Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Repubblika Ċeka
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Il-miżura nazzjonali ewlenija fir-regoli dwar il-konflitt tal-liġijiet hija l-Att Nru 91/2012 dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Għażla ta’ konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali li jirregolaw il-liġi applikabbli:

Varsavja Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Varsavja 1929

Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti bit-Triq (CMR), 1956

Il-Konvenzjoni ta’ Guadalajara għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli dwar it-Trasport Internazzjonali bl-Ajru Mwettaq minn Persuna minbarra t-Trasportatur Kontraenti, 1961

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għad-Danni Nukleari, 1963

Il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku, 1971

Konvenzjoni Il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għat-Trasport Internazzjonali ta’ Passiġġieri u Bagalji bit-Triq (CVR), 1973

Il-Konvenzjoni dwar il-Perjodu ta’ Limitazzjoni fil-Bejgħ Internazzjonali ta’ Oġġetti, 1974

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasport tal-Oġġetti bil-Baħar, 1978

Il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali, 1980

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti ta’ Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija, Vjenna 1980

Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), 1980

Il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, l-Aja 1996

Il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli tat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, Montreal 1999

Il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti, 2000

Il-Protokoll tal-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment, 2007 (l-UE fl-intier tagħha hija parti minnu)

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Għażla tal-ftehimiet internazzjonali bilaterali li jirregolaw il-liġi applikabbli:

Ftehim bejn ir-Repubblika Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Albanija dwar l-assistenza legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1959

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja dwar ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1964 (japplika għall-istati suċċessuri kollha tal-Eks Jugoslavja)

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Bulgarija dwar l-assistenza legali u r-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1976

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Mongolja dwar l-assistenza legali u dwar ir-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1976

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika Kubana dwar l-assistenza legali reċiproka f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1980

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1982 (japplika għall-Federazzjoni Russa u ħafna mill-istati suċċessuri l-oħra tal-eks USSR)

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-assistenza legali f’każijiet ċivili u kriminali, 1982

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja dwar l-assistenza legali u r-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja, tal-impjiegi u kriminali, 1987

Ftehim bejn ir-Repubblika Soċjalista Ċekoslovakka u r-Repubblika tal-Poplu tal-Ungerija dwar l-assistenza legali u r-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili, tal-familja u kriminali, 1989

Ftehim bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Rumanija dwar l-assistenza legali f’każijiet ċivili, 1994

Ftehim bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Ukrajna dwar l-assistenza legali f’każijiet ċivili, 2001

Ftehim bejn ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Użbekistan dwar l-assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’każijiet ċivili u kriminali, 2002

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 23 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Il-qorti tapplika l-liġi barranija fuq deċiżjoni tagħha stess. Il-liġi tapplika bl-istess mod bħall-pajjiż li fih tkun tinsab fis-seħħ. Id-dispożizzjonijiet tal-liġi applikata jkunu d-dispożizzjonijiet applikabbli għal deċiżjoni dwar il-każ fil-pajjiż li fih il-liġi tkun fis-seħħ, irrispettivament mill-ordni tagħhom fis-sistema jew mill-istatus tad-dritt pubbliku, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux f’kontradizzjoni mad-dispożizzjonijiet tal-liġi Ċeka li jridu jiġu applikati.

Fuq deċiżjoni tagħha stess, il-qorti tiddetermina l-parti tal-liġi barranija li trid tiġi applikata. Il-qorti jew l-awtorità pubblika li tiddeċiedi f’każijiet irregolati mil-liġi inkwistjoni tieħu l-passi kollha neċessarji biex tiddetermina l-liġi inkwistjoni.

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Din il-materja hija rregolata f’termini ġenerali mill-Artikolu 21 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Ir-rinviju huwa aċċettat, bl-eċċezzjoni tar-relazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt kuntrattwali u tal-impjiegi. Fil-każijiet li fihom il-liġi applikabbli tkun intgħażlet mill-partijiet, id-dispożizzjonijiet tal-konflitt tal-liġijiet jistgħu jitqiesu biss meta dan isir bi qbil tal-partijiet.

