Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Il-liġi ta' liema pajjiż tapplika?

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-għejun tar-regoli fis-seħħ

1.1 Regoli nazzjonali

Is-sorsi vinkolanti tal-dritt domestiku Belġjan huma l-leġiżlazzjoni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-dritt konswetudinarju. Il-leġiżlazzjoni tinħareġ neċessarjament minn awtorità pubblika; Il-prinċipji ġenerali tal-liġi huma legalment vinkolanti għaliex is-soċjetà hija konvinta mill-valur legali tagħhom; id-dritt konswetudinarju jikkonsisti minn użu mhux bil-miktub u prassi li hija ġeneralment aċċettata.

Fil-Belġju, il-qrati mhumiex obbligati li jsegwu l-preċedent: il-ġurisprudenza, bħall-opinjoni akkademika, hija portatriċi tal-awtorità iżda mhijiex vinkolanti. Is-sentenzi tal-qrati huma validi biss bejn il-partijiet f’kawża, u mhumiex vinkolanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ mħallfin oħra f’kawżi simili. Bl-eċċezzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle/Grondwettelijk Hof), l-ebda qorti ma tista’ tobbliga qrati oħra li jimxu fuq preċedent li jkun ġie stabbilit minnha. Anki sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation/Hof van Cassatie), li jaf tħassar sentenza ta’ qorti minuri u tirreferiha għal rieżami, ma tagħtix struzzjonijiet li jobbligaw b’mod vinkolanti lil dik il-qorti li tisma’ l-każ mill-ġdid. Huwa biss jekk il-Qorti tal-Kassazzjoni tagħti sentenza għat-tieni darba dwar l-istess kawża li l-kontenut isir vinkolanti fuq il-qorti mitluba biex tagħti sentenza finali.

1.2 Konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali

Ta’ min jinnota li s-Servizz Pubbliku Federali għall-Affarijiet Barranin għandu bażi tad-data li tagħti ħarsa ġenerali lejn il-konvenzjonijiet bilaterali u multilaterali ffirmati mill-1987 ’il quddiem:

https://diplomatie.belgium.be/fr/traites

https://diplomatie.belgium.be/nl/verdragen

https://diplomatie.belgium.be/de/vertrage

https://diplomatie.belgium.be/en/treaties

It-test tad-diversi konvenzjonijiet fis-seħħ fil-Belġju huwa ppubblikat fil-gazzetta uffiċjali tal-Belġju (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad), li ilha disponibbli elettronikament mill-1997: http://justice.belgium.be/

Barra minn hekk, fl-istess sit web wieħed isib it-test ta’ bosta konvenzjonijiet anki jekk dawn kienu ġew konklużi qabel l-1997, taħt l-intestatura “Législation consolidée’/‘Geconsolideerde Wetgeving” (fl-1 ta’ Awwissu 2004 kien hemm 2 800 entrata).

Fil-prinċipju, il-Belġju huwa Stat sovran li għandu awtorità suprema fuq dawk li huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati tagħha. Madankollu, minħabba l-internazzjonalizzazzjoni kulma jmur tikber tas-soċjetà, il-Belġju huwa dejjem aktar marbut bir-regoli li jsiru mill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet sopranazzjonali u internazzjonali. B’mod partikolari, l-Unjoni Ewropea (UE), in-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-Kunsill tal-Ewropa ħallew it-timbru tagħhom fuq il-liġi Belġjana billi għaddew trattati u regolamenti (li jistgħu jkunu jew ma jkunux direttament applikabbli) u billi imponew direttivi u proċessi ta’ armonizzazzjoni ġuridika sabiex jikkostrinġu lill-Istati Membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet biex jallinjaw is-sistemi ġuridiċi interni tagħhom.

Il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li huma direttament applikabbli fil-Belġju huma l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta Soċjali Ewropea, li t-tnejn li huma ġew promulgati mill-Kunsill tal-Ewropa. It-testi korrispondenti fil-livell tan-Nazzjonijiet Uniti huma l-Patt dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, rispettivament.

