Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

It-tilwim jista’ jiġi solvut mingħajr ma l-intervent tal-qorti permezz tal-medjazzjoni - ara “Il-Medjazzjoni fi Spanja”.

Il-partijiet jistgħu jfittxu wkoll il-medjazzjoni wara li jkunu nbdew il-proċedimenti legali.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-terminu għat-tressiq ta’ kawża fil-qorti jvarja skont il-każ. Il-kwistjoni tat-termini jew tal-perjodi ta’ preskrizzjoni hija legalment kumplessa u l-aħjar parir li tista’ tingħata huwa li tikkonsulta avukat jew ċentru legali li jipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja.

Bħala regola ġenerali u għal skopijiet illustrattivi biss:

  1. il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-pretensjonijiet għal djun kuntrattwali huwa ta’ 5 snin;
  2. il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-pretensjonijiet għal danni mhux kuntrattwali huwa ta’ sena.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Jekk tagħżel li ssolvi t-tilwima permezz tal-qrati, mela trid tmur f’qorti f’dan l-Istat Membru.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Jekk jogħġbok ara r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f’“Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati”.

Fuq il-bażi tal-post ta’ residenza tiegħek:

Id-direttorju ta’ korpi ġudizzjarji (Directorio Juzgados)

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Jekk jogħġbok ara r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f’“Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati”.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Bħala regola ġenerali, sabiex tmur il-qorti fi Spanja, jeħtieġ li tqabbad:

  1. rappreżentant proċedurali tal-qorti (procurador), u
  2. avukat li jaġixxi għalik fil-qorti.

Ma huwiex meħtieġ li tqabbad lil dawn il-ġuristi fil-każijiet li ġejjin:

  1. Meta l-ammont li tkun qed titlob ma jaqbiżx l-EUR 2 000.
  2. Sabiex tiddepożita rikors skont proċedura rapida speċjali magħrufa bħala "proċedura ta’ ordni għal ħlas" (monitorio), dment li tipprovdi evidenza dokumentarja tad-dejn. F’dawn il-każijiet, ma hemm l-ebda limitu fuq l-ammont tat-talba.
  3. Sabiex titlob miżuri urġenti qabel jibdew il-proċedimenti. Dan ikopri miżuri proviżorji interim fi proċedimenti ta’ annullament, separazzjoni jew divorzju, billi dawn il-miżuri maħsuba biex jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet personali u finanzjarji urġenti tal-miżżewġin u wliedhom meta wieħed mill-miżżewġin ikollu l-ħsieb li jiftaħ proċedimenti ta’ annullament, separazzjoni jew divorzju (madankollu, l-intervent ta’ dawn il-prattikanti jkun meħtieġ għad-dokumentazzjoni u l-azzjonijiet bil-miktub sussegwenti kollha).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

It-talba u d-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati online:

Punt ta’ aċċess ġenerali għas-Servizz tal-Qrati (Administración de Justicia)

It-talbiet u d-dokumenti jistgħu jiġu ppreżentati wkoll fir-reġistru tal-qorti ċentrali (Juzgado Decano) għad-distrett jew għar-reġistru tal-qorti għall-post ikkonċernat. F’dak il-każ, dawn jiġu ttrattati:

  1. mill-iskrivan tal-qorti responsabbli għar-reġistru tal-qorti ċentrali u s-servizzi komuni ġenerali, jew
  2. mill-uffiċjal tar-reġistru li jaġixxi taħt is-superviżjoni tal-iskrivan tal-qorti.

L-iskrivana tal-qorti u l-uffiċjali maħtura minnhom huma l-uniċi persuni li jistgħu jikkonfermaw id-data u l-ħin tal-preżentazzjoni tat-talba, id-dokumenti li jibdew il-proċedimenti u kwalunkwe dokument ieħor li hemm limiti ta’ żmien obbligatorji għalih.

It-talbiet ċivili jew kummerċjali ma jistgħux jiġu ppreżentati lil xi korp pubbliku ieħor, inkluż lill-maġistrat tal-għassa.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Fil-prinċipju, l-Ispanjol irid jintuża fil-proċedimenti tal-qorti. F’dawk il-Komunitajiet Awtonomi li għandhom il-lingwa tagħhom (il-Katalonja, Valenzja, il-Gżejjer Baleariċi, il-Galizja u l-Pajjiż Bask), tista’ tintuża wkoll dik il-lingwa.

Kwalunkwe persuna oħra li tieħu sehem fil-proċedimenti tista’ tuża l-Ispanjol jew il-lingwa tal-Komunità Awtonoma fejn ikunu qegħdin isiru l-proċedimenti, kemm f’dokumenti bil-miktub kif ukoll fi proċedimenti orali. Jekk xi ħadd ma jkunx jista’ jifhem il-lingwa tal-Komunità Awtonoma, il-qorti taħtar interpretu sabiex jipprovdi traduzzjoni għall-Ispanjol. Ħatra bħal din issir jew fejn stipulat mil-liġi jew inkella fuq talba mill-persuna li titlob iċ-ċaħda ta’ proċess ġust. Jekk xi ħadd, minbarra parti, jagħti xhieda f’lingwa differenti minħabba li ma jafx jitkellem bl-Ispanjol jew bil-lingwa tal-Komunità Awtonoma, il-parti li tipproponi dik ix-xhieda tkun responsabbli sabiex tipprovdi interpretu.

Il-proċedimenti dejjem iridu jinbdew bil-miktub f’dokument magħruf bħala “rikors” (demanda), li huwa dokument sempliċi għall-kawżi ta’ taħt l-EUR 2 000. Dan irid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

  1. id-dettalji personali u l-indirizz tar-rikorrent, u d-dettalji personali u l-indirizz tal-parti l-oħra, meta jkunu magħrufin, u
  2. x’qiegħed jitlob eżattament ir-rikorrent mingħand il-parti l-oħra.

Il-persuni li ma jqabbdux rappreżentant proċedurali tal-qorti jistgħu jagħżlu jekk jittrattawx mal-qrati b’mod elettroniku jew le. Huma jistgħu jbiddlu l-metodu magħżul minnhom fi kwalunkwe ħin.

Punt ta’ aċċess ġenerali għas-Servizz tal-Qrati

Il-ġuristi kollha meħtieġa jużaw is-sistemi ta’ arkivjar elettroniku jew mill-bogħod tas-Servizz tal-Qrati biex jippreżentaw kemm ir-rikors promotorju u d-dokumenti ta’ talbiet sussegwenti, kif ukoll dokumenti oħrajn, biex jiżguraw li l-preżentazzjonijiet ikunu ġenwini u biex jipprovdu rekord affidabbli li d-dokumenti ntbagħtu u waslu sħaħ, kif ukoll id-data ta’ meta ntbagħtu u waslu.

L-organizzazzjonijiet u l-individwi li ġejjin huma wkoll meħtieġa jittrattaw mal-qrati b’mod elettroniku:

  1. l-entitajiet ġuridiċi;
  2. l-entitajiet mingħajr personalità ġuridika;
  3. il-professjonisti li jaħdmu f’oqsma li jirrikjedu reġistrazzjoni f’organizzazzjoni professjonali għal kwalunkwe formalità u azzjoni li jwettqu mas-Servizzi tal-Qrati meta jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom;
  4. in-nutara u r-reġistraturi;
  5. ir-rappreżentanti ta’ parti kkonċernata li jeħtiġilhom jittrattaw b’mod elettroniku mas-Servizz tal-Qrati; u
  6. l-uffiċjali tal-amministrazzjoni pubblika, għal kwalunkwe azzjoni u pass li jwettqu minħabba l-pożizzjoni tagħhom.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Jeżistu formoli standard u dokumenti stampati għall-preżentata ta’ talbiet għal ammonti li ma jaqbżux l-EUR 2 000 kif ukoll għall-pretensjonijiet finanzjarji ppreżentati skont proċedura speċjali magħrufa bħala “proċedura ta’ ordni ta’ ħlas”. Ma hemm ebda limitu fuq l-ammont li jista’ jintalab skont il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas, iżda trid tipprovdi evidenza dokumentarja tad-dejn.

Dawn il-formoli (flimkien mal-gwidi tal-utenti) huma disponibbli fuq l-internet fuq:

Proċessi orali (Juicio Verbal) (għal talbiet żgħar)

Il-proċedura ta’ ħlas (Juicio Monitorio) (għall-proċedura speċjali)

Huma wkoll disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru ċentrali tal-qrati u fl-uffiċċji tas-servizzi proċedurali komuni għal kull distrett tal-qorti.

Għat-talbiet li ma jaqbżux l-EUR 2 000, dan huwa dokument sempliċi ħafna. Kulma jrid ikun fiha huma d-dettalji personali tar-rikorrent, id-dettalji personali tal-parti l-oħra, meta jkunu magħrufin, u deskrizzjoni preċiża ta’ dak li qed jitlob ir-rikorrent.

Għat-talbiet ta’ aktar minn EUR 2 000, id-dokument huwa aktar ikkumplikat u jrid jiġi fformulat minn avukat minħabba li jrid jinkludi deskrizzjoni tal-fatti tal-każ, ir-raġunijiet legali għat-talba u lista f’ordni li tidentifika b’mod ċar id-dokumenti u provi oħrajn ippreżentati.

Fiż-żewġ każijiet, ir-rikors promotur irid ikun akkumpanjat mill-provi dokumentarji kollha li jappoġġaw ir-rikors, flimkien ma’ kwalunkwe perizja jew provi oħrajn relatati mal-każ. B’mod ġenerali, dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu ppreżentati f’data aktar tard, ħlief f’każijiet speċjali ħafna.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

L-individwi ma għandhomx bżonn iħallsu tariffa.

L-entitajiet ġuridiċi (il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet) iridu jħallsu tariffa sabiex iressqu rikors quddiem il-qrati ċivili, kummerċjali jew amministrattivi kontenzjużi, u biex jappellaw kontra sentenza mogħtija fil-qrati soċjali. Ma titħallas l-ebda tariffa fil-qrati kriminali. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq:

It-tariffi tal-qorti (Tasas judiciales)

Fil-Komunità Awtonoma ta’ Katalonja, l-entitajiet ġuridiċi (iżda mhux l-individwi) iridu jħallsu tariffa:

Il-Komunità Awtonoma tal-Katalonja (Comunidad Autónoma de Cataluña).Tariffa

Ma hemm ebda tariffa standard għall-onorarji tal-avukati. Kemm il-livell tal-onorarji kif ukoll il-metodu tal-ħlas huma stabbiliti permezz ta’ ftehim reċiproku mal-klijent.

Hemm tariffa standard għall-ħlasijiet mitluba mir-rappreżentanti proċedurali tal-qorti.

It-tariffa għar-rappreżentanti proċedurali tal-qorti (Arancel Procuradores) (tariffa standard)

Ġeneralment, il-ġuristi jitolbu ħlas bil-quddiem sabiex ikopru l-ispejjeż tal-bidu, li jiġi paċut kontra l-onorarji totali. Il-proċedimenti jinqasmu fi stadji u l-ġuristi jistgħu jitolbu lill-klijenti tagħhom iħallsu l-perċentwal korrispondenti tal-onorarji totali fil-bidu ta’ kull stadju.

Ġeneralment, il-ġuristi ma jitolbux il-ħlas sħiħ tal-onorarji qabel ma tintemm il-kawża.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

In-nies li jistgħu juru bil-provi li m’għandhomx il-mezzi sabiex imorru l-qorti huma intitolati għal għajnuna legali.

L-għajnuna legali (Justicia Gratuita) (il-Ministeru għall-Ġustizzja)

Il-mezzi tan-nies jiġu vvalutati bl-użu ta’ indiċi magħruf bħala l-IPREM (indicador público de renta de efectos múltiples, indiċi tal-introjtu bażiku pubbliku).

Individwu jitqies li m’għandux il-mezzi sabiex imur il-qorti meta l-introjtu annwali tal-unità domestika tiegħu mis-sorsi kollha ma jkunx aktar minn:

  1. darbtejn l-IPREM applikabbli fil-mument meta jsir ir-rikors, għal individwi li mhumiex parti minn unità familjari.
  2. darbtejn u nofs l-IPREM applikabbli fil-mument meta jsir ir-rikors, għal individwi li huma parti minn kwalunkwe tip ta’ unità familjari b’inqas minn erba’ membri.
  3. tliet darbiet l-IPREM, għal individwi li huma parti minn unità familjari b’mill-inqas erba’ persuni.

Għall-2023, l-IPREM annwali huwa ta’ EUR 7 200,00 (tnax-il pagament).

IPREM 2023

Ċerti organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jistgħu jikkwalifikaw ukoll għal għajnuna legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Azzjoni titqies li tressqet b’mod uffiċjali mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata, ladarba tkun ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tal-iskrivan u tkun inħarġet ordni li tilqa’ r-rikors biex jipproċedi, wara konferma li l-kwistjoni taqa’ fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti.

Inti tiġi nnotifikat bid-deċiżjoni tal-qorti li tilqa’ r-rikors biex jipproċedi u bid-deċiżjonijiet sussegwenti kollha permezz tar-rappreżentant proċedurali tal-qorti tiegħek, jekk ikollok wieħed. Meta ma jkunx meħtieġ rappreżentant proċedurali tal-qorti, tiġi nnotifikat direttament b’konsenja rreġistrata fl-indirizz mogħti fir-rikors.

Jekk ir-rikors ikun fih żball li jfisser li ma jkunx jista’ jintlaqa’ biex jipproċedi, il-qorti tagħtik perjodu ta’ żmien biex tikkoreġi dan l-iżball. Jekk l-iżball ma jkunx jista’ jiġi kkoreġut, l-iskrivan tal-qorti jgħarraf b’dan lill-imħallef, li jiddeċiedi jekk jippermettix li r-rikors jipproċedi jew le.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-partijiet jiġu nnotifikati minnufih bl-istadji jew l-avvenimenti kollha fil-proċedimenti, direttament jew permezz tar-rappreżentant proċedurali tal-qorti tagħhom, meta jkollhom wieħed.

Bħala regola ġenerali, ma hemm ebda skeda ta’ żmien stabbilita għall-proċedimenti, iżda hemm termini li jridu jintlaħqu.

L-aħħar aġġornament: 16/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.