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Normalment kriterju partikolari jiġi evalwat biss meta jkun qed jiġi vvalutat fatt legalment sinifikanti. Regoli ta’ konflitt tal-liġijiet speċifiċi jistgħu, naturalment, jiddeċiedu kwistjoni f’ċerti waqtiet – ara pereżempju r-regoli dwar id-drittijiet in rem fil-punt 3.8.

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Din il-materja hija rregolata f’termini ġenerali mill-Artikolu 24 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Il-liġi li għandha tkun applikata, skont l-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, ma hemmx għalfejn tkun applikata f’ċirkostanzi purament ta’ eċċezzjoni li fihom, wara kunsiderazzjoni raġunata kif suppost ta’ sommarju taċ-ċirkostanzi kollha ta’ każ u b’mod partikolari tal-istennija ġustifikata tal-partijiet fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ liġi oħra, tkun tidher sproporzjonata u kuntrarja għal soluzzjoni raġonevoli u ġusta tar-relazzjoni bejn il-partijiet. F’dawn il-kundizzjonijiet u meta ma jintlaqtux id-drittijiet tal-persuni l-oħra, il-liġi li trid tiġi applikata hija dik li tirrifletti tali soluzzjoni.

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 23 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Fuq deċiżjoni tagħha stess, il-qorti tiddetermina l-parti tal-liġi barranija li trid tiġi applikata. Il-qorti jew l-awtorità pubblika li tiddeċiedi f’każijiet irregolati mil-liġi inkwistjoni tieħu l-passi kollha neċessarji biex tiddetermina l-liġi inkwistjoni.

Jekk il-qorti jew l-awtorità pubblika li tiddeċiedi f’każijiet irregolati mil-liġi inkwistjoni ma tkunx midħla tal-kontenut tal-liġi barranija, din tista’ titlob l-opinjoni tal-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina dan il-kontenut.

Fil-każijiet li fihom il-liġi barranija ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata fi żmien raġonevoli, jew fejn tali determinazzjoni tkun impossibbli, tapplika l-liġi Ċeka.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

L-obbligi kuntrattwali huma rregolati mill-Artikoli 87 u 89 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Dan huwa limitat għal dawk l-obbligi kuntrattwali jew aspetti tagħhom li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE jew tal-ftehimiet internazzjonali, sakemm dik il-leġiżlazzjoni jew dawk il-ftehimiet ma jkunux jippermettulhom li jkunu koperti mill-Att. Għaldaqstant din hija dispożizzjoni ta’ natura residwa.

Il-kuntratti huma rregolati mil-liġi tal-Istat li l-kuntratt huwa marbut l-aktar mill-qrib miegħu, sakemm il-partijiet ma jkunux għażlu l-liġi applikabbli. L-għażla tal-liġi trid issir espliċitament jew trid tkun tirriżulta b’mod inekwivoku mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew miċ-ċirkostanzi tal-każ.

Il-kuntratti tal-assigurazzjoni huma rregolati mil-liġi tal-Istat li d-detentur tal-polza jkun resident abitwali fih. Il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għal kuntratt tal-assigurazzjoni.

Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ assigurazzjoni li huma soġġetti għar-Regolament Ruma I, l-Att jagħmel użu mill-fakultà li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament li tippermetti lill-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli sa fejn jippermetti r-Regolament.

