Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Il-liġi applikabbli hija rregolata mill-Att XXVIII tal-2017 dwar id-dritt internazzjonali privat (“l-Att XXVIII tal-2017”). Madankollu, dan japplika biss f'każ li ma jkun hemm l-ebda dispożizzjoni li tikkonċerna l-liġi applikabbli f'regolament tal-Unjoni Ewropea jew trattat internazzjonali.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

L-informazzjoni dwar dan tinstab primarjament fil-paġna web tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

- It-Trattat bejn l-Ungerija u ċ-Ċekoslovakkja dwar l-assistenza legali

- It-Trattat bejn l-Ungerija u l-Jugożlavja dwar l-assistenza legali

- It-Trattat bejn l-Ungerija u r-Rumanija dwar l-assistenza legali

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Iva.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Jekk tapplika liġi barranija, japplikaw ir-regoli sostantivi tal-liġi barranija speċifikata li jirregolaw direttament il-kwistjoni kkonċernata. Jekk il-liġi barranija applikabbli tiġi ddeterminata skont in-nazzjonalità u l-liġi barranija tirreferi għal-liġi Ungeriża, tapplika l-liġi sostantiva Ungeriża, filwaqt li jekk il-liġi barranija tirreferi għal-liġi ta’ pajjiż terz, tapplika l-liġi sostantiva ta’ dak il-pajjiż terz.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Kwalunkwe bidla fil-fatturi li jiddeterminaw il-liġi applikabbli taffettwa r-relazzjonijiet legali ffurmati b’mod validu skont il-liġi applikabbli qabel il-bidla biss jekk l-Att XXVIII tal-2017 jipprevedi b’mod espliċitu li jsir hekk.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

L-applikazzjoni ta’ liġi barranija li skont l-Att XXVIII tal-2017 titqies li tkun applikabbli, tmur kontra l-politika pubblika Ungeriża u għalhekk ma tistax tiġi applikata jekk, f’dak il-każ partikolari, dan jirriżulta fi ksur ovvju u serju tal-valuri fundamentali u l-prinċipji kostituzzjonali tal-ordinament ġuridiku Ungeriż. Jekk il-ksur tal-ordni pubbliku ma jistax jiġi evitat b’mod ieħor, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ungeriża japplikaw minflok id-dispożizzjoni tal-liġi barranija mwarrba.

Irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kwistjoni, iridu jiġu applikati id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ungeriża li n-natura prevalenti tagħhom hija stabbilita b’mod ċar mill-kontenut u l-għan tagħhom (regoli mandatorji). Ir-regoli mandatorji skont il-liġijiet ta’ stati oħrajn jistgħu jiġu kkunsidrati biss jekk ikun hemm rabta mill-qrib u jkunu deċiżivi għall-finijiet tal-eżami tal-fatti.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-qorti tistabbilixxi l-kontenut tal-liġi barranija ex officio u tuża kull mezz meħtieġ. Hija tista’ tibgħat talba lill-awtoritajiet barranin fuq il-bażi ta’ ftehim internazzjonali, u tikkunsidra s-sottomissjonijiet tal-partijiet jew l-opinjonijiet tal-esperti. Għal dan il-għan hija tista’ wkoll tikkonsulta l-ministru tal-ġustizzja.

Jekk il-kontenut tal-liġi barranija ma jkunx jista' jiġi stabbilit fi żmien raġonevoli, tapplika l-liġi Ungeriża. Jekk il-fatti tal-kwistjoni ma jistgħux jiġu ġġudikati abbażi tal-liġi Ungeriża, tapplika l-liġi barranija li tkun l-eqreb għal-liġi applikabbli.

Il-ministru tal-ġustizzja jippreżenta ċertifikati dwar il-liġi Ungeriża u l-ġurisprudenza għal użu f'pajjiż ieħor.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Id-dispożizzjonijiet tal-Att XXVIII tal-2017 japplikaw għal relazzjonijiet legali li ma jkunux suġġetti għar-Regolament (KE) 593/2008 (ir-Regolament Ruma I).

Il-liġi applikabbli għall-kuntratt hija l-liġi magħżula mill-partijiet għall-kuntratt kollu jew għal parti minnu biss. Jekk l-għażla tal-liġi ma tkunx espliċita, din trid tiġi stabbilita b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ. L-għażla tal-liġi applikabbli trid issir qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-qorti fl-ewwel seduta.

Il-partijiet jistgħu jaqblu li jagħżlu liġi oħra li tapplika għall-kuntratt minflok dak applikat qabel. Dan il-fatt ma jaffettwax il-validità tal-kuntratt skont il-liġi li tirregola l-validità formali.

Jekk il-kuntratt ikun marbut mal-liġi ta’ stat wieħed biss, l-għażla tal-liġi ma tistax tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

Fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi, il-liġi applikabbli tkun dik tal-pajjiż li l-elementi essenzjali tar-relazzjoni kuntrattwali partikolari jkollhom l-iktar konnessjoni mill-qrib miegħu.

L-eżistenza u l-validità ta' kuntratt, jew ta' kwalunkwe terminu ta’ kuntratt, jiġu ddeterminati mil-liġi li tirregolah skont l-Att XXVIII tal-2017 li kieku l-kuntratt jew it-terminu kien ikun validu.

Kuntratt li s-suġġett tiegħu jkun dritt in rem fuq proprjetà immobbli jew kiri ta’ proprjetà immobbli jkun suġġett għar-rekwiżiti tal-forma tal-liġi tal-pajjiż fejn tinsab il-proprjetà, jekk dawk ir-rekwiżiti japplikaw irrispettivament mill-pajjiż fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt u irrispettivament mil-liġi li tirregola l-kuntratt, u dawk ir-rekwiżiti ma jistgħux jiġu derogati bi qbil.

Ir-regoli dwar il-kuntratti japplikaw mutatis mutandis għad-dikjarazzjonijiet unilaterali.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Id-dispożizzjonijiet tal-Att XXVIII tal-2017 japplikaw għar-relazzjonijiet legali li ma jkunux suġġetti għar-Regolament (KE) 864/2007 (ir-Regolament Ruma II). Persuna li titlob kumpens tista’ tagħżel liġi skont l-Artikoli 7 tar-Regolament Ruma II qabel ma jiskadi t-terminu stabbilit mill-qorti fl-ewwel seduta.

Għall-obbligi legali mhux kuntrattwali, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat li l-effett tal-fatt legali li joħloq l-obbligu jkun immaterjalizza ruħu fit-territorju tiegħu. Jekk ir-residenza abitwali jew l-uffiċċju rreġistrat tal-kreditur u d-debitur fir-relazzjoni legali jkun jinsab fl-istess pajjiż fil-mument meta l-effett tal-fatt legali li joħloq l-obbligu jkun immaterjalizza ruħu, tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż. Jekk ir-relazzjoni mhux kuntrattwali tkun marbuta mill-qrib ma’ relazzjoni legali oħra li kienet diġà ġiet konkluża bejn il-partijiet, il-liġi li tirregola r-relazzjoni legali preċedenti tapplika wkoll għar-relazzjoni mhux kuntrattwali.

Wara l-ħolqien tal-obbligu mhux kuntrattwali, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi li tirregolah. Jekk l-għażla tal-liġi ma tkunx espliċita, din trid tiġi stabbilita b’mod ċar miċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-liġi applikabbli tista’ tintgħażel qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-qorti fl-ewwel seduta. Jekk ir-relazzjoni legali tkun marbuta mal-liġi ta’ stat wieħed biss, l-għażla tal-liġi ma tistax tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż li ma jistgħux jiġu derogati bi qbil.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Il-kapaċità legali u d-drittijiet tal-personalità tal-persuni jridu jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-liġi personali applikabbli għalihom. Il-liġi personali applikabbli għal persuna hija l-liġi tal-Istat li tkun ċittadin tiegħu. Jekk persuna jkollha iktar minn nazzjonalità waħda u waħda minnhom tkun Ungeriża, il-liġi personali applikabbli tkun il-liġi Ungeriża, sakemm il-persuna ma jkollhiex rabta eqreb man-nazzjonalità l-oħra. Jekk persuna jkollha aktar minn nazzjonalità waħda u l-ebda waħda minn dawn ma tkun Ungeriża, il-liġi personali applikabbli tkun il-liġi tal-istat li l-persuna jkollha l-aktar rabtiet qawwija miegħu meta jitqiesu l-fatti bażiċi tal-każ. Jekk persuna jkollha iktar minn nazzjonalità waħda u l-ebda waħda minn dawn ma tkun Ungeriża, u jkollha rabtiet ugwali mal-istati tan-nazzjonalità, jew jekk in-nazzjonalità ta’ persuna ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, jew jekk persuna tkun apolida, il-liġi personali applikabbli tkun il-liġi tal-istat fejn tkun abitwalment residenti. Jekk il-liġi personali ta’ persuna ma tkunx tista’ tiġi stabbilita, tapplika l-liġi Ungeriża. Il-liġi Ungeriża tapplika għall-kapaċità ġuridika u d-drittijiet tal-personalità ta’ persuni bi status ta’ ażil jew ammessi fl-Ungerija.

Il-liġi applikabbli għal isem ta’ persuna hija l-liġi personali tagħhom, jew il-liġi Ungeriża jekk jitolbu li jkun hekk. Jekk persuna jkollha iktar minn nazzjonalità waħda, hija tkun tista’ tagħżel liġi bbażata fuq kwalunkwe waħda min-nazzjonalitajiet tagħha biex tapplika fir-rigward ta’ kunjomha. Rigward il-kunjom taż-żwieġ, tista’ ssir talba konġunta tal-partijiet biex ikunu jistgħu jagħżlu n-nazzjonalità ta’ wieħed mill-miżżewġin jew il-liġi Ungeriża. Fin-nuqqas ta’ tali talba, il-liġi li tirregolah tkun dik applikabbli għar-relazzjoni personali tal-miżżewġin. Ir-regoli dwar il-kunjomijiet fil-każ ta’ divorzju jew nullità taż-żwieġ huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn ikun ġie rreġistrat il-kunjom taż-żwieġ. Il-kunjom mat-twelid u maż-żwieġ ta’ ċittadin Ungeriż, jekk ikunu rreġistrati b’mod validu skont il-liġi ta’ pajjiż ieħor, iridu jiġu rikonoxxuti fl-Ungerija jekk iċ-ċittadin Ungeriż ikkonċernat jew il-konjuġi tiegħu jkun ukoll ċittadin tal-pajjiż l-ieħor, jew jekk ir-residenza abitwali taċ-ċittadin Ungeriż ikkonċernat tkun f’dak il-pajjiż. Ismijiet li jmorru kontra l-ordni pubbliku Ungeriż ma jistgħux jiġu rikonoxxuti uffiċjalment.

Persuna li ma jkollhiex il-kapaċità jew li jkollha kapaċità limitata skont il-liġi applikabbli għaliha trid titqies li jkollha l-kapaċità fir-rigward ta’ għadd ta’ kuntratti ta’ kuljum b’sinifikanza minuri, konklużi u mwettqa fl-Ungerija, jekk skont il-liġi Ungeriża kien ikollha l-kapaċità. Persuna li ma jkollhiex il-kapaċità jew li jkollha kapaċità limitata skont il-liġi personali applikabbli għaliha, imma li kien ikollha l-kapaċità skont il-liġi Ungeriża trid titqies li jkollha l-kapaċità fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi l-oħrajn tagħha wkoll, jekk il-konsegwenzi legali ta' dawk it-tranżazzjonijiet ikollhom effett fl-Ungerija.

F’materji ta’ rappreżentanza għal persuna li jkollha kapaċità limitata li tieħu ħsieb l-affarijiet tagħha, jew li tkun taħt kustodja ad hoc, il-liġi applikabbli tkun dik tal-istat tal-qorti li taħtar ir-rappreżentant jew il-gwardjan.

Il-liġi applikabbli għad-dikjarazzjoni ta' persuna bħala mejta jew nieqsa jew biex tiġi rreġistrata mewtha hija l-liġi personali applikabbli għall-persuna nieqsa. Jekk il-liġi personali ta’ persuna nieqsa ma tkunx il-liġi Ungeriża, il-liġi Ungeriża tapplika jekk ikun hemm interess ġuridiku Ungeriż fin-nofs.

Ir-residenza abitwali ta’ persuna hija l-post fejn tkun effettivament iċċentrata ħajjitha, kif stabbilit miċ-ċirkustanzi kollha tar-relazzjoni legali partikolari. Meta jiġi identifikat fejn tkun effettivament iċċentrata ħajjet il-persuna, jiġu kkunsidrati wkoll il-fatti indikattivi tal-intenzjonijiet tal-persuna kkonċernata. Domiċilju tfisser il-post fejn il-persuna tirrisjedi permanentement jew bl-intenzjoni li tibqa' hemm indefinittivament.

Il-liġi personali applikabbli għal persuna ġuridika jew għal entità mingħajr personalità ġuridika hija l-liġi tal-Istat fejn tkun irreġistrata. Jekk il-persuna ġuridika tkun irreġistrata f’aktar minn stat wieħed jew ma jkunx meħtieġ li tiġi rreġistrata skont il-liġi tal-istat tal-uffiċċju rreġistrat speċifikat fil-memorandum ta' assoċjazzjoni tagħha, il-liġi personali applikabbli tkun il-liġi tal-istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat. Jekk il-persuna ġuridika ma jkollhiex uffiċċju rreġistrat imniżżel fil-memorandum ta' assoċjazzjoni tagħha jew ikollha bosta uffiċċji rreġistrati u ma tkun irreġistrata skont il-liġi ta’ ebda Stat, il-liġi personali applikabbli tkun il-liġi tal-Istat fejn jinsab il-post prinċipali tal-amministrazzjoni tagħha. L-istatus legali ta’ persuna ġuridika jew entità mingħajr personalità ġuridika jrid jiġi ddeterminat skont il-liġi personali applikabbli għaliha.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Il-liġi applikabbli biex tiġi stabbilita l-filjazzjoni jew biex tiġi kkontestata l-preżunzjoni ta’ paternità hija l-liġi applikabbli għall-wild fil-mument ta' twelidu. Tagħrif ta' wild mill-missier irid jiġi ddeterminat skont il-liġi personali applikabbli għall-wild fil-mument tat-tagħrif, filwaqt li t-tagħrif ta' tarbija konċepita, imma li tkun għadha ma twilditx, trid tiġi ddeterminata skont il-liġi personali tal-omm fil-mument tat-tagħrif. Tagħrif ma jistax jitqies bħala formalment invalidu jekk ikun formalment validu skont il-liġi Ungeriża jew skont il-liġi fis-seħħ fiż-żmien u fil-post tat-tagħrif. Jekk l-istatus ta’ missier ikun vakanti skont il-liġi applikabbli, tapplika l-liġi tal-Istat l-ieħor b’rabta mill-qrib mal-każ jekk dan ifisser trattament aktar favorevoli għall-wild.

3.4.2 L-adozzjoni

L-adozzjoni tkun valida biss jekk kemm il-kundizzjonijiet skont il-liġi personali applikabbli għall-ġenitur adottiv u kemm dawk skont il-liġi personali applikabbli għall-persuna li tkun se tiġi adottata fil-mument tal-adozzjoni. Il-liġi personali applikabbli għall-ġenitur adottiv fil-mument tal-adozzjoni jew tal-waqfien tal-adozzjoni tapplika għall-effetti legali tal-adozzjoni, tal-waqfien tal-adozzjoni u l-effetti legali tal-waqfien.

Jekk il-ġenituri adottivi jkunu miżżewġin lil xulxin, il-liġi applikabbli għall-effetti legali tal-adozzjoni, il-waqfien tal-adozzjoni u l-effetti legali tal-waqfien tkun:

(a) il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tal-miżżewġin fil-mument tal-adozzjoni jew l-interruzzjoni tal-adozzjoni; jew fin-nuqqas ta’ hekk

(b) il-liġi tal-Istat fejn kienet ir-residenza komuni tal-miżżewġin fil-mument tal-adozzjoni jew tal-waqfien tagħha; jew fin-nuqqas ta’ hekk

(c) il-liġi tal-Istat tal-qorti li tittratta l-kawża.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Iż-żwieġ ikun validu biss jekk il-kundizzjonijiet sostantivi jiġu ssodisfati fil-mument taż-żwieġ skont il-liġijiet personali applikabbli għal kull wieħed mill-miżżewġin. Il-liġi li tirregola l-formalitajiet li jikkonċernaw il-validità taż-żwieġ hija l-liġi fis-seħħ fil-mument u fil-post taż-żwieġ. Ir-regoli applikabbli għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u tal-validità taż-żwieġ japplikaw mutatis mutandis biex jiġi ddeterminat jekk iż-żwieġ jeżistix jew le. Iż-żwieġ ma jistax isir l-Ungerija jekk ikun hemm impediment insurmontabbli għaż-żwieġ skont il-liġi Ungeriża.

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Ir-regoli li jikkonċernaw iż-żwieġ japplikaw għat-twaqqif u l-validità ta' sħubija rreġistrata u l-effetti legali tagħha (ħlief il-kunjomijiet), bl-eċċezzjonijiet li ġejjin.

Ma jkunx impediment għat-twaqqif jew il-validità ta' sħubija rreġistrata li l-liġi personali applikabbli għal sieħeb irreġistrat futur ma tkunx tirrikonoxxi sħubijiet irreġistrati ta' persuni tal-istess sess, sakemm:

(a) is-sieħeb irreġistrat futur li ma jkunx Ungeriż jiċċertifika li ma jkun hemm l-ebda impediment għaż-żwieġ skont il-liġi personali applikabbli għalih, u

(b) mill-inqas wieħed mis-sħab irreġistrati futuri jkun ċittadin Ungeriż jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu l-Ungerija. F’dan il-każ il-liġi applikabbli għall-effetti legali tas-sħubija rreġistrata tkun il-liġi tal-Ungerija.

Il-liġi applikabbli għax-xoljiment ta’ sħubija rreġistrata hija l-liġi tal-Istat:

(a) fejn tkun ir-residenza abitwali tas-sħab irreġistrati fil-mument meta tiġi ppreżentata t-talba jew ir-rikors li jiftaħ il-proċedura għax-xoljiment tas-sħubija rreġistrata; jew fin-nuqqas ta’ hekk

(b) fejn kienet l-aħħar residenza abitwali tas-sħab fis-sħubija rreġistrata, jekk din ir-residenza abitwali waqfet mhux iktar minn sena qabel ma tressqet it-talba jew ir-rikors, sakemm wieħed mis-sħab irreġistrati jkun għadu jirrisjedi f'dak l-Istat fil-mument li titressaq it-talba jew ir-rikors; jew fin-nuqqas ta’ hekk

(c) fejn iż-żewġ sħab irreġistrati kienu ċittadini fil-mument li tressqet it-talba jew rikors.

Jekk ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fuq il-bażi ta’ li ntqal fuq, tapplika l-liġi tal-Istat tal-qorti li tkun qed tittratta l-kawża.

Il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tas-sħab konviventi tapplika għat-twaqqif, ix-xoljiment u l-effetti legali ta’ koabitazzjoni barra mir-rabta taż-żwieġ. Jekk in-nazzjonalità tas-sħab konviventi tkun differenti, tapplika l-liġi tal-Istat fejn tinsab ir-residenza abitwali tas-sħab konviventi, jew fin-nuqqas ta’ residenza abitwali, l-aħħar residenza abitwali komuni. Jekk ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata r-residenza abitwali komuni tas-sħab konviventi, tapplika l-liġi tal-Istat tal-qorti li tkun qed tittratta l-kawża. Is-sħab konviventi għandhom l-għażla tal-liġi applikabbli għar-relazzjoni tal-proprjetà tagħhom.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Hawnhekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija r-Regolament (UE) 1259/2010 (Ruma III). Il-miżżewġin jistgħu jagħżlu liġi skont l-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament qabel ma jiskadi t-terminu stabbilit mill-qorti fl-ewwel seduta.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

Hawnhekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija l-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Għar-relazzjonijiet tal-proprjetà matrimonjali, il-liġi applikabbli hija dik tal-istat tan-nazzjonalità tal-miżżewġin fil-mument tas-sentenza. Jekk in-nazzjonalità tal-miżżewġin tkun differenti fil-mument tas-sentenza, tapplika l-liġi tal-Istat fejn tinsab ir-residenza abitwali tal-miżżewġin, jew fin-nuqqas ta’ residenza abitwali komuni, l-aħħar residenza abitwali komuni. Jekk il-miżżewġin ma kellhomx residenza komuni, tapplika l-liġi tal-Istat tal-qorti li tittratta l-kawża.

Il-miżżewġin għandhom l-għażla tal-liġi li tirregola l-beni taż-żwieġ tagħhom, sakemm din tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(a) il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità ta’ wieħed mill-miżżewġin fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim,

(b) il-liġi tal-istat fejn wieħed mill-miżżewġin kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, jew

(c) il-liġi tal-Istat tal-qorti li tittratta l-kawża.

L-għażla tal-liġi applikabbli qiegħda hemm ukoll għall-miżżewġin futuri. Il-liġi applikabbli tista’ tintgħażel qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-qorti fl-ewwel seduta. Sakemm il-miżżewġin ma jaqblux mod ieħor, l-għażla tal-liġi applikabbli għall-beni taż-żwieġ tagħhom ikollha effett legali għall-futur biss.

Il-ftehim dwar il-beni taż-żwieġ ikun formalment validu wkoll jekk jikkonforma mal-liġi tal-post tal-formazzjoni tal-kuntratt.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Ir-Regolament (UE) 650/2012 japplika għall-persuni li mietu fis-17 ta' Awwissu 2015 jew wara.

3.8 Proprjetà reali

Għas-sjieda u drittijiet in rem oħrajn, inklużi r-rahan u l-pussess, tapplika l-liġi tal-post fejn tinsab il-proprjetà.

3.9 Insolvenza

L-Artikoli 7–17 tar-Regolament (UE) 2015/848 jiddeterminaw il-liġi applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.