Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Il-medjazzjoni hija mod alternattiv biex jissolva tilwim li, f'ċerti każijiet, tista' tevitalek li tiftaħ kawża l-qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini preskrittivi jvarjaw skont il-każ.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara "Ġuriżdizzjoni - il-Lussemburgu".

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara "Ġuriżdizzjoni - il-Lussemburgu".

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara "Ġuriżdizzjoni - il-Lussemburgu".

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi mill-valur u mill-kwistjoni tal-litiġju.

Wieħed jista' jqassam il-każijiet kif ġej, ħlief għal eċċezzjonijiet partikolari previsti mil-liġi:

  • Jekk il-kawża tkun fuq valur ta' EUR 10 000 jew inqas, fil-prinċipju tinstema' quddiem kummissarju tal-ġustizzja. F'dawn il-qrati, il-partijiet jistgħu jidhru personalment jew ikunu rappreżentati minn ħaddieħor li jekk ma jkunx avukat, irid ikun ingħata setgħa speċjali (mandat).
  • Jekk il-kawża tkun fuq valur ta' iktar minn EUR 10 000, fil-prinċipju tinstema' quddiem qrati distrettwali. F'dawn il-qrati, trid tkun rappreżentat minn avukat tal-qorti (avocat à la cour) ħlief fi proċeduri sommarji u kawżi tad-dritt kummerċjali, fejn il-partijiet jistgħu jidhru personalment imma jistgħu jagħżlu xorta li jkunu assistiti jew rappreżentati. Fil-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Qorti tal-Appell), trid tkun rappreżentat minn avukat tal-qorti.
  • Ċerti kawżi huma kompetenza tal-kummissarji tal-ġustizzja anki jekk il-valur tal-kawża jkun ta' iktar minn EUR 10 000: pereż. tilwim bejn il-kerrejja u sidien il-kera, talbiet għal manteniment, ħlief dawk marbuta ma' talba għal divorzju jew separazzjoni. Ġeneralment, il-preżentazzjoni ta' talbiet għal quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja jsiru b'ċitazzjoni permezz ta’ marixxall. F’dan il-każ, iċ-ċitazzjoni trid tosserva ċerti rekwiżiti formali maħsuba b’mod partikolari biex tad-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati.F’ċerti każijiet, il-partijiet jistgħu jiftħu l-kawża huma stess mingħajr ma jirrikorru għand marixxall, permezz ta’ talba bil-miktub lill-kummissarju tal-ġustizzja (proċedura ssimplifikata u inqas oneruża minn dik quddiem il-qorti distrettwali). Fiż-żewġ każijiet, il-partijiet jistgħu jidhru personalment jew ikunu rappreżentati minn ħaddieħor, li jekk ma jkunx avukat, irid ikun ingħata awtorizzazzjoni speċjali (mandat).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi mill-kategoriji msemmija fil punt ta' qabel dan.

Jekk il-kawża tkun fuq valur ta’ EUR 10 000 jew inqas, il-partijiet jistgħu jiftħu l-kawża direttament (permezz ta’ talba) jew indirettament (permezz ta’ ċitazzjoni bil-marixxall) quddiem il-kummissarju tal-ġustizzja li jkollu l-kompetenza territorjali. Fil-prattika t-talba tingħata lill-uffiċjal tal-qorti (greffiers en chef) tal-ġuriżdizzjoni tiegħek.

Jekk il-kawża tkun fuq valur ta' iktar minn EUR 10 000, fil-prinċipju, il-partijiet iridu jmorru għand avukat, biex iħarrek lill-parti avversarja permezz ta' marixxall f'isem il-klijent. L-avukat jippreżenta l-atti li jiftħu l-proċediment lill-qrati distrettwali jew lill-qorti tal-ġustizzja superjuri li jkollha l-kompetenza territorjali.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwi li jistgħu jintużaw huma l-Franċiż, il-Ġermaniż jew il-Lussemburgiż, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw ċerti materji.

Il-proċedimenti jibdew b'taħrika (assignation) jew ċitazzjoni (citation), ħlief f'każijiet fejn biżżejjed li ssir talba (requête) sempliċi lill-qorti. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet rari quddiem il-kummissarji tal-ġustizzja għal ċerti kwistjonijiet partikolari, it-talba trid tiġi ppreżentata bil-miktub. Dokumenti li jintbagħtu b'faks jew e-mail mhumiex ammessi.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Għal xi kwistjonijiet partikolari (pereż. talbiet għal ordnijiet ta' ħlas għal ammonti ta' flus dovuti jew ta' kontijiet mhux imħallsa) hemm formola x'timtela. Fil-prinċipju, iċ-ċitazzjonijiet quddiem il-kummissarji tal-ġustizzja, it-talbiet u t-taħrik quddiem il-qrati distrettwali u rikorsi għal appelli quddiem il-qrati superjuri, iridu jinkludu ċerta informazzjoni u jsegwu format partikolari, inkella jkunu nulli. Ma hemmx formoli prestabbiliti għal dan.

Hemm ukoll formoli għat-talbiet ibbażati fuq leġiżlazzjoni tal-UE. Dan jinkludi talbiet għal ordnijiet ta' ħlas Ewropej ibbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006, u talbiet għall-proċedura Ewropea għat-talbiet iż-żgħar, ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 861/2007.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Fil-prinċipju, l-ispejjeż ġudizzjarji jitħallsu ladarba tintemm il-kawża.Il-qorti tista’ wkoll tiddeċiedi li tikkundanna lill-parti telliefa biex tħallas l-ispejjeż proċedurali tal-parti rebbieħa, jekk l-imħallef iqis li ma jkunx ġust li l-parti rebbieħa tħallas it-tariffi u l-ispejjeż kollha li tkun ġarrbet. L-imħallef jista' wkoll jordna li tingħata garanzija jew depożitu (avance) li jitħallas minn parti jew iktar fil-proċediment (pereż. f'każ ta' li tiġi ordnata perizja mill-Qorti).

Ir-rimunerazzjoni tal-avukat mingħand il-klijent tiegħu tkun maqbula bejniethom. Fil-prattika, normalment titħallas parti mis-somma lill-avukat bil-quddiem (avance).

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Ara "Għajnuna legali - il-Lussemburgu".

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

  • Rikorrenti li jiddeċiedi li jirrappreżenta lilu nnifsu, fejn permess mil-liġi, ikun infurmat mill-qorti bil-proċedimenti tal-kawża tiegħu.
  • Meta r-rikors irid ikun jew ikun introdott minn avukat, f'isem il-klijent tiegħu, il-qorti tinforma lill-avukat bil-proċedimenti tal-kawża, bħala r-rappreżentant ġuridiku tal-klijent. L-avukat jista' jipprovdi lill-klijent tiegħu d-dettalji tal-iskeda tal-avvenimenti meta dawn ikunu magħrufa u prevedibbli.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Ara t-tweġiba tal-mistoqsija preċedenti.

Fil-proċeduri bil-miktub, iż-żmien permess biex tidher quddiem il-qorti huwa fil-prinċipju stabbilit mil-liġi, jew jista' jkun stabbilit mill-imħallef biex jisma’ waħda mill-partijiet jew parti terza personalment. It-termini stabbiliti mil-liġi jvarjaw skont il-ġuriżdizzjoni u skont jekk il-konvenut ikunx jgħix il-Lussemburgu jew le. Għall-proċeduri orali, fil-prinċipju, l-attur irid jindika lill-konvenut data preċiża biex jidher fis-seduta.

Ħoloq relatati

http://www.legilux.lu/

L-aħħar aġġornament: 25/04/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna