Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

It-tilwimiet jistgħu jissolvew mingħajr ma tmur il-qorti. Tista’ ssibha utli li tħares lejn l-informazzjoni dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, bħal medjazzjoni.

Il-partijiet jistgħu wkoll ifittxu medjazzjoni matul il-kors tal-proċedimenti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-terminu għat-tressiq ta’ kawża fil-qorti jvarja skont il-każ. Il-kwistjoni tat-termini jew tal-perjodi ta’ limitazzjoni hija legalment kumplessa u l-aħjar parir li tista’ tingħata huwa li tikkonsulta avukat jew ċentru legali li jipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

Bħala regola ġenerali u għal skopijiet illustrattivi biss:

a) Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-pretensjonijiet għal djun kuntrattwali huwa ta’ ħames snin.

b) Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-pretensjonijiet għal danni mhux kuntrattwali huwa ta’ sena.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Jekk tagħżel li ssolvi t-tilwima permezz tal-qrati, mela trid tmur f’qorti f’dan l-Istat Membru.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Jekk jogħġbok ara r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fuq Competencia de los tribunales

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Jekk jogħġbok ara r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni fuq Competencia de los tribunales

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Bħala regola ġenerali, sabiex tmur il-qorti fi Spanja, jeħtieġ li tuża:

a) rappreżentant proċedurali tal-qorti (procurador), u

b) avukat li jaġixxi għalik fil-qorti.

Mhuwiex meħtieġ li tuża dawn il-prattikanti fil-każijiet li ġejjin:

  1. Meta l-ammont li tkun qed titlob ma jaqbiżx l-EUR 2 000.
  2. Sabiex tiddepożita rikors skont proċedura rapida speċjali magħrufa bħala "proċedura ta’ ordni għal ħlas", diment li tipprovdi evidenza dokumentarja tad-dejn. F’dawn il-każijiet, ma hemm ebda limitu fuq l-ammont tal-pretensjoni.
  3. Sabiex tapplika għal miżuri urġenti qabel jibdew il-proċedimenti. Dan ikopri miżuri proviżorji interim fi proċedimenti ta’ annullament, separazzjoni jew divorzju. Il-miżuri huma maħsuba sabiex jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet finanzjarji u personali urġenti tal-konjuġi u t-tfal tagħhom, meta wieħed mill-konjuġi jkollu l-ħsieb li jressaq proċedimenti ta’ annullament, separazzjoni jew divorzju.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-rikorsi jridu jiġu ppreżentati lir-Reġistru tal-Qorti għall-post inkwistjoni. Ir-rikors jiġi ttrattat minn:

a) l-Iskrivan tal-Qorti responsabbli għar-Reġistru u s-servizzi komuni ġenerali, jew

b) l-uffiċjal tar-Reġistru maħtur sabiex jaġixxi taħt is-superviżjoni u r-responsabbiltà tal-Iskrivan.

L-iskrivani tal-qorti u l-uffiċjali maħtura minnhom huma l-uniċi persuni li jistgħu jikkonfermaw id-data u l-ħin li fihom ġew ippreżentati l-pretensjonijiet, id-dokumenti li jibdew il-proċedimenti u kwalunkwe dokumenti oħrajn li hemm termini obbligatorji għalihom.

Il-pretensjonijiet ċivili jew kummerċjali ma jistgħux jiġu ppreżentati lil xi korp pubbliku ieħor, inkluża l-qorti responsabbli.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Fil-prinċipju, l-Ispanjol irid jintuża fil-proċeduri tal-qorti. F’dawk il-Komunitajiet Awtonomi li għandhom il-lingwa tagħhom (il-Katalonja, Valenzja, il-Gżejjer Baleariċi, il-Galizja u l-Pajjiż Bask), tista’ tintuża wkoll dik il-lingwa.

Kwalunkwe persuna oħra li tieħu sehem fil-proċedimenti tista’ tuża l-Ispanjol jew il-lingwa tal-Komunità Awtonoma fejn ikunu qegħdin isiru l-proċedimenti, kemm f’dokumenti bil-miktub kif ukoll fi proċedimenti orali. Jekk xi ħadd ma jkunx jista’ jifhem il-lingwa tal-Komunità Awtonoma, il-qorti taħtar interpretu sabiex jipprovdi traduzzjoni għall-Ispanjol. Ħatra ssir jew fejn stipulat mil-liġi jew inkella fuq talba mill-persuna li titlob iċ-ċaħda tal-proċess dovut. Jekk xi ħadd, minbarra parti, jipprovdi evidenza f’lingwa differenti minħabba li ma jafx jitkellem bl-Ispanjol jew bil-lingwa tal-Komunità Awtonoma, il-parti li tipproponi dik l-evidenza tkun responsabbli sabiex tipprovdi interpretu.

Il-proċedimenti jridu dejjem jinbdew bil-miktub f’dokument magħruf bħala "pretensjoni" (demanda). Meta l-ammont tal-pretensjoni ma jaqbiżx l-EUR 2 000, dan jista’ jkun dokument sempliċi li jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

a) id-dettalji personali u l-indirizz tal-pretendent, kif ukoll id-dettalji personali u l-indirizz tal-parti l-oħra, meta jkunu magħrufa.

b) x’qiegħed jitlob eżattament il-pretendent mingħand il-parti l-oħra.

Il-persuni li mhumiex jużaw rappreżentant proċedurali tal-qorti jistgħu jagħżlu jekk jittrattawx mal-qrati b’mod elettroniku jew le. Huma jistgħu jbiddlu l-metodu magħżul minnhom fi kwalunkwe ħin.

Il-ġuristi kollha huma mitluba jużaw is-sistemi ta’ preżentazzjoni elettronika jew mill-bogħod tal-qrati sabiex jippreżentaw kemm ir-rikors inizjali u d-dokumenti ta’ pretensjoni sussegwenti, kif ukoll dokumenti oħrajn, bil-għan li jiżguraw li l-preżentati jkunu ġenwini u jipprovdu rekord affidabbli li d-dokumenti ntbagħtu u waslu bis-sħiħ, kif ukoll id-data li fiha ntbagħtu u waslu.

L-organizzazzjonijiet u l-individwi li ġejjin huma wkoll mitluba li jittrattaw mal-qrati b’mod elettroniku:

a) Entitajiet ġuridiċi.

b) Assoċjazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika.

ċ) Kull min iwettaq attività professjonali li tirrikjedi s-sħubija obbligatorja ta’ korp professjonali għall-proċeduri u t-trattattivi mal-qrati mwettqa matul il-kors tal-attività professjonali tagħhom.

d) Nutara u reġistraturi.

e) Kull min jirrappreżenta lil xi ħadd li huwa meħtieġ li jittratta mal-qrati b’mod elettroniku.

f) Uffiċjali pubbliċi, għall-proċeduri u t-trattattivi mwettqa matul il-kors tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Jeżistu formoli standard u dokumenti stampati għall-preżentata ta’ pretensjonijiet għal ammonti li ma jaqbżux l-EUR 2 000, kif ukoll għall-pretensjonijiet finanzjarji ppreżentati skont proċedura speċjali magħrufa bħala "proċedura ta’ ordni għal ħlas". Ma hemm ebda limitu fuq l-ammont li jista’ jintalab skont il-proċedura ta’ ordni għal ħlas, iżda trid tipprovdi evidenza dokumentarja tad-dejn.

Dawn il-formoli (flimkien mal-gwidi tal-utenti) huma disponibbli fuq l-internet fuq:

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Servicios/Atencion-Ciudadana/Modelos-normalizados/El-juicio-verbal-

http://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Servicios/Atencion-Ciudadana/Modelos-normalizados/El-proceso-monitorio

Huma wkoll disponibbli għall-pubbliku fir-Reġistri tal-Qrati u fis-Servizzi Ċentrali għal kull distrett tal-qorti.

Meta ma tkun teżisti ebda formola jew din ma tkunx tista’ tintuża, trid tippreżenta pretensjoni bil-miktub lill-qorti. Għall-pretensjonijiet li ma jaqbżux l-EUR 2 000, dan huwa dokument sempliċi ħafna. Kulma jrid ikun fih huma d-dettalji personali tal-pretendent, id-dettalji personali tal-parti l-oħra, meta jkunu magħrufa, u deskrizzjoni preċiża ta’ dak li qiegħed jitlob il-pretendent. Għall-pretensjonijiet ta’ aktar minn EUR 2 000, id-dokument huwa aktar ikkumplikat minħabba li jrid jinkludi deskrizzjoni tal-fatti tal-każ, ir-raġunijiet legali għall-pretensjoni u lista f’ordni li tidentifika b’mod ċar id-dokumenti u evidenza oħra ppreżentata.

Fiż-żewġ każijiet, il-pretensjoni inizjali trid tkun akkumpanjata mill-evidenza dokumentarja kollha b’sostenn għall-pretensjoni, flimkien ma’ kwalunkwe rapporti ta’ xhieda esperti jew evidenza oħra relatata mal-kawża. B’mod ġenerali, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu ppreżentati f’data aktar tard, ħlief f’każijiet speċjali ħafna.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

L-individwi ma għandhomx bżonn iħallsu tariffa.

L-entitajiet ġuridiċi (kumpaniji, fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet) iridu jħallsu tariffa sabiex iressqu kawża fil-qrati ċivili, kummerċjali jew amministrattivi kontenzjużi u sabiex jappellaw kontra sentenza mogħtija fil-qrati soċjali. Ma hemm ebda tariffa li għandha titħallas fil-qrati kriminali. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq:

https://www.agenciatributaria.gob.es/AEAT.sede/Ayuda/GC07.shtml

Fil-Komunità Awtonoma ta’ Katalunja, l-entitajiet ġuridiċi (iżda mhux l-individwi) jridu jħallsu tariffa:

http://administraciojusticia.gencat.cat/ca/serveis_als_ciutadans/gestions_i_tramits/taxes_adm_justicia/taxes_admjus_cat/

Ma hemm ebda tariffa standard għat-tariffi tal-avukati. Kemm il-livell tat-tariffi kif ukoll il-metodu tal-ħlas huma stabbiliti permezz ta’ ftehim reċiproku mal-klijent.

Hemm tariffa standard għall-ħlasijiet mitluba mir-rappreżentanti proċedurali tal-qorti. Ara

https://www.boe.es/buscar/act.php?id=BOE-A-2003-21104&p=20060128&tn=0

Ġeneralment, il-ġuristi jitolbu ħlas bil-quddiem sabiex ikopru l-ispejjeż tal-bidu, li jiġi paċut kontra t-tariffi totali. Il-proċedimenti jinqasmu fi stadji u l-prattikanti jistgħu jitolbu lill-klijenti tagħhom iħallsu l-perċentwal korrispondenti tat-tariffi totali fil-bidu ta’ kull stadju.

Ġeneralment, il-prattikanti ma jitolbux il-ħlas sħiħ tat-tariffi qabel ma titlesta l-kawża.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

In-nies li jistgħu juru bil-provi li ma għandhomx il-mezzi sabiex imorru l-qorti huma intitolati għal għajnuna legali. Il-mezzi tan-nies jiġu vvalutati bl-użu ta’ indiċi magħruf bħala l-IPREM (indiċi pubbliku tal-introjtu fil-livell bażiku).

Individwu jitqies li ma għandux il-mezzi sabiex imur il-qorti meta l-introjtu annwali tal-familja tiegħu mis-sorsi kollha ma jkunx aktar minn:

a) daqs darbtejn l-IPREM applikabbli fil-mument meta jsir ir-rikors, għal individwi li mhumiex parti minn unità ta’ familja.

b) daqs darbtejn u nofs l-IPREM applikabbli fil-mument meta jsir ir-rikors, għal individwi li huma parti minn unità ta’ familja li fiha inqas minn erba’ persuni.

ċ) daqs tliet darbiet l-IPREM, għal individwi li huma parti minn unità ta’ familja li fiha mill-inqas erba’ persuni.

Għall-2017, l-IPREM annwali huwa ta’ EUR 6 390.13.

Ċerti organizzazzjonijiet mhux għall-profitti jistgħu jikkwalifikaw ukoll għal għajnuna legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Kawża titqies li tressqet b’mod uffiċjali mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata, ladarba tkun ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tal-iskrivan u tkun inħarġet ordni ta’ ammissjoni tal-pretensjoni għall-proċess, wara konferma li l-kwistjoni taqa’ fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti.

Inti tiġi nnotifikat bid-deċiżjoni tal-qorti tal-ammissjoni tal-pretensjoni għall-proċess u bid-deċiżjonijiet sussegwenti kollha permezz tar-rappreżentant proċedurali tal-qorti tiegħek, jekk ikollok wieħed. Meta ma jkunx meħtieġ rappreżentant proċedurali tal-qorti, tiġi nnotifikat direttament bil-konsenja rreġistrata fl-indirizz mogħti fil-pretensjoni.

Jekk il-pretensjoni jkun fiha żball, li jfisser li ma tkunx tista’ tiġi ammessa għall-proċess, il-qorti tippermettilek perjodu ta’ żmien li fih tikkoreġi dan l-iżball. Jekk l-iżball ma jkunx jista’ jiġi kkoreġut, l-Iskrivan tal-Qorti jgħarraf b’dan lill-Imħallef, li min-naħa tiegħu jiddeċiedi jekk jippermettix li l-pretensjoni tipproċedi jew le.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-partijiet jiġu nnotifikati minnufih bl-istadji jew l-avvenimenti kollha fil-proċedimenti, direttament jew permezz tar-rappreżentant proċedurali tal-qorti tagħhom, meta jkollhom wieħed.

Bħala regola ġenerali, ma hemm ebda skeda ta’ żmien stabbilita għall-proċedimenti, iżda hemm termini li jridu jintlaħqu.

L-aħħar aġġornament: 25/04/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna