Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Li tmur il-qorti għandek tkun l-aħħar alternattiva tiegħek. L-ewwel għandek tikkunsidra modi oħra biex issolvi l-kwistjoni. Pereżempju, jekk xi ħadd għandu jagħtik xi flus, tista’ tikteb ittra lill-persuna li għandha tagħtik, tgħid kemm għandha tagħtik, għal xiex, u liema passi diġà ħadt biex tirkuprahom. Tista’ tinkludi twissija li jekk ma jħallsukx sad-data ssuġġerita, inti se tiftaħ proċess fil-qorti. Tista’ wkoll tkun trid tikkunsidra s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Jekk jogħġbok irreferi għall-iskeda informattiva dwar l-ADR (soluzzjoni alternattiva għat-tilwim) għal aktar informazzjoni.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Fil-liġi tal-Iskozja, hemm limiti ta’ żmien jew perjodi ta’ preskrizzjoni li fihom għandha titressaq kawża quddiem il-qorti. Dawn huma ddeterminati mill-kunċetti legali ta’ limitazzjoni u ta’ preskrizzjoni negattiva. Il-perjodi applikabbli jiddependu mill-istatut. Tista’ ssib jekk l-azzjoni speċifika li tixtieq tiftaħ hijiex soġġetta għal limiti ta’ żmien speċifiċi billi titlob il-parir ta’ avukat jew ta’ Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau).

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Hemm regoli speċifiċi fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jiddeterminaw l-Istat Membru li fih għandhom jitressqu t-talbiet.

Informazzjoni ġenerali dwar liema qrati jittrattaw liema tipi ta’ kawżi fl-Iskozja hija pprovduta fl-iskeda: “Ġurisdizzjoni (Jurisdiction)”.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Informazzjoni ġenerali dwar liema qrati jittrattaw liema tipi ta’ kawżi fl-Iskozja hija pprovduta fl-iskeda: “Ġurisdizzjoni (Jurisdiction)”.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Informazzjoni ġenerali dwar liema qrati jittrattaw liema tipi ta’ kawżi fl-Iskozja hija pprovduta fl-iskeda: “Ġurisdizzjoni (Jurisdiction)”.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

M’hemm l-ebda rekwiżit li persuna trid tkun rappreżentata legalment fil-qrati ċivili Skoċċiżi.

Persuna li tidher mingħajr rappreżentanza legali hija magħrufa bħala “parti fil-kawża” (party litigant). Xi gwida speċifika hija disponibbli għall-partijiet fil-kawża fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session): Gwida għall-partijiet fil-kawża (Guidance for party litigants)

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Inti għandek l-ewwel tikkuntattja lill-persunal amministrattiv tal-qorti. Tista’ tikkuntattja lill-qorti bil-miktub, bit-telefown jew billi tmur personalment. Jekk tiktbilhom, huma ser jippruvaw iwieġbuk bil-miktub jew permezz tat-telefown fi żmien 10 ijiem tax-xogħol.

L-informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-ftuħ u d-dettalji tal-kuntatt tinsab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) taħt il-Postijiet tal-Qrati u t-Tribunali.

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) jipprovdi persunal li jkun imħarreġ kif xieraq biex iwettaq is-servizzi amministrattivi, tekniċi u organizzattivi meħtieġa għat-tmexxija bla xkiel tal-qrati filwaqt li jipprovdu servizz effiċjenti u b’korteżija lill-utenti tal-qorti. F’dan ir-rigward hemm Karta tal-Utenti tal-Qorti li d-dettalji tagħha jinsabu fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

Il-persunal tal-Qrati u tat-Tribunali Skoċċiżi mhuwiex ikkwalifikat fil-liġi u għalhekk ma jistax jagħtik parir legali. Jekk teħtieġ parir legali, l-Għaqda tal-Liġi tal-Iskozja (Law Society of Scotland) tista’ tipprovdi dettalji ta’ kuntatt ta' avukati fiż-żona tiegħek u l-Bord tal-Għajnuna Legali għall-Iskozja (Scottish Legal Aid Board) jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-eliġibbiltà għall-għajnuna legali.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-proċedimenti tal-Qorti għandhom jitressqu bl-Ingliż. Il-proċedimenti jsiru bl-Ingliż bl-għajnuna ta’ interpreti jekk jintalbu. L-interpreti jitħallsu mill-partijiet fl-azzjoni. Il-formoli meħtieġa biex tittieħed azzjoni għandhom jittieħdu personalment jew jintbagħtu bil-posta lill-qorti.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ġeneralment, biex tressaq talba trid timla formola. Ir-Regoli tal-Qorti għal kull tip ta’ qorti jispeċifikaw liema formoli għandhom jintużaw sabiex jinbdew proċedimenti f’dawk il-qrati.