Relazzjonijiet legali li jinħolqu minn kuntratti legali unilaterali huma rregolati, skont l-Artikolu 90 tal-Att, mil-liġi tal-Istat li l-parti li tagħmel kuntratt legali unilaterali tkun residenti abitwalment fih jew ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fih fil-waqt li fih ikun sar il-kuntratt legali, sakemm ma tkunx intgħażlet liġi oħra għall-applikazzjoni.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

L-Artikolu 101 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jistabbilixxi, l-aktar fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II, miżura ta’ konflitt tal-liġijiet għall-obbligi mhux kuntrattwali biss li jirriżultaw minn ksur tad-drittijiet privati u tal-personalità, inklużi l-inġurji. Dawn l-obbligi huma rregolati mil-liġi tal-Istat li fih isir il-ksur. Madankollu, il-parti li tbati l-ħsara tista’ tagħżel l-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat li fih (a) il-parti li tbati l-ħsara tkun residenti abitwalment fih jew ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, (b) l-oriġinatur tal-ksur ikun residenti abitwalment jew ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, jew (c) il-ksur ta lok għal riżultat, dment li dan seta’ jkun previst mill-oriġinatur tal-ksur.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 29 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Sakemm l-Att ma jkunx jispeċifika mod ieħor, il-personalità ġuridika u l-kapaċità ġuridika huma rregolati mil-liġi tal-Istat li l-persuna tkun residenti abitwalment fih. Sakemm l-Att ma jkunx jispeċifika mod ieħor, ikun biżżejjed jekk il-persuna fiżika li tkun qed twettaq att legali jkollha l-kapaċità għall-att skont il-liġi li hija applikabbli fil-post li fih il-persuna fiżika twettaq dak l-att.

Il-miżura dwar l-ismijiet tal-persuni fiżiċi hija rregolata mil-liġi ta’ dak l-Istat li l-persuna jkollha n-nazzjonalità tiegħu. Madankollu, il-persuna tista’ tagħżel li tapplika l-liġi tal-Istat li tkun residenti abitwalment fih.

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

L-istabbiliment u l-ikkontestar tar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied huma rregolati mill-Artikolu 54 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Dawn huma soġġetti għal-liġi ta’ dak l-Istat li l-wild ikollu n-nazzjonalità tiegħu permezz tat-twelid; fil-każijiet li fihom wild jikseb aktar minn nazzjonalità waħda permezz tat-twelid, tapplika l-liġi Ċeka. Il-liġi tal-Istat li fih omm il-wild kienet residenti abitwalment fil-waqt tat-twelid tapplika meta dan ikun fl-interess tal-wild. Meta l-wild ikun residenti abitwalment fir-Repubblika Ċeka u meta dan ikun fl-interess tal-wild, l-istabbiliment u l-ikkontestar ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied huma soġġetti għal-liġi Ċeka. Relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied tista’ tiġi stabbilita f’konformità mal-liġi tal-Istat li fih issir id-dikjarazzjoni ta’ relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied. Fil-każijiet li fihom relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied tkun ikkontestata fi Stat ieħor fi proċediment ġudizzjarju jew extraġudizzjarju f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat u r-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied tiġi stabbilita fil-konfront ta’ persuna oħra, dan ikun biżżejjed biex tkun stabbilita relazzjoni bejn il-ġenituri u l-ulied fil-konfront ta’ dik il-persuna.

Il-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied f’materji ta’ manteniment hija ddeterminata f’konformità mal-Protokoll tal-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (2007). F’każijiet oħra li jinvolvu d-drittijiet tal-ġenituri u l-obbligi u l-miżuri biex ikunu protetti l-persuna jew il-beni tal-wild. il-liġi applikabbli hija ddeterminata f’konformi mal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (1996).

3.4.2 L-adozzjoni

Id-Dritt Internazzjonali Privat jirregola din il-materja fl-Artikoli 61 u 62 tiegħu.

Għall-adozzjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi ta’ dak l-Istat li l-persuna adottata jkollha n-nazzjonalità tiegħu u dak l-Istat li l-ġenitur adottiv ikollu n-nazzjonalità tiegħu. Fil-każijiet li fihom il-ġenituri adottivi ma jkollhomx l-istess nazzjonalità, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tas-sistemi legali ddeterminati min-nazzjonalitajiet taż-żewġ ġenituri, kif ukoll mil-liġi ta’ dak l-Istat li l-persuna adottata jkollha n-nazzjonalità tiegħu. Meta, skont dawn ir-regoli, ikun meħtieġ li tiġi applikata l-liġi ta’ pajjiż ieħor li ma jippermettix l-adozzjoni jew jippermettiha f’kundizzjonijiet ristretti ferm, tapplika l-liġi Ċeka, sakemm il-ġenitur adottiv jew minn tal-anqas wieħed mill-ġenituri adottivi jew il-persuna adottata jkunu residenti abitwalment fir-Repubblika Ċeka.

L-effetti tal-adozzjoni huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat li l-partijiet kollha jkollhom in-nazzjonalità tiegħu fil-waqt tal-adozzjoni jew, meta dan ma jkunx il-każ, mil-liġi tal-Istat li fih il-partijiet kollha jkunu residenti abitwalment dak il-ħin tal-adozzjoni jew, meta dan ma jkunx il-każ, mil-liġi ta’ dak l-Istat li l-persuna adottata jkollha n-nazzjonalità tiegħu.

Għar-relazzjonijiet bejn ġenitur adottiv u persuna adottata, jew il-ġenituri adottivi f’materji ta’ drittijiet u obbligi tal-ġenituri, trobbija tat-tfal u manteniment, tapplika l-liġi ddeterminata skont il-ftehimiet internazzjonali elenkati fil-paragrafu 3.4.1 għar-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied.

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 48 u 49 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Il-kapaċità ta’ persuna li tiżżewweġ, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-validità taż-żwieġ, huma soġġetti għal-liġi ta’ dak l-Istat li l-persuna jkollha n-nazzjonalità tiegħu.

L-għamla taż-żwieġ hija soġġetta għal-liġi applikabbli fil-post li fih ikun iċċelebrat iż-żwieġ.

Żwieġ iċċelebrat f’ambaxxata tar-Repubblika Ċeka f’pajjiż ieħor huwa soġġett għal-liġi Ċeka.

Ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat li ż-żewġ persuni jkollhom in-nazzjonalità tiegħu. Meta dawn ikollhom nazzjonalità ta’ Stati differenti, ir-relazzjoni tkun irregolata mil-liġi tal-Istat li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew, meta dan ma jkunx il-każ, mil-liġi Ċeka.

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

L-Artikolu 67 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat tirregola l-liġi applikabbli għas-sħubijiet u relazzjonijiet simili u l-effetti tagħhom, il-kapaċità li dak li jkun jidħol għalihom, il-proċeduri biex dak li jkun jidħol għalihom jew għax-xoljiment tagħhom, biex ikunu annullati jew iddikjarati bla effett u għat-tpaċija ta’ kwistjonijiet personali jew ta’ beni bejn is-sħab.

Dawn il-materji kollha huma soġġetti għal-liġi tal-Istat li fih dak li jkun ikun se jidħol jew ikun daħal fi sħubija jew f’relazzjoni simili.

Il-liġi Ċeka ma tinkludi l-ebda miżura dwar il-konflitt tal-liġijiet li tittratta l-koabitazzjoni.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

L-Artikolu 50 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat jirregola l-liġi applikabbli għad-divorzju u għall-annullament ta’ żwieġ jew għall-iddeterminar ta’ jekk żwieġ ikunx null jew le. Ir-Repubblika Ċeka ma tipparteċipax fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli f’każijiet ta’ divorzju u separazzjoni legali u għalhekk mhijiex marbuta mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010.

Id-divorzju huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li tirregola r-relazzjoni personali tal-konjuġi dak il-ħin li tinbeda l-proċedura. (Ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat li t-tnejn li huma jkollhom in-nazzjonalità tiegħu. Meta dawn ikollhom nazzjonalità ta’ Stati differenti, ir-relazzjonijiet ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat li fih iż-żewġ konjuġi jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew, meta dan ma jkunx il-każ, mil-liġi Ċeka.) Meta, skont din ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet, ikun meħtieġ li tkun applikata l-liġi ta’ pajjiż ieħor li ma jippermettix id-divorzju jew jippermettih biss f’kundizzjonijiet purament ta’ eċċezzjoni, il-liġi Ċeka tapplika sakemm minn tal-anqas wieħed mill-konjuġi jkollu n-nazzjonalità tar-Repubblika Ċeka jew minn tal-anqas wieħed mill-konjuġi jkun residenti abitwalment fir-Repubblika Ċeka.

Meta żwieġ ikun annullat jew meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk żwieġ huwiex null jew le, il-kapaċità ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ żwieġ u l-għamla ta’ konklużjoni tiegħu jiġu vvalutati skont il-liġijiet applikabbli għalihom f’dak il-waqt li jkun ġie ċċelebrat iż-żwieġ.

Il-liġi Ċeka ma tinkludix miżura dwar il-konflitt tal-liġijiet għas-separazzjoni.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

L-obbligi ta’ manteniment bejn il-konjuġi u l-eks konjuġi huma rregolati mil-liġi ddeterminata skont il-Protokoll tal-Aja dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment (2007).

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 49 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Ir-reġimi tal-proprjetà matrimonjali tal-konjuġi huma rregolati mil-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi jkunu residenti abitwalment fih; meta jkun mod ieħor, mil-liġi ta’ dak l-Istat li ż-żewġ konjuġi jkollhom in-nazzjonalità tiegħu; u meta dan ma jkunx il-każ, mil-liġi Ċeka.

Is-soluzzjoni kuntrattwali tad-drittijiet tal-proprjetà matrimonjali hija rregolata mil-liġi applikabbli għar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali f’dak il-waqt li fih isiru l-arranġamenti. Meta dan ma jkunx il-każ, il-konjuġi jistgħu jaqblu wkoll, għas-soluzzjoni kuntrattwali tad-drittijiet tal-proprjetà matrimonjali, li r-reġimi tal-proprjetà matrimonjali tagħhom ikunu rregolati jew mil-liġi ta’ dak l-Istat li wieħed mill-konjuġi jkollu n-nazzjonalità tiegħu, jew mill-Istat li wieħed mill-konjuġi jkun residenti abitwalment fih, jew mil-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli inkwistjoni, jew mil-liġi Ċeka. Meta l-ftehim isir f’pajjiż ieħor, għandu jitfassal att notarili tiegħu jew dokument simili.

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Il-liġi applikabbli fir-rigward tas-suċċessjoni tal-persuni deċeduti fis-17 ta’ Awwissu 2015 jew wara hija rregolata mir-Regolament (UE) Nru 650/2012.

Din il-materja hija rregolata mill-Artikoli 76 u 77 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Din il-miżura tapplika fir-rigward tas-suċċessjoni tal-persuni deċeduti fis-16 ta’ Awwissu 2015 jew wara (sakemm il-liġi applikabbli ma tkunx irregolata mod ieħor minn ftehim internazzjonali bilaterali).

Ir-reġim legali tas-suċċessjoni huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li fih it-testatur kien residenti abitwalment fil-waqt ta’ mewtu. Fil-każijiet li fihom testatur ikollu n-nazzjonalità tar-Repubblika Ċeka u minn tal-anqas wieħed mill-werrieta jkun resident abitwalment fir-Repubblika Ċeka, tapplika l-liġi Ċeka.