Bħala organizzazzjoni sopranazzjonali, l-Unjoni Ewropea (UE) għandha influwenza sinifikanti fuq l-Istati Membri tagħha, inkluż il-Belġju. L-istrumenti ġuridiċi ewlenin tal-UE huma r-regolamenti, li huma direttament applikabbli, u d-direttivi, li jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri nfushom.

Għadd kbir ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet huma attivi fl-iżvilupp ta’ għadd ta’ fergħat tal-liġi, bħad-dritt internazzjonali privat, id-dritt kriminali internazzjonali u d-dritt ekonomiku u kummerċjali internazzjonali. Dawn huma xi eżempji: in-Nazzjonijiet Uniti, il-Unicitral, il-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, il-Unidroit, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Istat Ċivili, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), il-IATA (Trasport bl-Ajru), l-Unjoni tal-Benelux, eċċ.

1.3 Konvenzjonijiet bilaterali prinċipali

Kemm l-awtoritajiet federali kif ukoll l-awtoritajiet tal-istati federati tal-Belġju jistgħu, skont il-kompetenzi materjali tagħhom, jikkonkludu konvenzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi oħra jew reġjuni oħra tad-dinja. Bosta minn dawn il-konklużjonijiet jiġu konklużi ma’ pajjiżi ġirien jew pajjiżi li l-Belġju għandu relazzjonijiet kummerċjali mill-qrib jew importanti magħhom.

2 L-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Il-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 li tistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat ġiet ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali fis-27 ta’ Lulju 2004 (http://justice.belgium.be/). Tista’ tiġi kkonsultata fl-istess sit web, taħt l-intestatura “Législation consolidée’/‘Geconsolideerde Wetgeving”.

Din l-iskeda informattiva tispjega s-sitwazzjoni skont il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rigward kemm il-ġuriżdizzjoni internazzjonali kif ukoll l-effetti tal-istrumenti awtentiċi u s-sentenzi tal-qrati barranin huma applikabbli għall-azzjonijiet li jitressqu wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi, u għal sentenzi tal-qorti u strumenti awtentiċi mogħtija wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi. Każijiet li jippreċedu dan il-perjodu li jaqgħu barra l-arranġamenti tranżizzjonali fil-Kodiċi huma rregolati minn varjetà wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni u korp sostanzjali ta’ ġurisprudenza u ta’ duttrina. Is-siti web segwenti jistgħu jkunu ta’ siwi:

- http://www.law.kuleuven.be/ipr

- http://www.ipr.be/

- http://www.dipr.be/

Il-Kodiċi japplika biss sa fejn il-każ ma jkunx irregolat minn konvenzjonijiet internazzjonali, mil-liġi tal-Unjoni Ewropea jew minn leġiżlazzjoni speċifika.

2.1 L-obbligu tal-imħallef li japplika b’inizjattiva tiegħu stess ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

L-imħallfin Belġjani ma japplikawx biss il-liġi Belġjana. Ta’ sikwit ikollhom jagħtu sentenza abbażi ta’ liġi barranija.

Fid-dritt internazzjonali privat tal-Belġju hemm stipulat li d-dritt barrani għandu jiġi applikat abbażi tal-interpretazzjoni li hija aċċettata fil-pajjiż barrani; jekk il-qorti nfisha ma tkunx tista’ tiddetermina l-kontenut tal-liġi barranija, tista’ titlob għall-kooperazzjoni tal-partijiet. Meta jkun jidher biċ-ċar li huwa impossibbli li l-qorti tiddetermina l-kontenut tal-liġi barranija fi żmien raġonevoli, din trid tapplika l-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 15 tal-Kodiċi).

