Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

L-Irlanda ta’ fuq
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Il-paragrafi li ġejjin jagħtu deskrizzjoni ġenerali tal-arranġamenti fl-Irlanda ta’ Fuq rigward il-ftuħ tal-proċedimenti. Madankollu, dawn mhumiex maħsuba u m’għandhomx jitqiesu bħala dikjarazzjoni komprensiva tal-liġi. Proċeduri dettaljati huma stabbiliti fir-regoli tal-qorti u, fejn possibbli, dawk ir-regoli għandhom jiġu kkonsultati.

Ftit huma n-nies li huma ħerqana li jgħaġġlu jidħlu l-qorti u ħafna huma lesti li jesploraw il-possibbiltà ta’ soluzzjoni bonarja. Dan jista’ jsir fuq bażi informali mingħajr appoġġ legali (eż. permezz ta’ laqgħat, skambju ta’ ittri jew telefonati) jew, b’mod aktar formali, bl-assistenza ta’ rappreżentanti legali jew medjaturi. Huwa biss meta soluzzjoni miftiehma tkun ġiet imwarrba li wieħed għandu jdur għall-qorti.

Informazzjoni ulterjuri dwar alternattivi għall-qorti fl-Irlanda ta’ Fuq tinsab fuq is-sit web taċ-Ċentru tal-Liġi tal-Irlanda ta' Fuq (Law Centre - NI)

Jekk tkun meħtieġa azzjoni fil-qorti, inti trid tistabbilixxi l-post xieraq għall-kawża tiegħek. Jekk it-talba tiegħek hija waħda ċivili, tista’, soġġetta għal statut, titressaq quddiem il-Qorti Għolja (High Court). Madankollu, il-maġġoranza tal-kawżi jipproċedu fil-Qorti tal-Kontea (County Court), fejn il-ġurisdizzjoni finanzjarja ġenerali bħalissa hija ta’ £30 000. L-Irlanda ta’ Fuq hija maqsuma f’sezzjonijiet tal-Qorti Amministrattiva u l-Gwida tal-Qorti Amministrattiva tista’ tgħinek tiddeċiedi l-post xieraq. Il-prinċipju gwida huwa li l-proċedimenti għandhom ġeneralment jinbdew fis-Sezzjoni tal-Qorti Amministrattiva li fiha l-konvenut jirrisjedi jew iwettaq in-negozju tiegħu (għalkemm teknikament, il-proċedimenti jistgħu jinbdew fi kwalunkwe Sezzjoni).

Il-Gwida tal-Qorti Amministrattiva tista’ titniżżel mis-sit web tal-NICTS. Madankollu, tista’ tikkuntattja lit-Tim tal-Komunikazzjoni tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Courts and Tribunals Service's Communication Team) (+44 300 200 7812) jekk ikollok xi mistoqsijiet ġenerali.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Ara l-iskeda informattiva dwar il-Limiti ta’ Żmien Proċedurali.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara t-tweġiba għall-punt 1 u l-iskeda informattiva dwar il-Ġurisdizzjoni.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara t-tweġiba għall-punt 1 u l-iskeda informattiva dwar il-Ġurisdizzjoni.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara t-tweġiba għall-punt 1 u l-iskeda informattiva dwar il-Ġurisdizzjoni.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Ġeneralment, persuna hija libera li tkompli jew tiddefendi l-proċedimenti waħedha jew permezz ta’ rappreżentant legali. Madankollu hemm xi eċċezzjonijiet għal dan, pereżempju, fil-Qorti Għolja (High Court) il-ħabib jew il-kuratur ad litem ta’ persuna b'diżabilità (eż. taħt it-tmintax-il sena) għandu jaġixxi permezz ta’ avukat. Korp korporattiv għandu jaġixxi wkoll permezz ta’ avukat, sakemm il-qorti ma tippermettix li direttur jirrappreżenta lill-kumpanija.

Jista’ jkun meħtieġ kunsens mill-qorti biex persuna tidher minflok jew f’isem persuna oħra.

Kemm fil-livell tal-Qorti Għolja (High Court) kif ukoll fil-livell tal-Qorti tal-Kontea (County Court), persuna mhux irrappreżentata tista’ tkun akkumpanjata minn ħabib li jista’ jagħti pariri u jieħu n-noti. Madankollu, il-qrati jistgħu jimponu kundizzjonijiet/restrizzjonijiet biex jiżguraw li l-kawża tipproċedi b’mod ordnat.

Avukati (advocates, lawyers, barristers eċċ) minn ġewwa l-Unjoni Ewropea jistgħu jaġixxu flimkien ma’ avukati lokali.

Il-Qorti Għolja tittratta l-aktar kawżi kumplessi u l-persuni mhux irrappreżentati huma l-eċċezzjoni, aktar milli r-regola. Dan huwa wkoll il-każ fil-Qorti tal-Kontea (County Court). Madankollu, ir-rappreżentanza legali hija inqas komuni f’kawżi għal talbiet żgħar. Dan probabbilment huwa minħabba li dawk il-kawżi huma soġġetti għal arbitraġġ u l-arranġamenti tal-qorti huma inqas formali. Madankollu, il-valur ta’ talba x’aktarx ma jagħtix indikazzjoni tajba dwar jekk hijiex meħtieġa rappreżentanza legali. Xi kultant, talbiet ta’ valur baxx jistgħu jqajmu mistoqsijiet diffiċli dwar ir-responsabbiltà jew in-negliġenza kontributorja. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex it-talbiet għal offiżi fuq il-persuna huma esklużi mill-ġurisdizzjoni għal talbiet żgħar fl-Irlanda ta’ Fuq.

Jekk ma tixtieqx tqabbad avukat, tista’ titlob parir jew assistenza mis-settur volontarju (eż. Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini (Citizens Advice Bureau) jew korp statutorju (eż. il-Kunsill tal-Konsumaturi għall-Irlanda ta’ Fuq (Consumer Council for Northern Ireland)).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ġeneralment biex tiftaħ kawża, id-dokumenti xierqa għandhom jiġu ppreżentati fl-uffiċċju tal-qorti xieraq flimkien mat-tariffa meħtieġa. Normalment l-uffiċċji tal-Qrati jkunu miftuħa mill-10.00 a.m. sal-4.30 p.m.

Il-persunal tal-Qorti jista' jipprovdi assistenza u informazzjoni ġenerali dwar il-proċessi iżda ma jistax jagħti pariri legali jew jirrakkomanda rappreżentanti legali.

L-Għaqda tal-Liġi tal-Irlanda ta’ Fuq (Law Society of Northern Ireland) għandha lista ta’ avukati (solicitors) lokali u l-Librerija tal-Avukati tista’ tidentifika avukati (barristers) lokali.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-biċċa l-kbira tar-rikorsi jinfetħu b’dokument bil-miktub, li għandu jkun bl-Ingliż. Madankollu, matul il-proċedimenti jistgħu jsiru rikorsi orali.

Normalment, id-dokumenti jittieħdu jew jintbagħtu fl-uffiċċju tal-qorti rilevanti sabiex jinħarġu. Madankollu, ladarba jinħarġu, dawn għandhom jiġu nnotifikati skont ir-regoli tal-qorti. Skont id-dokument, dan jista’ jsir bil-posta elettronika, bil-faks, bil-posta jew b’notifika personali.

Jekk ikunu meħtieġa interpreti jew traduzzjoni ta’ dokumenti, huma l-partijiet, u mhux il-qorti, li normalment ikunu meħtieġa jħallsu l-ispejjeż.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ir-regoli tal-qorti jippreskrivu firxa wiesgħa ta’ dokumenti għall-użu f’diversi proċedimenti.

Fil-Qorti Għolja (High Court), ħafna mill-azzjonijiet (eż. talba għal danni għal offiżi fuq il-persuna jew mewt, frodi, ħsara fuq proprjetà, eċċ.) jinfetħu permezz ta' taħrika, li tinħareġ mill-Uffiċċju tal-“Front of House” (Front of House Office) f’isem l-Uffiċċju Ċentrali (Central Office) u l-Uffiċċju tal-Ekwità (Chancery Office). L-uffiċċju jżomm kopja waħda tat-taħrika ttimbrata bit-tariffa u ssiġillata u jirritorna oriġinali ssiġillata u ttimbrata flimkien man-numru meħtieġ ta’ kopji ta’ notifika ssiġillati.

It-taħrika tista’ tiġi approvata b’mod ġenerali (b’dikjarazzjoni qasira tan-natura tat-talba u r-rimedju mitlub) jew approvata b’mod speċjali (b’dikjarazzjoni sħiħa tat-talba).

Fil-Qorti tal-Kontea (County Court), il-biċċa l-kbira tal-kawżi jinbdew permezz ta’ att ċivili (civil bill). L-att ċivili irid jiddikjara l-ismijiet u l-indirizzi sħaħ tal-partijiet u s-Sezzjoni rilevanti tal-Qorti Amministrattiva. Att ċivili ordinarju għandu jinkludi “spejjeż ta’ 21 jum” - dawn huma spejjeż fissi li jfissru li jekk l-intimat iħallas id-dejn jew id-danni flimkien mal-ispejjeż ta’ 21 jum, l-azzjoni tiġi sospiża. Id-dettalji tat-talba (inklużi d-dati u l-postijiet rilevanti) ikunu stabbiliti fl-att ċivili.

Jekk il-kawża tiegħek hija talba żgħira hemm formola speċjali għal dan li hija disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and trribunals Service).

Hekk kif il-kawża timxi ’l quddiem, jista’ jkun hemm bżonn li jimtlew xi dokumenti oħra. Il-persunal tal-Qorti jista’ jipprovdi assistenza ġenerali b’dawn id-dokumenti iżda kif iddikjarat qabel, ma jistax jipprovdi parir legali jew jimla l-formoli għalik.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

It-tariffi jistgħu jitħallsu mal-ħruġ tat-taħrika, tal-att ċivili jew talba żgħira u wkoll f’diversi stadji tal-proċess ta’ litigazzjoni. Il-formola rilevanti ġeneralment tiġi ttimbrata b’irċevuta tat-tariffa. Fil-livell tal-Qorti tal-Kontea (County Court), dan jista’ jsir fi kwalunkwe uffiċċju tal-qorti.

Il-politika ġenerali hija li l-parti li titlef tkun responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż kollha: tagħha stess u tal-kontroparti. Fil-Qorti Għolja (High Court), l-ispejjeż huma vvalutati fuq il-bażi tax-xogħol li jsir. Fil-Qrati tal-Kontea (County Courts), hemm skala flessibbli ta’ spejjeż fissi li huma marbuta mal-valur tat-talba. Dan jgħin fit-tbassir tal-ispiża probabbli tal-litigazzjoni, madankollu, f’xi kawżi tal-qorti tal-kontea (County Court) l-imħallef jkollu diskrezzjoni rigward il-livell tal-ispejjeż.

Normalment, parti għall-proċedimenti biss tista’ tingħata, jew tkun responsabbli, għall-ispejjeż. Inti jkollok tħallas l-ispejjeż li jirriżultaw mit-talba tiegħek (eż. spejjeż tax-xhieda, spejjeż tal-ivvjaġġar, spejjeż ta’ evidenza esperta) matul il-proċedimenti. Madankollu, jekk tirbaħ il-kawża, tkun tista' titlobhom lura.

Jekk jogħġbok innota li, f’kawżi għal talbiet żgħar, l-ispejjeż normalment jingħataw biss jekk ikun hemm evidenza ta’ mġiba mhux raġonevoli minn waħda mill-partijiet.

L-Uffiċċju responsabbli għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi ċivili relatati mal-irkupru ta’ flus, oġġetti jew proprjetà fl-Irlanda ta’ Fuq u jista’ jgħin biex jipprova jiżgura kwalunkwe ħlas li jkun dovut lilek jekk tirbaħ il-każ tiegħek u l-parti l-oħra ma tħallasx fi żmien raġonevoli. Hemm ħlasijiet għall-użu tas-servizzi tal-Uffiċċju responsabbli għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office). Aktar informazzjoni dwar l-Uffiċċju responsabbli għall-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi (Enforcement of Judgments Office) tista’ tinstab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service) u fl-iskeda informattiva dwar il-proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza.

L-arranġamenti fir-rigward tat-tariffi tal-avukati huma kwistjoni bejn avukat u l-klijent tiegħu. Xi kultant jistgħu jkunu meħtieġa ħlasijiet fi stadji differenti. F’każijiet oħra, it-tariffi jistgħu jitħallsu kollha meta jiġu konklużi l-proċedimenti.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Hemm skema statutorja fl-Irlanda ta’ Fuq għall-ħlas tal-ispejjeż legali mill-fondi pubbliċi (l-iskema ta’ għajnuna legali).

Madankollu, ċerti proċedimenti huma esklużi mill-iskema (eż. malafama) u jiġu applikati testijiet tal-mezzi u tal-merti.

Ċertifikat tal-għajnuna legali ma jistax jintuża fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba qabel ma jkun ingħata.

Aktar informazzjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna legali hija disponibbli fuq il-paġni dwar l-għajnuna legali u fuq is-sit web tal-Għaqda tal-Liġi tal-Irlanda ta’ Fuq (Law Society of Northern Ireland).

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Il-ħruġ ta’ rikors għal talba żgħira, att ċivili jew taħrika jimmarka l-bidu tal-proċeduri għal finijiet ta’ preskrizzjoni.

Jekk formola hija preskritta fil-leġiżlazzjoni, kwalunkwe devjazzjoni li ma taffettwax is-sustanza jew mhix maħsuba li tiżgwida ma tinvalidax il-formola u kwalunkwe difett normalment jista’ jiġi kkoreġut permezz ta’ emenda.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-proċess ta’ litigazzjoni huwa soġġett għal diversi limiti ta’ żmien u, għalkemm il-persunal tal-qorti jista' jwieġeb mistoqsijiet speċifiċi, mhux se jsegwi l-istadji individwali ta’ kawża.

Fil-Qorti Għolja (High Court), ir-rikorrent għandu jressaq il-kawża għall-proċess fi żmien sitt ġimgħat mill-għeluq tas-sottomissjonijiet jew fi żmien ieħor mogħti mill-qorti, u għandha titħallas tariffa ma’ dan it-tressiq. Ir-rikorrent għandu jinnotifika lill-partijiet l-oħra għar-rikors dwar it-tressiq. Għandu jiġi ppreżentat ukoll ċertifikat ta’ tħejjija f’kawżi ta’ Offiża fuq il-Persuna u ta’ Negliġenza Klinika qabel ma tingħata data għas-smigħ jew għall-istħarriġ.

Jekk ma jiġix ippreżentat u nnotifikat memorandum ta’ dehra jew jekk il-konvenut jonqos milli jinnotifika risposta, ir-rikorrent jista’ jiżgura sentenza permezz ta’ proċedura amministrattiva [għalkemm jista’ jkollu jikkomparixxi quddiem uffiċjal ġudizzjarju (Master) biex jagħmel stima tad-danni].

Fil-Qorti tal-Kontea (County Court), ir-rikorrent irid jippreżenta ċertifikat ta’ tħejjija jekk l-intimat ikun bagħat notifika dwar l-intenzjoni tiegħu li jirrispondi. Jekk iċ-ċertifikat ma jiġix ippreżentat wara sitt xhur, il-partijiet għandhom jikkomparixxu quddiem l-imħallef li jista’ jagħti struzzjonijiet għat-tmexxija futura tal-proċedimenti. Jekk ma tkunx ġiet innotifikat intenzjoni ta’ risposta, ir-rikorrent jista’ jiżgura sentenza permezz ta’ proċedura amministrattiva (għalkemm jista’ jkollu jikkomparixxi quddiem l-imħallef tad-distrett biex jikseb stima tad-danni).

F’kawża għal talbiet żgħar, l-intimat jingħata żmien fiss biex jirrispondi għat-talba - imsejħa data ta’ ritorn - dan normalment ikun 21 jum wara li t-talba tkun waslet fl-uffiċċju tal-qorti. Jekk l-intimat jirritorna “Avviż ta’ Tilwima” il-kawża tiġi elenkata quddiem l-imħallef għal seduta ta’ smigħ fil-qorti. Jekk ma jasalx Avviż ta’ Tilwima, ir-rikorrent jista’ jiżgura sentenza permezz ta’ proċedura amministrattiva (għalkemm jista’ jkollu jikkomparixxi quddiem l-imħallef biex jikseb stima tad-danni)

Links relatati

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service)

Aġenzija għas-Servizzi Legali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Legal Services Agency)

L-aħħar aġġornament: 27/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.