Jekk jogħġbok ara s-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) għal aktar informazzjoni relatata ma’ qrati speċifiċi: Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Normalment ikollok tħallas it-tariffi tal-qorti fil-bidu tal-proċedimenti. It-tariffi jvarjaw skont it-tip ta’ azzjoni mressqa u l-qorti li titressaq fiha. It-tariffi huma stabbiliti f’leġiżlazzjoni sekondarja (imsejħa Ordnijiet dwar it-Tariffi (Fee Orders)) u jiġu aġġornati regolarment permezz ta' Ordnijiet dwar l-Emenda tat-Tariffi (Fee Amendment Orders). Għall-aktar tariffi aġġornati, jekk jogħġbok ara s-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

F’ċerti ċirkostanzi inti tista’ tkun intitolat għal eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti. Dawk iċ-ċirkostanzi huma disponibbli wkoll fuq is-sit web tals-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service - SCTS).

Meta titla' l-qorti jkollok tħallas xi tariffi iżda jista’ jkun hemm spejjeż addizzjonali. Normalment il-parti telliefa tkun responsabbli għall-ħlas tal-kostijiet tal-qorti u spejjeż oħra mġarrba mill-parti rebbieħa u l-kostijiet u l-ispejjeż tagħhom stess. F’xi każijiet, l-imħallef ikollu ċerta diskrezzjoni dwar kemm ikollha tħallas il-parti telliefa. Parti rebbieħa xorta waħda jista' jkollha tkopri l-ispejjeż tal-evidenza tax-xhieda jew tal-esperti tagħha stess.

It-tariffi tal-avukati normalment ikunu jistgħu jitħallsu meta tintemm il-kawża. Jekk inti tirbaħ il-kawża tiegħek, il-qorti tista’ tordna lill-konvenut iħallas parti mit-tariffi jew it-tariffi kollha tal-avukati tiegħek. Għandek iżżomm f'moħħok ukoll li għalkemm il-qorti tista’ tiddeċiedi favur tiegħek (li jfisser li tordna lill-konvenut iħallsek), il-qorti mhux se tieħu passi awtomatikament biex tiżgura li l-flus jitħallsu. Jekk il-konvenut ma jħallasx, inti trid titlob lill-qorti biex tieħu azzjoni (imsejħa “eżekuzzjoni tas-sentenza tiegħek”) li għaliha jista’ jkollok tħallas tariffa oħra. Aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tista’ tinkiseb f’għadd ta’ fuljetti: Fuljetti dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Hemm tipi differenti ta’ finanzjament legali disponibbli f'materji ċivili. It-tip ta’ finanzjament u l-eliġibbiltà li tirċevieh jiddependu fuq għadd ta’ fatturi inklużi t-tip ta’ azzjoni legali u d-dħul tar-rikorrent. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is-sit web tal-Bord Skoċċiż tal-Għajnuna Legali (Scottish Legal Aid Board).

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Azzjoni tibda meta l-formola, it-taħrika, iċ-ċitazzjoni jew il-petizzjoni tiġi nnotifikata lill-konvenut mill-attur. In-notifika normalment issir bil-posta, iżda tista’ ssir minn Uffiċjal tax-Sheriff jew Uffiċjal Ġudizzjarju (Messenger-at-arms).

Meta formola, ċitazzjoni, taħrika jew petizzjoni tiġi ppreżentata lil Skrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk) għal ġustifikazzjoni (jew ippreżentata lill-uffiċċji tal-qorti għall-issiġillar fil-Qorti Suprema Ċivili (Court of Session)), il-persunal amministrattiv se jiċċekkja d-dokument biex jiżgura li tkun ingħatat l-informazzjoni meħtieġa. Il-persunal amministrattivi ma jagħtix pariri legali dwar il-merti ta’ kawża. Ladarba tkun inbdiet azzjoni, il-qorti xorta tista’ tikkonkludi li l-azzjoni ma tkunx tressqet b’mod korrett.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Id-dokumenti nnotifikati lill-konvenut se jipprovdu lill-konvenut b’informazzjoni dwar kif se jirrispondi għall-azzjoni, f’liema skadenzi u meta se ssir is-seduta li jmiss tal-kawża.

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish and Courts Tribunals Service) jipprova jippjana s-seduti kollha malajr kemm jista’ jkun. F’kawżi ċivili, il-mira għas-smigħ tal-evidenza hija ta’ 12-il ġimgħa mid-data li tingħata mill-qorti għal smigħ tal-provi.

Links relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service)

Il-Bord Skoċċiż tal-Għajnuna Legali (Scottish Legal Aid Board)

Għaqda tal-Liġi tal-Iskozja (Law Society of Scotland) (avukati, inklużi dawk bi drittijiet estiżi ta’ udjenza)

Il-Fakultà tal-Avukati (Faculty of Advocates) (rappreżentanza)

L-aħħar aġġornament: 24/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.