Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Ir-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet fl-Irlanda għandhom is-sors tagħhom primarjament fi ħdan id-dritt komuni u, bħala tali, huma soġġetti għal tibdil u evoluzzjoni. Madankollu, peress li l-ġurisprudenza f’dan il-qasam hija relattivament skarsa, huwa diffiċli li tkun konklużiva dwar l-istat tad-dritt prevalenti f’għadd ta’ oqsma. Dan huwa minnu b’mod partikulari b’rabta mal-liġi tal-familja. Rigward il-liġijiet li jirregolaw il-ġuriżdizzjoni, il-liġijiet tradizzjonali li jirregolaw l-għażla tal-liġi qegħdin progressivament jiġu sostitwiti minn konvenzjonijiet internazzjonali u mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 dwar il-Kunflitti tal-Liġijiet Relatati mal-Forma tad-Dispożizzjonijiet Testamentarji

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Ma nafu b’ebda konvenzjoni bilaterali li fiha dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi li l-Irlanda hija parti minnha.

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-pożizzjoni ġenerali hija li r-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet japplikaw biss jekk mill-inqas waħda mill-partijiet tkun argumentat li dawn għandhom jiġu applikati.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Il-każijiet li jeħtieġu kunsiderazzjoni tad-duttrina rarament jitqajmu quddiem il-qrati Irlandiżi.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Ebda approċċ uniku ma ġie adottat f’din il-ġuriżdizzjoni.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Minkejja li hemm nuqqas ta’ każistika dwar dan il-punt, huwa improbabbli li l-Irlanda tapplika liġi barranija li tmur kontra l-politika pubblika Irlandiża.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-qrati Irlandiżi jeħtieġu li l-kontenut tal-liġi barranija jkun ippruvat bħallikieku kien fatt. Il-parti li beħsiebha tibbaża ruħha fuqha hija obbligata tinkludiha fit-trattazzjoni u tipprova l-kontenut tal-liġi barranija bħala fatt għas-sodisfazzjon tal-imħallef. F’każ ta’ kunflitt bejn il-provi sottomessi mill-partijiet, il-qorti tista’ tivvaluta l-kredibilità tal-esperti u tista’ mbagħad tikkunsidra l-provi primarji (pereż. statuti u każijiet barranin), b’mod speċjali meta japplikaw kunċetti li huma familjari għal imħallef Irlandiż. Jekk ir-regoli tal-għażla tal-liġi Irlandiża jindikaw li l-liġi barranija għandha tiġi applikata, iżda jekk l-ebda parti ma tipproduċi evidenza ta’ x'inhi dik il-liġi, il-qorti normalment tippreżumi li din tkun l-istess bħal-liġi Irlandiża sakemm ma jkunx pruvat mod ieħor

Normalment tingħata prova permezz ta’ perizja biex jiġi pprovat il-kontenut tal-liġi barranija u mhuwiex biżżejjed għall-partijiet li jressqu l-istatut, is-sentenza jew l-awtorità barranija quddiem il-qorti. Kwalunkwe persuna li tkun ikkwalifikata bħala avukat f’sistema legali barranija, jew li għandha biżżejjed esperjenza ta’ din is-sistema fil-prattika, tista’ tagħti xhieda tal-liġi barranija. Il-qorti normalment ma tagħmilx ir-riċerki tagħha fil-liġi barranija.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

L-Irlanda hija firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Ruma tal-1980 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali. L-Irlanda implimentat din il-Konvenzjoni permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-Att dwar l-Obbligi Kuntrattwali (il-Liġi Applikabbli), 1991. Ir-regoli tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw għall-obbligi kuntrattwali f’kull sitwazzjoni li tinvolvi għażla bejn il-liġijiet ta’ pajjiżi differenti. Madankollu, ċerti tipi ta’ kuntratti bħal obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet tal-familja mhumiex soġġetti għall-Konvenzjoni.