2.2 Rinviju dwar l-għażla ta’ liġijiet

Minn mindu ġie adottat il-Kodiċi, ir-renvoi ma għadux, b’mod ġenerali, aċċettat (l-Artikolu 16 tal-Kodiċi). Madankollu, il-Kodiċi jinkludi eċċezzjoni għal-liġi applikabbli għall-persuni ġuridiċi (l-Artikolu 110) u dispożizzjoni ta’ renvoi possibbli lejn il-liġi tal-Belġju dwar il-kapaċità tal-persuni fiżiċi (ara aktar ’l isfel).

2.3 Bidla f'element ta' konnessjoni

Fattur ta’ konnessjoni jista’ jvarja tul iż-żmien (pereż. in-nazzjonalità) jew fl-ispazju (pereż. ir-residenza abitwali).

Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jagħmel tentattiv biex jispeċifika r-regola li għandha tkun applikata fl-aktar sitwazzjonijiet komuni li fihom ikun hemm tibdil fil-fattur ta’ konnessjoni.

Fir-rigward tal-effetti taż-żwieġ, pereżempju, l-ewwel fattur ta’ konnessjoni skont il-Kodiċi huwa r-residenza abitwali tal-konjuġi fil-waqt li fih jiġu invokati l-effetti (l-Artikolu 48).

Fil-każ tal-filjazzjoni, il-Kodiċi jispeċifika li l-liġi applikabbli hija l-liġi tan-nazzjonalità tal-persuna li l-paternità jew il-maternità tagħha tkun inkwistjoni fil-waqt tat-twelid tat-tarbija (l-Artikolu 62).

Id-drittijiet in rem huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-waqt tal-invokazzjoni tad-dritt. Madankollu, il-Kodiċi jispeċifika li l-akkwiżizzjoni u t-telf ta’ tali drittijiet huma rregolati mil-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà fil-waqt li seħħew l-atti jew il-fatti invokati bħala l-bażi tal-akkwiżizzjoni jew it-telf tad-dritt (l-Artikolu 87).

2.4 Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni normali tar-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Ir-regoli normali dwar il-konflitt ta’ liġijiet ma japplikawx f’għadd ta’ każijiet definiti fil-Kodiċi.

1. Il-liġi deżinjata mill-Kodiċi, b’eċċezzjoni, mhijiex applikabbli fil-każijiet li fihom ikun jidher biċ-ċar li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, is-sitwazzjoni għandha biss rabta dgħajfa mal-Belġju, u hija marbuta mill-qrib ferm ma’ Stat ieħor. F’dan il-każ, tapplika l-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor (l-Artikolu 19).

2. Ir-regoli supremi jew ir-regoli tal-liġi pubblika tal-liġi tal-Belġju li jirregolaw sitwazzjoni internazzjonali irrispettivament mil-liġi deżinjata mir-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet jibqgħu applikabbli (l-Artikolu 20).

3. Teżisti eċċezzjoni għall-politika pubblika internazzjonali li tippermetti li ċerti aspetti ta’ liġi barranija ma jkunux applikati jekk l-effett tagħhom ikun intollerabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Belġju (l-Artikolu 21).

2.5 Prova ta’ liġi barranija

Il-qorti tal-Belġju tista’ tirrikjedi lill-partijiet biex jistabbilixxu l-kontenut u l-ambitu tal-liġi barranija. Il-qorti tista’ tapplika wkoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-informazzjoni dwar id-dritt barrani, iffirmata f’Londra fis-7 ta’ Ġunju 1968. Meta tkun rikjesta evidenza awtentika, il-parti tintalab tipproduċi dikjarazzjoni magħrufa bħala certificat de coutume, li fiha l-awtorità barranija xierqa tagħti evidenza awtentika tar-regoli li huma jew li kienu applikabbli f’pajjiżha.

3 Ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ liġijiet

Meta l-qorti tal-Belġju jkollha ġuriżdizzjoni skont ir-regoli msemmija aktar ’il fuq, xorta trid tikkunsidra liema liġi għandha tiġi applikata minnha fir-rigward tat-tilwima. Hija tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni f’konformità mad-dritt internazzjonali privat tal-Belġju. Skont ir-ratione materiae tat-tilwima, hemm diversi fatturi li jistgħu jikkollegaw il-każ ma’ ordinament ġuridiku partikolari. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat huwa strutturat skont is-suġġett, u jindika l-fattur ta’ konnessjoni rilevanti għall-materja. Uħud minn dawn l-oqsma huma diskussi aktar ’l isfel.

3.1 Obbligi kuntrattwali u atti legali

Din il-materja hija koperta mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tas-17 ta’ Ġunju 2008, magħruf bħala r-“Regolament Ruma I”. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jestendi l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma l-antika tal-1980 għal kwistjonijiet kontrattwali li kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-Kodiċi dalwaqt għandu jiġi adattat biex iqis is-sitwazzjoni li tirriżulta mis-sostituzzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma l-antika bir-Regolament Ruma I.

Madankollu, ċerti materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma rregolati minn regoli speċifiċi, jew

– skont konvenzjonijiet internazzjonali (b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-7 ta’ Ġunju 1930 għar-riżolviment ta’ ċerti konflitti tal-liġijiet f’rabta mal-kambjali u maċ-ċedoli, u l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Marzu 1931 għar-riżolviment ta’ ċertu konflitt tal-liġijiet f’rabta maċ-ċekkijiet), jew inkella

– skont dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Kodiċi (b’mod partikolari l-Artikolu 124 dwar it-trusts u l-Artikolu 111 dwar il-ftehimiet ta’ sħubija).

Fl-aħħar nett, ta’ min jieħu nota tal-fatt li, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament, ċerti konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu japplikaw, jiġifieri:

– il-Konvenzjoni ta’ Budapest tal-21 ta’ Ġunju 2001 dwar il-kuntratt għat-trasport tal-merkanzija permezz ta’ passaġġi fuq l-ilma intern,

– il-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ Londra tat-28 ta’ April 1989 dwar l-assistenza,

– il-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli fir-rigward tal-kolliżjonijiet u s-salvataġġ fuq il-baħar, iffirmati fi Brussell fit-23 ta’ Settembru 1910, u l-Protokoll tal-Firma mehmuż miegħu.

3.2 Obbligi mhux kuntrattwali

Dan il-qasam huwa kopert mir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-11 ta’ Lulju 2007, magħruf bħala r-“Regolament Ruma II”. Il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jestendi l-applikazzjoni tiegħu għal materji li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

Madankollu, ċerti materji li mhumiex koperti mir-Regolament huma rregolati minn regoli speċifiċi. Għaldaqstant, l-obbligu li jirriżulta minn att malafamanti jew minn ksur tad-drittijiet tal-privatezza jew tal-personalità huwa rregolat mil-liġi tal-Istat fejn ikun seħħ l-att jew id-dannu jew fejn ikun hemm it-theddida li jseħħ, fuq għażla tal-attur, sakemm il-persuna responsabbli ma tistabbilix li ma setgħetx tipprevedi li d-dannu kien se jseħħ f’dak l-Istat (l-Artikolu 99).

Ta’ min jinnota, li skont l-Artikolu 28 tar-Regolament, ċerti konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu japplikaw, jiġifieri:

– Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-inċidenti tat-traffiku,

– il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli dwar il-ġuriżdizzjoni ċivili f’materji ta’ kolliżjoni, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mal-ġuriżdizzjoni penali fi kwistjonijiet ta’ kolliżjoni jew inċidenti oħra ta’ navigazzjoni, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mas-sekwestru tal-bastimenti tal-baħar, kollha kemm huma ffirmati fi Brussell fl-10 ta’ Mejju 1952,

– il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-assistenza, Londra, it-28 ta’ Mejju 1989,

– il-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, Munich, il-5 ta’ Ottubru 1973,

– il-Konvenzjoni Internazzjonali tad-29 ta’ Mejju 1933 għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli relatati mas-sekwestru kawtelatorju tal-inġenji tal-ajru,

– il-Konvenzjonijiet Internazzjonali għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli fir-rigward tal-kolliżjonijiet u s-salvataġġ fuq il-baħar, iffirmati fi Brussell fit-23 ta’ Settembru 1910, u l-Protokoll tal-Firma mehmuż miegħu.

3.3 L-istat personali, l-aspetti tiegħu marbuta mal-istat ċivili (isem, domiċilju, kapaċità)

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat, il-liġi applikabbli f’tilwimiet relatati mal-kapaċità u l-istatus personali hija l-liġi tal-istess Stat tan-nazzjonalità tal-persuna.

Fir-rigward tal-kapaċità tal-persuni fiżiċi, il-Kodiċi jinkludi dispożizzjoni għal renvoi parzjali: il-kwistjoni tkun koperta mil-liġi tal-Belġju jekk id-dritt barrani jkun jitlob l-applikazzjoni tal-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 34 tal-Kodiċi).

F’konformità mal-prinċipju ġenerali, il-liġi applikabbli għall-iddeterminar tal-kunjomijiet u tal-ismijiet hija l-liġi tal-istess Stat tan-nazzjonalità tal-persuna (l-Artikolu 37).

3.4 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal, inkluża l-adozzjoni

3.4.1 Li tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-ġenituri u t-tfal

Bħala regola ġenerali biex tkun stabbilita l-liġi applikabbli, l-Artikolu 62 tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jistipula li d-determinazzjoni jew il-kontestazzjoni tal-paternità jew tal-maternità ta’ persuna hija rregolata mil-liġi tal-istess Stat tan-nazzjonalità tal-persuna fil-waqt tat-twelid tat-tarbija jew, jekk id-determinazzjoni tal-paternità jew tal-maternità tirriżulta minn att volontarju, fil-waqt ta’ dak l-att.

3.4.2 L-adozzjoni

Il-kundizzjonijiet biex tkun stabbilita adozzjoni huma rregolati mil-liġi nazzjonali tal-ġenitur adottiv jew id-dritt nazzjonali komuni konġunt tal-ġenituri adottivi. Jekk il-ġenituri adottivi ma jkollhomx l-istess nazzjonalità, il-kundizzjonijiet huma rregolati mil-liġi tar-residenza abitwali tagħhom jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mil-liġi tal-Belġju.

Il-liġi applikabbli għad-diversi kunsensi meħtieġa hija dik tal-Istat li fih il-persuna adottata jkollha r-residenza abitwali tagħha. Madankollu, jekk din il-liġi ma tirrikjedix il-kunsens tal-persuna adottata jew ma tipprevedix l-adozzjoni, il-kunsens tal-persuna adottata jkun irregolat mil-liġi tal-Belġju (l-Artikoli 67 u 68 tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat).

3.5 Iż-żwieġ, koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw, sħubijiet, divorzju, separazzjoni ġudizzjarja, obbligi ta’ manteniment

3.5.1 Żwieġ

Fir-rigward tal-liġi applikabbli għaż-żwieġ, il-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat jagħmel distinzjoni bejn:

1. il-wegħda ta’ żwieġ: il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi futuri jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi futuri jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 45 tal-Kodiċi);

2. il-konklużjoni ta’ żwieġ: il-liġi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-konjuġi, bil-possibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ żwieġ bejn persuni tal-istess sess fis-sens li d-dispożizzjoni ta’ liġi barranija li tipprojbixxi tali żwieġ tkun eskluża jekk wieħed mill-konjuġi jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat li l-liġi tiegħu tkun tippermetti tali żwieġ jew ikollu r-residenza abitwali tiegħu fih.

3. formalitajiet: il-liġi tal-Istat fejn jiġi ċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 47 tal-Kodiċi);

4. l-effetti ta’ żwieġ: il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-konjuġi jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi jkollhom in-nazzjonalità tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-liġi tal-Belġju (l-Artikolu 48 tal-Kodiċi).

3.5.2 Koppji mhux miżżewġin/li jikkoabitaw u sħubijiet

Fir-rigward tas-sħubijiet jew kull għamla ta’ koabitazzjoni soġġetta għar-reġistrazzjoni, il-liġi tal-Belġju tiddistingwi bejn ir-relazzjonijiet bejn il-koabitanti li joħolqu rabta ekwivalenti għaż-żwieġ u relazzjonijiet li ma joħolqux rabta ekwivalenti għaż-żwieġ.

Il-liġi applikabbli għal dawk tal-ewwel hija l-liġi li tapplika għaż-żwieġ (ara aktar ’il fuq), filwaqt li l-liġi applikabbli għar-relazzjonijiet ta’ koabitazzjoni li ma joħolqux rabta ekwivalenti għaż-żwieġ hija l-liġi tal-Istat fejn tkun ġiet irreġistrata r-relazzjoni ta’ koabitazzjoni għall-ewwel darba.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola r-relazzjonijiet ta’ koabitazzjoni mhux irreġistrati.

3.5.3 Id-divorzju u s-separazzjoni ġudizzjarja

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 huwa applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni.

3.5.4 L-obbligi ta' manteniment

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment jirreferi għall-istatus ta’ manteniment għall-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment. Il-liġi ġenerali tiddeżinja l-liġi tal-Istat li fih il-kreditur ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew tagħha. Madanakollu, jeżistu regoli speċjali bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom, fil-konfront ta’ persuni taħt il-21 sena fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ persuni li mhumiex il-ġenituri tagħhom, bejn konjuġi u eks konjuġi, u bejn persuni li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie annullat. Il-Protokoll għandu wkoll dispożizzjoni li tippermetti lill-partijiet li jiddeżinjaw il-liġi applikabbli.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment fil-konfront tat-tfal tapplika għar-relazzjonijiet bejn il-Belġju u Stat li jkun parti minnha mingħajr ma jkun irratifika l-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 indikat aktar ’il fuq.

3.6 Reġimi matrimonjali dwar il-proprjetà

Is-sħab jistgħu jagħżlu għalihom infushom il-liġi li tirregola r-reġim tal-proprjetà matrimonjali tagħhom. L-għażla hija limitata: il-liġi tal-Istat tal-ewwel residenza abitwali tas-sħab wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom, jew il-liġi nazzjonali ta’ wieħed mill-konjuġi (l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat).

Fin-nuqqas ta’ għażla tal-liġi applikabbli, ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali jkun irregolat mil-liġi tal-Istat tal-ewwel residenza abitwali tas-sħab wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. Fil-każ li dawn ir-residenzi abitwali ma jkunux fl-istess Stat, il-liġi applikabbli hija dik tal-Istat li ż-żewġ sħab kellhom in-nazzjonalità tiegħu fil-waqt taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom. F’każijiet oħra, il-liġi li tapplika hija l-liġi tal-Istat fejn kien iċċelebrat iż-żwieġ (l-Artikolu 51 tal-Kodiċi).

3.7 Testmenti u s-suċċessjoni

Dan il-qasam huwa rregolat mir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

3.8 Proprjetà reali

Għall-iddeterminar tal-liġi applikabbli, jintuża wkoll il-kriterju tal-lok li fih tinsab il-proprjetà (l-Artikolu 87 tal-Kodiċi tad-Dritt Internazzjonali Privat.

3.9 Insolvenza

L-insolvenza hija rregolata mir-Regolament (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment. Il-prinċipju bażiku fir-Regolament huwa li hemm proċedura universali ewlenija waħda ta’ insolvenza, li eventwalment tkun segwita minn proċedura territorjali sekondarji

L-aħħar aġġornament: 05/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.