Il-kapaċità li wieħed jagħmel jew iħassar testment, kif ukoll l-effetti ta’ nuqqasijiet f’testment u l-manifestazzjonijiet tiegħu, huma rregolati mil-liġi ta’ dak l-Istat li t-testatur ikollu n-nazzjonalità tiegħu fil-waqt li fih jagħmel it-testment, jew li t-testatur ikun residenti abitwalment fih. Determinazzjoni simili tal-liġi applikabbli ssir fir-rigward tal-kapaċità li jsiru jew jitħassru għamliet oħra ta’ legati wara l-mewt u għall-iddeterminar ta’ liema għamliet oħra ta’ legati wara l-mewt huma ammissibbli.

Testment ikun validu fir-rigward tal-għamla tiegħu, meta l-għamla tikkonforma mal-liġi tal-Istat (a) li t-testatur kellu n-nazzjonalità tiegħu meta għamel it-testment jew fil-waqt ta’ mewtu, (b) fit-territorju fejn sar it-testment, (c) li t-testatur kien residenti abitwalment fih meta għamel it-testment jew fil-waqt ta’ mewtu, (d) li trid tiġi applikata għar-reġim legali tas-suċċessjoni jew li kellha tiġi applikata għal reġim bħal dan meta sar it-testment, jew (e) li fih ikun hemm proprjetà immobbli involuta. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-għamla ta’ annullament ta’ testment. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-għamla ta’ ftehimiet ta’ suċċessjoni u legati oħra wara l-mewt, dment li t-testatur ikun parti fil-ftehim ta’ suċċessjoni. Dan japplika wkoll għall-għamla tal-annullament ta’ ftehim ta’ suċċessjoni jew legati oħra wara l-mewt.

It-testatur, jista’ jispeċifika f’testment li, minflok il-liġi li kieku kienet tkun tapplika, ir-reġim legali tas-suċċessjoni jkun irregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat li t-testatur ikun residenti abitwalment fih meta jkun għamel it-testment, inkluż għal legat immobbli, jew inkella jista’ jispeċifika li r-reġim legali tas-suċċessjoni, inkluż għal proprjetà immobbli, ikun irregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat li jkollu n-nazzjonalità tiegħu meta jagħmel it-testment. Il-partijiet fi ftehim ta’ suċċessjoni jistgħu jagħżlu reġim legali ta’ suċċessjoni minn dawn is-sistemi legali dment li t-testatur ikun wieħed mill-partijiet fil-ftehim ta’ suċċessjoni. Dan japplika wkoll mutatis mutandis għal legati oħra wara l-mewt.

Skont ir-Regolament dwar is-Suċċessjoni, jekk, skont il-liġi applikabbli għall-wirt skont ir-Regolament, ma jkun hemm l-ebda werriet tal-assi, jew legatarju f’konformità mal-legat wara l-mewt, jew ebda persuna fiżika li tkun il-werrieta, l-applikazzjoni ta’ liġi li tkun iddeterminata b’dan il-mod ma teskludix id-dritt ta’ Stat Membru jew entità appuntata minn dak l-Istat Membru partikolari għal dak l-iskop, li jsir il-proprjetarju, bi dritt, tal-assi minn wirt li jinsabu fit-territorju tiegħu, u li l-kredituri fih għandhom dritt għall-ħlas ta’ dejn pendenti mill-assi residwi. Fil-liġi Ċeka, din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 1634 tal-Kodiċi Ċivili. F’dan l-Artikolu hemm stipulat li, meta ma jkun hemm l-ebda werriet biex jiret, anki skont ir-regoli ab intestato, is-suċċessjoni tgħaddi għand l-Istat u l-Istat jitqies bħala s-suċċessur legali. L-Istat ikollu l-istess pożizzjoni ta’ suċċessur fil-konfront tal-partijiet l-oħra f’konformità mal-benefiċċju tal-inventarju. Skont l-Artikolu 78 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, meta ma jkunx hemm suċċessur, il-beni u d-drittijiet tat-testatur li jkunu jinsabu fir-Repubblika Ċeka jgħaddu għand ir-Repubblika Ċeka; id-deċiżjonijiet f’dawn il-materji huma kompitu tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati Ċeki. L-Istat jew unità territorjali oħra jew istituzzjoni eżistenti ma jitqisux, għal dawn il-finijiet, bħala suċċessur, sakemm ma jkunux stabbiliti bħala suċċessuri fit-testment.

