri l-istatus ta’ minuri leġittimu, tapplika l-liġi Taljana (Liġi 184/1983). L-Artikoli 29 et seq. tal-Liġi 184/1983 fihom, fost l-oħrajn, regola partikolari għall-każijiet meta l-adozzjoni ta’ tfal barranin tintalab minn persuni residenti fl-Italja, li timplimenta r-rekwiżiti fil-Konvenzjoni tal-Aja tad-29 ta’ Mejju 1993 dwar l-adozzjoni internazzjonali.

Għal regoli oħra dwar il-kunflitt tal-liġijiet, l-Artikolu 38 tal-Liġi 218/1995 fih dispożizzjonijiet dettaljati dwar xenarji differenti.

Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fir-rigward tas-setgħa tal-ġenituri huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 2201/2003.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

F’materji matrimonjali r-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi huma rregolati mil-liġi taċ-ċittadinanza tal-konjuġi, jekk dawn ikollhom l-istess ċittadinanza, u inkella mil-liġi tal-istat fejn iqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewġa tagħhom.

Bħala regola ġenerali, il-liġi applikabbli għal relazzjonijiet personali, tkopri wkoll reġimi ta’ proprjetà matrimonjali li jirregolaw is-sjieda konġunta jew separata tal-proprjetà, iżda hawn jistgħu jsiru xi eċċezzjonijiet meta jaqblu l-konjuġi jew f’każijiet oħra pprovduti b’mod speċifiku mil-liġi.

Il-liġi Taljana tirrikonoxxi wkoll l-unjonijiet bejn persuni tal-istess sess (unioni civili, “unjonijiet ċivili”), li jkunu soġġetti għal kważi preċiżament l-istess regoli legali bħaż-żwieġ, minbarra d-dritt tal-adozzjoni. L-unjonijiet ċivili huma rregolati mil-liġi tal-istat li fih tkun saret l-unjoni, sakemm waħda mill-partijiet ma titlobx lill-qorti biex tapplika l-liġi tal-istat fejn iqattgħu il-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom flimkien. Il-liġi applikabbli għar-reġimi ta’ proprjetà hija wkoll dik tal-istat li fih tkun saret l-unjoni ċivili, iżda huwa possibbli li jiġi rreġistrat ftehim bejn il-partijiet li l-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ stat fejn tirrisjedi waħda minnhom, jew li tiegħu hu/hi għandu/ha ċ-ċittadinanza.

Żwieġ li jkun seħħ barra mill-pajjiż minn ċittadin Taljan ma’ individwu tal-istess sess għandu l-effett ta’ unjoni ċivili rregolata mil-liġi Taljana.

Is-separazzjoni ġudizzjarja u d-divorzju, u x-xoljiment ta’ unjoni ċivili, huma rregolati mir-Regolament (UE) Nru 1259/2010, li jieħu preċedenza fuq il-Liġi 218/1995. Dan jippermetti lill-konjuġi (jew lis-sħab ċivili) biex jagħżlu l-liġi applikabbli, dejjem jekk din tkun waħda minn dawn li ġejjin: il-liġi tal-istat li t-tnejn ikunu residenti fih; il-liġi tal-istat fejn għexu l-aħħar flimkien, jekk wieħed minnhom jkun għadu jgħix hemm meta jsir il-ftehim; il-liġi tal-istat taċ-ċittadinanza tagħhom; jew il-liġi tal-qorti li tisma’ l-kawża. Jekk il-partijiet ma jikkonkludux ftehim, japplikaw l-istess fatturi ta’ konnessjoni fl-ordni ta’ prijorità (tal-ewwel jieħu preċedenza fuq tat-tieni, u jibqgħu sejrin hekk).

Fl-aħħar nett, huwa possibbli li persuni li ma jkunux miżżewġin jew f’unjoni ċivili jidħlu fi ftehimiet ta’ koabitazzjoni. Dawn jiġu rregolati mil-liġi taċ-ċittadinanza tal-koppja, jekk ikollhom l-istess ċittadinanza, u jekk dan ma jkunx il-każ mil-liġi tal-istat li fih ikunu qattgħu il-biċċa l-kbira ta’ ħajjithom flimkien.

L-obbligi tal-manutenzjoni tal-familja huma rregolati f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973.

Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fir-rigward tal-materji matrimonjali huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 2201/2003.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Fl-Italja, il-prinċipju ġenerali huwa li l-proprjetà matrimonjali tkun tat-tnejn (comunione dei beni).

Il-konjuġi jistgħu minflok jagħżlu sistema alternattiva, bħal dik fejn kull wieħed ikollu s-sjieda tal-proprjetà tiegħu b’mod separat (separazione dei beni), jew arranġament ieħor li jistabbilixxu bi ftehim bejniethom.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ perjodi.

  1. Meta l-ftuħ tas-suċċessjoni (apertura della successione) seħħ qabel is-17 ta’ Awwissu 2015, is-suċċessjoni tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali tal-mejjet fil-mument tal-mewt. Waqt li jkun għadu ħaj, testatur jista’, permezz ta’ dikjarazzjoni fit-testment, jagħmel is-suċċessjoni soġġetta għal-liġi tal-pajjiż fejn ikun jirrisjedi; jekk hu jkun ċittadin Taljan, din l-għażla ma taffettwax id-drittijiet tal-werrieta residenti fl-Italja li bil-liġi jkunu intitolati għal sehem mill-patrimonju (legittimari, Artikolu 46 tal-Liġi 218/1995).
  2. Għal suċċessjonijiet miftuħa fis-17 ta’ Awwissu 2015 u wara, japplika r-Regolament (UE) Nru 650/2012, u jissostitwixxi l-arranġament deskritt hawn fuq. Dawn is-suċċessjonijiet huma rregolati bil-liġi tal-post tar-residenza abitwali tad-decujus fil-mument tal-mewt. Testatur jista’ jiddetermina li l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tiegħu għandha tkun il-liġi tal-istat li tiegħu huwa jipposjedi ċ-ċittadinanza fil-ħin li jagħmel l-għażla jew fil-ħin tal-mewt. Ir-Regolament introduċa wkoll iċ-ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, li jikkonferma l-istatus tad-detentur bħala werriet, legatarju jew eżekutur fid-diversi Stati Membri.

3.8 Proprjetà reali

Proprjetà immobbli, proprjetà mobbli (ma tidhirx utli f’dan il-kuntest li wieħed jinsisti fuq ir-regoli dettaljati dwar l-intanġibbli).

Il-proprjetà u drittijiet oħra in rem huma rregolati mil-liġi tal-istat li fih tkun tinsab il-proprjetà.

Fil-każ ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fi Stat Membru, japplika r-Regolament (UE) Nru 1212/2012 (ir-“Regolament Brussell Ia” jew ir-“Regolament Brussell I bis”): huwa jistabbilixxi li għad-drittijiet in rem fil-proprjetà immobbli, il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun tinsab il-proprjetà għandhom ġurisdizzjoni.

3.9 Insolvenza

Il-liġi Taljana ma tagħmel l-ebda provvediment espress għal-liġi applikabbli meta ma jkunx hemm kunflitt tal-liġijiet relatat mal-insolvenza.

Ir-regoli uniformi dwar il-kunflitti tal-liġijiet bejn l-Istati Membri huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 848/2015. Dan jipprevedi l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn ikun jinsab iċ-ċentru tal-interessi ewlenin tad-debitur; il-liġi applikabbli għall-proċedimenti ta’ insolvenza u għall-effetti tagħhom hija dik tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinbdew tali proċedimenti.

Lista tal-Konvenzjonijiet Multilaterali li għalihom tappartjeni l-Italja

1. ŻWIEĠ, SEPARAZZJONI, DIVORZJU

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Ġunju 1970 dwar ir-rikonoxximent tad-divorzji u s-separazzjonijiet legali.

Il-Kunsill tal-Konvenzjoni tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, miftuħ u ffirmat f’Istanbul fil-11 ta’ Mejju 2011 (Liġi Nru 77 tas-27 ta’ Ġunju 2013).

2. PATERNITÀ U ADOZZJONI

Il-Konvenzjoni ta’ Munich tal-5 ta’ Settembru 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-kunjomijiet u l-ismijiet.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-29 ta’ Mejju 1993 dwar il-protezzjoni tal-ulied u l-kooperazzjoni f’adozzjonijiet bejn pajjiż u ieħor.

3. MINURI

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 li tikkonċerna s-setgħat tal-awtoritajiet u l-liġi applikabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni ta’ minorenni.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali ta’ minuri.

Il-Konvenzjoni Ewropea tal-Lussemburgu tal-20 ta’ Mejju 1980 dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kustodja ta’ minuri u dwar ir-restituzzjoni tal-kustodja ta’ minuri.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tad-19 ta’ Ottubru 1996 fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-kooperazzjoni fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal (Liġi Nru 101 tat-18 ta’ Ġunju 2015).

4. OBBLIGI TA’ MANUTENZJONI FIR-RELAZZJONIJIET FAMILJALI

Il-Konvenzjoni ta’ New York tal-20 ta’ Ġunju 1956 dwar l-Irkupru Barra mill-Pajjiż tal-Manteniment.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet relatati mal-obbligi ta’ manteniment.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

5. ĊITTADINANZA U APOLIDIJA

Il-Konvenzjoni ta’ New York tat-28 ta’ Settembru 1954 fir-rigward tal-istatus ta’ persuni mingħajr Stat.

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati u l-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

6. SUĊĊESSJONI

Il-Konvenzjoni ta’ Washington tas-26 ta’ Ottubru 1973 li tipprovdi liġi uniformi dwar il-forma ta’ testment internazzjonali.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar l-amministrazzjoni internazzjonali tal-patrimonju tad-deċedut.

7. OBBLIGI KUNTRATTWALI

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tad-19 ta’ Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali.

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

8. KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Ġunju 1955 dwar il-liġi applikabbli għall-bejgħ internazzjonali ta’ oġġetti.

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna (NU) tal-11 ta’ April 1980 dwar kuntratti għall-bejgħ internazzjonali ta’ oġġetti.

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Mejju 1956 dwar il-kuntratt għall-ġarr internazzjonali ta’ oġġetti bit-triq.

9. STRUMENTI TA’ KREDITU

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-7 ta’ Ġunju 1930 li tipprovdi liġi uniformi għall-kambjali u ċ-ċedoli u għas-soluzzjoni ta’ ċerti kunflitti ta’ liġijiet.

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Marzu 1931 li tipprovdi liġi uniformi għaċ-ċekkijiet u għas-soluzzjoni ta’ ċerti kunflitti ta’ liġijiet.

10. OBBLIGI MHUX KUNTRATTWALI

Il-Konvenzjoni ta’ Pariġi tad-29 ta’ Lulju 1960 dwar ir-responsabbiltà ta’ terzi fil-qasam tal-enerġija nukleari (u protokolli addizzjonali).

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tad-29 ta’ Novembru 1969 dwar ir-responsabbiltà ċivili għad-danni mit-tniġġis taż-żejt.

11. ARBITRAĠĠ

Il-Konvenzjoni ta’ New York tal-10 ta’ Ġunju 1958 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ barranin.

Il-Konvenzjoni Ewropea tal-21 ta’ April 1961 dwar l-arbitraġġ kummerċjali internazzjonali.

12. GĦAJNUNA U KOOPERAZZJONI ĠUDIZZJARJA

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Marzu 1954 dwar il-proċedura ċivili.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-notifika barra l-pajjiż ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta’ Marzu 1970 dwar il-ksib ta’ provi barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali.

Il-Konvenzjoni ta’ Lugano tas-16 ta’ Settembru 1988 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali.

13. TRUSTS

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1 ta’ Lulju 1985 dwar il-liġi applikabbli għal trusts u dwar ir-rikonoxximent tagħhom.

Il-koordinazzjoni bejn ir-regoli ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari regoli uniformi tal-liġi, u r-regoli domestiċi korrispondenti tal-liġi internazzjonali privata, hija żgurata mill-Artikolu 2 tal-Liġi 218/1995, fejn il-fatt li sitwazzjoni jew relazzjoni hija fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi domestika ma jippreġudikax l-applikazzjoni għall-istess każ tal-konvenzjonijiet internazzjonali fis-seħħ għall-Italja.

L-aħħar aġġornament: 22/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.