Għandu jiġi osservat li r-Regolament 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (“Ruma I”) huwa direttament applikabbli fl-Irlanda. Madankollu, l-Irlanda ma qablitx dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 (“Ruma III”), li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali fil-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Fil-liġi tal-familja jew fir-rikorsi għal divorzju l-qrati Irlandiżi jikkunsidraw il-lex fori bħala prinċipju xieraq għax jipprovdi ċertezza. Ma kien hemm l-ebda leġiżlazzjoni fl-Irlanda dwar il-kunflitt tal-liġijiet f’każijiet ta’ danni u ftit li xejn hemm każistika. Il-qrati Irlandiżi jikkunsidraw il-prinċipju tal-lex fori li jsostni li għandha tapplika l-liġi tal-forum, kif ukoll il-prinċipju ta’ lex loci delicti li jissuġġerixxi li għandha tapplika l-liġi tal-post fejn ikun seħħ id-delitt. Il-qrati jistgħu wkoll jikkunsidraw il-liġi dwar id-delitti li tirrakkomanda approċċ flessibbli, b’mod li jippermetti lill-qorti li tikkunsidra d-diversi fatturi ta’ konnessjoni u tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ġuriżdizzjonali skont dan.

Għandu jiġi osservat li r-Regolament 864/2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligazzjonijiet Mhux Kuntrattwali (“Ruma II”) huwa direttament applikabbli fl-Irlanda.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Minuri jżomm id-domiċilju ta’ missieru jekk il-ġenituri tiegħu kienu miżżewġin lil xulxin fiż-żmien tat-twelid tal-minuri. Jekk il-ġenituri ma kinux miżżewġin lil xulxin fiż-żmien tat-twelid tal-minuri, jew jekk il-missier ikun mejjet fil-mument tat-twelid, id-domiċilju tal-minuri huwa l-istess bħal dak ta’ ommu. Din ir-regola tkompli tapplika sakemm il-minuri jagħlaq 18-il sena, meta l-minuri jilħaq l-età adulta u jkollu kapaċità ġuridika li jaddotta domiċilju tal-għażla tiegħu.

Persuna tista’ biss tadotta domiċilju tal-għażla tagħha billi tirrisjedi effettivament fil-ġuriżdizzjoni rilevanti bl-intenzjoni li tirrisjedi hemmhekk għal perjodu indefinit jew b’mod permanenti. Jekk wieħed minn dawn l-elementi ma jibqax japplika l-persuna terġa’ tmur lura għad-domiċilju ta’ oriġini tagħha. Mara miżżewġa tikseb ir-residenza tagħha irrispettivament minn żewġha.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

L-Att tal-1987 dwar l-Istatus tal-Minuri (The Status of Children Act 1987) abolixxa l-kunċett ta’ illeġittimità. Skont dak l-Att, ir-relazzjoni bejn kull persuna u missierha u ommha għandha tiġi ddeterminata irrispettivament minn jekk il-missier u l-omm ikunux jew kinux miżżewġin lil xulxin.

Minkejja dan, meta l-ġenituri ta’ minuri ma jkunux miżżewġin lil xulxin jew fid-data tat-twelid tal-minuri jew fil-mument tal-konċepiment, il-minuri ma jkunx meqjus bħala leġittimu. Madankollu, il-minuri jista’ jkun leġittimat minn żwieġ sussegwenti tal-ġenituri tiegħu. Ma hemm l-ebda differenza bejn il-pożizzjoni kostituzzjonali tal-minuri leġittimu u l-minuri leġittimat. Ma hemm ukoll l-ebda differenza bejn id-drittijiet ta’ minuri għall-manteniment mill-ġenituri tiegħu jew għall-wirt minn kwalunkwe ġenitur, kemm jekk il-ġenituri jiżżewġu lil xulxin jew le.

Ladarba l-qrati Irlandiżi jeżerċitaw ġuriżdizzjoni f’kawża fuq il-bażi tar-Regolament 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (“Brussell IIA”) huma ġeneralment japplikaw il-liġi Irlandiża.

Fejn il-qrati nazzjonali jkollhom ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kawża ta’ adozzjoni, id-dritt Irlandiż jiġi applikat ukoll.

Għandu jiġi nnotat li l-qrati superjuri għandhom ġuriżdizzjoni inerenti, li jagħtu ordnijiet li jirrinforzaw id-drittijiet kostituzzjonali ta’ ċittadin minuri Irlandiż irrispettivament mill-post ta’ residenza abitwali tal-minuri. Kwalunkwe deċiżjoni li tieħu l-qorti sabiex teżerċita l-ġuriżdizzjoni tagħha tiddependi minn jekk hijiex adattata jew xierqa fiċ-ċirkostanzi biex il-qorti tagħmel dan fid-dawl tad-dritt internazzjonali privat tal-ġuriżdizzjonijiet differenti.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

Fir-rigward taż-żwieġ, skont id-dritt Irlandiż, l-34 Emenda għall-Kostituzzjoni, mogħtija fit-22 ta’ Mejju 2015, tipprovdi li kwalunkwe żewġ persuni jistgħu jidħlu fi żwieġ skont il-liġi irrispettivament mis-sess tagħhom. Għaldaqstant, il-persuni li jkollhom kapaċità li jiżżewġu u li huma liberi li jiżżewġu se jkunu jistgħu jagħmlu dan irrispettivament mill-ġeneri bijoloġiċi tagħhom meta l-Att tal-2015 dwar iż-Żwieġ (Marriage Bill 2015) jiġi ppromulgat u jidħol fis-seħħ. Żwieġ ma jitqiesx validu fl-Irlanda meta waħda mill-partijiet tkun transesswali u tiżżewweġ ma’ ġeneru li għadu kif inkiseb. Skont ir-regoli tad-Dritt Internazzjonali Privat, żwieġ li jkun sar barra mill-pajjiż jiġi rikonoxxut biss jekk ikunu ssodisfati numru ta’ kundizzjonijiet. Il-partijiet iridu jkunu kkonformaw mal-formalitajiet applikabbli fil-ġuriżdizzjoni fejn saret iċ-ċeremonja taż-żwieġ (lex loci celebrationis). Il-partijiet irid ikollhom il-kapaċità legali li jiżżewġu skont ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni tal-Istat li fih ikunu domiċiljati. Iż-żwieġ li jkun iċċelebrat barra mill-pajjiż għandu jrid ikun analogu għal dak li huwa ġeneralment mifhum bħala żwieġ fl-Irlanda. Jekk iż-żwieġ ikun potenzjalment poligamu, pereżempju, ma jkunx rikonoxxut.

L-ordnijiet li saru skont l-Artikolu 5 tal-Att tal-2010 dwar is-Sħubija Ċivili u Ċerti Drittijiet u Obbligi tal-Koabitanti (Civil Partnership and Certain Rights and Obligations of Cohabitants Act 2010) jipprevedu r-rikonoxximent ta’ ċerti kategoriji ta’ relazzjonijiet barranin reġistrati bħala miksuba u obbligati li jirċievu l-istess trattament fil-liġi Irlandiża bħala sħubija ċivili reġistrata l-Irlanda, sakemm il-koppja ikkonċernata kellha l-kapaċità legali li tirreġistra sħubija ċivili fl-Irlanda.

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni għad-divorzju, il-proċedimenti ta’ separazzjoni jew ta’ annullament legali, ir-Regolament 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (“Brussell IIA”) huwa direttament applikabbli fl-Irlanda. F’każijiet fejn l-ebda Stat Membru ieħor m’għandu ġuriżdizzjoni skont Brussell IIA l-qrati Irlandiżi jista’ jkollhom ġuriżdizzjoni fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun iddomiċiljata fl-Istat fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti.

Ladarba l-qorti Irlandiża għandha ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ta’ divorzju, hija mbagħad tapplika l-liġi tagħha stess għal proċedimenti tal-liġi tal-familja u għal kwalunkwe kwistjonijiet anċillari jew relatati.

F’każijiet fejn Brussell IIA ma japplikax, divorzju stranġier ikun rikonoxxut jekk mogħti f’pajjiż fejn wieħed mill-konjuġi kien residenti fid-data tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ divorzju.

3.5.1 L-obbligi ta' manteniment

It-talbiet għal manteniment bħalissa huma trattati skont ir-Regolament tal-Kunsill 4/2009 dwar il-Ġuriżdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni tad-Deċiżjonijiet u l-Kooperazzjoni f’Materji Relatati ma’ Obbligi ta’ Manteniment.

Essenzjalment, l-għan tar-Regolament dwar il-Manteniment huwa li jipprovdi sett ta’ regoli komuni dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-eżekuzzjoni, il-kooperazzjoni u d-dokumenti standardizzati li jiffaċilitaw l-irkupru effettiv tal-manteniment fl-Unjoni Ewropea. Peress li wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat li kreditur ta’ manteniment ikun jista’ faċilment jikseb fi Stat Membru, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwita fi Stat Membru ieħor mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra, ir-Regolament dwar il-Manteniment jinkludi l-miżuri dwar il-ġuriżdizzjonijiet, il-konflitti ta’ liġijiet, ir-rikonoxximent u l-eżekutorjetà, l-eżekuzzjoni, u l-għajnuna legali, u huwa mfassal biex iwassal għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali. L-obbligu biex it-termini tal-ordni oriġinali jiġu eżegwiti mingħajr modifiki huwa definit skont it-termini tar-Regolament, u taħt l-ebda ċirkostanza ma tista’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru tkun riveduta fir-rigward tal-merti tagħha fl-Istat Membru fejn sussegwentement jintalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. Għalhekk l-effett nett ta’ dan ir-Regolament huwa li jipprojbixxi lill-qorti ta’ Stat Membru li mhijiex qed tittratta l-kawża milli tagħti ordnijiet ġodda jew assoċjati.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Fin-nuqqas ta’ intenzjoni kuntrarja, reġim tal-proprjetà matrimonjali (kuntratt) bejn il-partijiet għandu jiġu interpretat skont il-liġi tad-domiċilju matrimonjali. Fejn ma jkunx hemm tali ftehim, il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata wkoll permezz tad-domiċilju matrimonjali. Fejn il-konjuġi jaqsmu d-domiċilju, dan iwassal għad-domiċilju matrimonjali. Fejn ma jaqsmux id-domiċilju, huwa probabbli li d-domiċilju matrimonjali jiġi determinat skont il-liġi applikabbli li l-partijiet u ż-żwieġ għandhom l-eqreb rabta magħha.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Bħala prinċipju ġenerali, il-liġi li tirregola s-suċċessjoni għal beni immobbli hija l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà filwaqt li l-liġi tal-pajjiż li fih id-decujus kien domiċiljat fil-mument tal-mewt tiegħu tirregola d-distribuzzjoni u s-suċċessjoni tal-beni mobbli tiegħu.

Il-kapaċità tat-testatur tkun determinata bil-liġi tad-domiċilju tiegħu minkejja li hemm il-ħsieb li, fil-każ ta’ proprjetà immobbli, għandha tapplika il-lex situs.

Meta jinbidel id-domiċilju tat-testatur bejn id-data ta’ meta jsir it-testment u d-data tal-mewt, hemm fehmiet opposti dwar jekk il-kapaċità għandhiex tiġi ttestjata mil-liġi tad-domiċilju fiż-żmien li jsir it-testment jew fil-mument tal-mewt tiegħu.

Testment ikun validu formalment taħt l-Att tal-1965 dwar is-Suċċessjoni jekk il-forma tiegħu tikkonforma ma’ kwalunkwe waħda mil-liġijiet li ġejjin: il-liġi tal-post fejn it-testatur għamel id-dispożizzjoni testamentarja; il-liġi ta’ nazzjonalità, domiċilju jew residenza abitwali tat-testatur fil-mument meta saret id-dispożizzjoni jew fil-mument tal-mewt tat-testatur; jew, fir-rigward ta’ beni immobbli, il-liġi tal-post fejn dawn jinsabu.

3.8 Proprjetà reali

Id-dritt Irlandiż jagħmel distinzjoni bejn proprjetà mobbli u immobbli u japplika l-liġi tal-pajjiż li fih tinsab il-proprjetà biex jiddetermina jekk l-imgħax inkwistjoni huwiex fi proprjetà mobbli jew immobbli.

Bħala regola ġenerali, il-liġi applikabbli fil-każ ta’ proprjetà immobbli għandha tkun il-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà.

3.9 Insolvenza

Ir-Regolament Nru 1346/2000 dwar Proċedimenti ta’ Falliment (ir-“Regolament dwar il-Falliment”) jistabbilixxi regoli ġurisdizzjonali għal proċedimenti ta’ insolvenza fi ħdan l-UE [1]. L-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-Falliment jistipula li l-qrati fi ħdan Stat Membru fejn ikun jinstab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikollhom l-ġuriżdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti ta’ falliment. Għalhekk, il-proċedimenti ta’ insolvenza li jkunu nfetħu fl-Irlanda jiġu deċiżi mill-qrati Irlandiżi skont il-liġi Irlandiża li tirregola l-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet fi proċedimenti ta’ insolvenza. Il-leġiżlazzjoni prinċipali rilevanti hija l-Att tal-2014 dwar il-Kumpaniji (Companies Act 2014), l-Atti tal-2012-2015 dwar il-Falliment Personali (the Personal Insolvency Acts 2012-2015) u l-Att tal-1988 dwar il-Falliment (Bankruptcy Act 1988).

Links relatati

http://www.irishstatutebook.ie/1995/en/act/pub/0026/sec0027.html




[1] Sostitwit, b’effett mis-26 ta’ Ġunju 2017, permezz tar-riformulazzjoni għar-Regolament tal-UE 2015/848 dwar proċedimenti ta’ insolvenza

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.