3.8 Proprjetà reali

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 69 sa 79 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

Ir-regoli ġenerali hija li d-drittijiet sostantivi għall-proprjetà immobbli jew għall-proprjetà immobbli tanġibbli huma rregolati mil-liġi tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà. Skont din il-liġi wkoll ikun iddeterminat jekk proprjetà hijiex mobbli jew immobbli. Madankollu, għal xi proprjetà speċifika u għal ċerti aspetti tad-drittijiet in rem, l-Att fih regoli speċjali dwar il-konflitt tal-liġijiet – ara aktar ’l isfel:

Id-drittijiet in rem għall-bastimenti u l-inġenji tal-ajru rreġistrati f’reġistru pubbliku, li t-twaqqif u l-iskadenza tiegħu huma rregolari mil-liġi tal-Istat li fih jinżamm ir-reġistru.

It-twaqqif u l-iskadenza tad-drittijiet in rem għall-proprjetà mobbli tanġibbli huma rregolati mil-liġi tal-post li fih kienet tinsab il-proprjetà meta seħħ l-avveniment li wassal għall-ħolqien jew għall-iskadenza ta’ dak id-dritt.

It-twaqqif jew l-iskadenza tas-sjieda fi proprjetà mobbli tanġibbli li tkun trasferita abbażi ta’ ftehim huma rregolati mil-liġi li tirregola l-ftehim li jkun il-bażi għall-ħolqien jew għall-iskadenza tas-sjieda.

Meta proċediment legali li għandu jkun il-bażi għat-twaqqif u għall-iskadenza tad-drittijiet in rem għall-proprjetà mobbli tanġibbli jsir wara l-bidu tat-trasport tal-proprjetà u matul id-durata tat-trasport, tali twaqqif u skadenza għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-post li minnu tkun intbagħtet il-proprjetà. Madankollu, jekk it-twaqqif u l-iskadenza tad-drittijiet in rem għall-proprjetà inkwistjoni jsiru permezz ta’ pproċessar ta’ ċertifikat li jrid ikun ippreżentat għall-fini taċ-ċediment u l-użu tal-proprjetà, tapplika l-liġi tal-post li fih ikun jinsab iċ-ċertifikat fil-waqt tal-ipproċessar tiegħu.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-entrati f’kotba pubbliċi u listi simili validi fil-post li fih tkun tinsab il-proprjetà immobbli jew mobbli jkunu applikati wkoll fil-każijiet li fihom ir-raġuni legali li tiġġustifika t-twaqqif, l-iskadenza, ir-restrizzjoni jew it-trasferiment tad-dritt irreġistrat tkun ivvalutata skont sistema legali oħra.

Il-preskrizzjoni akkwiżittiva hija rregolata mil-liġi valida fil-post li fih kienet tinsab il-proprjetà fil-bidu tal-perjodu ta’ preskrizzjoni akkwiżittiva. Id-detentur, madankollu, jista’ jirreferi għal-liġi tal-Istat li fih isseħħ il-preskrizzjoni akkwiżittiva, fil-każijiet li fihom – minn mindu l-proprjetà tkun waslet fl-Istat inkwistjoni – ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet kollha għall-preskrizzjoni akkwiżittiva skont il-liġi tal-Istat.

3.9 Insolvenza

Din il-materja hija rregolata mill-Artikolu 111 tal-Att dwar id-Dritt Internazzjonali Privat. Id-dispożizzjonijiet dwar il-konflitt tal-liġijiet tar-Regolament dwar l-Insolvenza japplikaw mutatis mutandis, għajr għal każijiet soġġetti għal dak ir-Regolament.

L-aħħar aġġornament: 06/03/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna