Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Il-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja jipprevedu għadd ta’ għażliet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Fl-2012, daħlet fis-seħħ Liġi riformulata dwar l-Arbitraġġ Kummerċjali (Komercinio arbitražo įstatymas) fil-Litwanja. Din il-Liġi tapplika għall-proċedimenti ta’ arbitraġġ li jseħħu fit-territorju tar-Repubblika tal-Litwanja, irrispettivament miċ-ċittadinanza jew min-nazzjonalità tal-partijiet f’tilwima, kemm jekk ikunu persuni fiżiċi u kemm jekk ġuridiċi, jew minn jekk il-proċedimenti ta’ arbitraġġ ikunux organizzati minn korp ta’ arbitraġġ permanenti jew iseħħux fuq bażi ad hoc. L-arbitraġġ huwa alternattiva ekwivalenti għall-qrati tal-Istat. Huwa jipprovdi għażla sabiex il-biċċa l-kbira tat-tilwimiet tan-negozju jissolvew malajr u b’mod konvenjenti billi jitressqu quddiem persuni privati indipendenti, awtorevoli u ta’ reputazzjoni tajba, li jkunu aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, aktar milli għall-imħallfin. Il-partijiet għal arbitraġġ jistgħu jaqblu fuq ir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti tal-arbitraġġ b’mod aktar liberu. Il-qorti tal-arbitraġġ tista’ tiltaqa’ fi kwalunkwe post li jkun konvenjenti għall-partijiet għat-tilwima u tista’ tagħżel liberament il-lingwa tal-proċedimenti u l-forma tad-deċiżjoni, eċċ. Il-ftehimiet ta’ arbitraġġ elettroniċi huma rikonoxxuti bħala ftehimiet bil-miktub.

Fl-2008 ġiet adottata l-Liġi dwar il-Medjazzjoni Konċiljatorja f’Tilwimiet Ċivili (Civilinių ginčų taikinamojo tarpininkavimo įstatymas). Il-medjazzjoni konċiljatorja f’tilwimiet ċivili (imsejħa wkoll medjazzjoni) hija proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim amikevoli li tinvolvi intermedjarju konċiljatorju imparzjali terz (medjatur). Il-liġi tispeċifika li l-medjazzjoni tista’ tintuża sabiex jissolvew tilwimiet ċivili (jiġifieri tilwimiet li jinvolvu l-familja u kwistjonijiet oħrajn) li jistgħu jinstemgħu minn qorti fi proċeduri ta’ qorti ċivili. Il-partijiet jistgħu jużaw din l-għażla sabiex isolvu t-tilwima tagħhom kemm qabel jirreferu t-tilwima tagħhom quddiem il-qorti (medjazzjoni ekstraġudizzjarja) kif ukoll wara li jkunu bdew il-proċeduri tal-qorti (medjazzjoni ġudizzjarja). Għandu jiġi nnotat li l-bidu tal-medjazzjoni jissospendi l-perjodu ta’ limitazzjoni ta’ pretensjoni. B’hekk, anki jekk ma tinstabx soluzzjoni amikevoli ta’ tilwima, il-partijiet iżommu d-dritt tagħhom li jfittxu rimedju fil-qorti. Il-medjazzjoni ġudizzjarja tiġi pprovduta mingħajr ħlas. Barra minn hekk, jekk tagħżel li ssolvi t-tilwima tiegħek fi kwistjoni ċivili permezz ta’ medjazzjoni ġudizzjarja, tiffranka ammont sinifikanti kemm ta’ ħin u kemm ta' sforz, meta mqabbel mal-proċedimenti legali, kif ukoll ta’ flus, minħabba li, f’każ li l-proċedura ta’ medjazzjoni tintemm bi ftehim amikevoli, 75 % ta-tariffa tal-qorti mħallsa tingħata lura. Is-soluzzjoni ta’ tilwima permezz ta’ medjazzjoni ġudizzjarja tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u kwalunkwe parti tista’ tirtira mill-medjazzjoni ġudizzjarja mingħajr ma tiddikjara r-raġunijiet tagħha.

Is-soluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwimiet li jirriżultaw minn kuntratti konklużi minn konsumaturi hija rregolata mil-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur (Vartotojų teisių apsaugos įstatymas), li daħlet fis-seħħ fl-2007 u li tinkorpora alternattiva għall-proċedimenti ġudizzjarji, inklużi r-regoli ta’ proċedura u l-istruttura istituzzjonali tagħha. Il-korpi involuti f’soluzzjoni alternattiva għat-tilwim fil-Litwanja huma s-Servizz tal-Istat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba), is-Servizz tar-Regolamentazzjoni tal-Komunikazzjoni (Ryšių reguliavimo tarnyba) u korpi oħrajn li jittrattaw tilwimiet f’setturi individwali (is-Servizz tar-Regolamentazzjoni tal-Komunikazzjoni jisma’ tilwimiet fl-oqsma tal-komunikazzjoni elettronika u s-servizzi postali u ta’ kurrier, il-Bank tal-Litwanja (Lietuvos bankas) jittratta t-tilwimiet tal-konsumaturi ma’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji, eċċ.). Il-konsumaturi jistgħu jużaw assistenza legali matul soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, iżda l-ispejjeż tal-assistenza legali ma jingħatawx lura. L-għajnuna legali primarja u sekondarja garantita mill-Istat tiġi pprovduta lil dawk il-konsumaturi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni. Rikors lil korp għas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ġeneralment ma jkollu ebda effett sospensiv fuq il-perjodu ta’ limitazzjoni. Għalhekk, minħabba l-iskadenzi relattivament twal għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-konsumaturi u ċerti perjodi ta’ limitazzjoni qosra għall-pretensjonijiet, hemm riskju serju li jinqabeż il-perjodu ta’ limitazzjoni.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Il-perjodu ta’ limitazzjoni ġenerali huwa ta’ għaxar snin.

Il-leġiżlazzjoni Litwana tistabbilixxi perjodi ta’ limitazzjoni iqsar għal tipi partikolari ta’ pretensjonijiet.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ xahar għall-pretensjonijiet li jirriżultaw mir-riżultati tal-proċeduri tal-offerti.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ tliet xhur għall-pretensjonijiet sabiex id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ entità ġuridika jiġu ddikjarati invalidi.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ sitt xhur għal:

  1. pretensjonijiet li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ inadempjenza (multa, imgħax fuq ħlas tardiv);
  2. pretensjonijiet li jikkonċernaw id-difetti tal-oġġetti mibjugħa.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ sitt xhur għall-pretensjonijiet li jirriżultaw mir-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji tat-trasport u l-klijenti tagħhom fir-rigward tal-konsenji mibgħuta minn ġewwa l-Litwanja, filwaqt li jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni ta’ sena għall-konsenji mibgħuta barra mill-pajjiż.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ sena għall-pretensjonijiet tal-assigurazzjoni.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ tliet snin għall-pretensjonijiet għad-danni, inklużi pretensjonijiet għal danni li jirriżultaw mill-kwalità inadegwata tal-prodotti.

Jiġi applikat perjodu ta’ limitazzjoni iqsar ta’ ħames snin għall-pretensjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-imgħax u ta’ ħlasijiet perjodiċi oħrajn.

Il-pretensjonijiet rigward difetti fix-xogħlijiet imwettqa huma soġġetti għal perjodi ta’ limitazzjoni iqsar.

Il-pretensjonijiet li jirriżultaw mit-trasport ta’ merkanzija, passiġġieri u bagalji huma soġġetti għall-perjodi ta’ limitazzjoni stabbiliti fil-kodiċijiet (liġijiet) applikabbli għal modalitajiet tat-trasport speċifiċi.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Tilwima relatata ma’ obbligi kuntrattwali hija rregolata mil-liġi magħżula permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet involuti; jekk il-partijiet għażlu l-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja, huma jistgħu jiddefendu l-interessi legali tagħhom quddiem il-qrati Litwani. Dan il-ftehim tal-partijiet jista’ jiġi stabbilit fil-kuntratt jew stabbilit f’konformità maċ-ċirkostanzi fattwali tal-każ. Il-partijiet jistgħu jaqblu li l-liġi ta’ Stat partikolari tirregola l-kuntratt kollu jew parti(jiet) partikolari tal-kuntratt. Meta l-partijiet jiddeċiedu li l-liġi ta’ Stat barrani għandha tiġi applikata għal kuntratt, din ma tistax tintuża bħala bażi għar-rinunzja ta’ kwalunkwe regoli obbligatorji applikabbli fir-Repubblika tal-Litwanja jew fi kwalunkwe Stat ieħor li ma jistgħux jinbidlu jew jiġu rrinunzjati permezz ta’ ftehim tal-partijiet.

Jekk il-partijiet ma jindikawx liema liġi għandha tirregola l-kuntratt, għandha tapplika l-liġi tal-Istat li miegħu huwa assoċjat l-aktar mill-qrib l-obbligu kuntrattwali. Hemm preżunzjoni li l-obbligu kuntrattwali huwa assoċjat l-aktar mill-qrib mal-Istat li fit-territorju tiegħu:

  1. il-parti marbuta bl-obbligu l-aktar karatteristiku tal-kuntratt għandha l-post tar-residenza permanenti jew l-amministrazzjoni ċentrali tagħha. Jekk l-obbligu jkun assoċjat aktar mill-qrib mal-liġi tal-Istat fejn jinsab in-negozju tal-parti għall-obbligu, tapplika l-liġi ta’ dak l-Istat;
  2. tinsab il-proprjetà immobbli, jekk is-suġġett tal-kuntratt ikun id-dritt għall-proprjetà immobbli jew id-dritt għall-użu tagħha;
  3. kien jinsab il-post tan-negozju ewlieni fil-mument tal-konklużjoni ta’ kuntratt tat-trasport, diment li l-Istat tal-post tan-negozju ewlieni tat-trasportatur ikun l-istess bħall-Istat li fih ġiet mgħobbija l-merkanzija, jew kien jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-konsenjatur, jew minn fejn intbagħtet il-merkanzija.

Il-ftehimiet ta’ arbitraġġ huma rregolati mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ewlieni. Jekk il-kuntratt ewlieni jkun invalidu, tapplika l-liġi tal-post fejn ikun ġie konkluż il-ftehim ta’ arbitraġġ; jekk din ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mela tapplika l-liġi tal-Istat tal-arbitraġġ.

Id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mid-dannu huma rregolati, skont l-għażla tal-parti affettwata, jew mil-liġi tal-Istat li fih twettaq l-att rilevanti jew fejn jinsabu kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn li jirriżultaw fid-dannu, jew inkella mil-liġi tal-Istat li fih kien imġarrab id-dannu.

Is-sistema ġuridika li tirregola l-proprjetà matrimonjali hija ddeterminata mil-liġi tal-Istat tar-residenza permanenti tal-konjuġi. Meta l-postijiet tar-residenza permanenti tal-konjuġi jkunu jinsabu fi Stati differenti, il-liġi li tirregola tkun il-liġi tal-Istat li ż-żewġ konjuġi huma ċittadini tiegħu. Meta l-konjuġi jkunu ċittadini ta’ Stati differenti u qatt ma kellhom post ta’ residenza komuni, il-liġi li tirregola tkun il-liġi tal-Istat fejn sar il-kuntratt taż-żwieġ. Is-sistema ġuridika li tirregola l-proprjetà matrimonjali definita mill-kuntratt hija l-liġi tal-Istat magħżul mill-konjuġi fil-kuntratt tagħhom. F’dan il-każ, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi tal-Istat fejn għandhom jew se jkollhom il-post tar-residenza permanenti tagħhom, il-liġi tal-Istat fejn sar il-kuntratt taż-żwieġ jew il-liġi tal-Istat li wieħed mill-konjuġi huwa ċittadin tiegħu. Il-ftehim tal-konjuġi dwar il-proprjetà skont il-liġi applikabbli jkun validu sakemm ikun konformi mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Istat magħżul jew tal-liġi tal-Istat fejn ikun sar il-ftehim.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ir-regoli tal-ġuriżdizzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 29–30 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas). Pretensjoni tista’ tiġi ppreżentata quddiem qorti skont il-post tar-residenza tal-konvenut. Pretensjoni kontra entità ġuridika għandha tiġi ppreżentata skont l-uffiċċju rreġistrat tal-entità ġuridika, kif indikat fir-reġistru tal-entitajiet ġuridiċi. Jekk il-konvenut ikun l-Istat jew muniċipalità, il-pretensjoni għandha tiġi ppreżentata skont l-uffiċċju rreġistrat tal-korp li jirrappreżenta l-Istat jew il-muniċipalità.

Pretensjoni kontra konvenut li l-post tar-residenza tiegħu ma jkunx magħruf tista’ tiġi ppreżentata skont il-post fejn tkun tinsab il-proprjetà tiegħu jew skont l-aħħar post tar-residenza magħruf. Pretensjoni kontra konvenut li ma jkollux post tar-residenza fir-Repubblika tal-Litwanja tista’ tiġi ppreżentata skont il-post fejn tkun tinsab il-proprjetà tiegħu jew skont l-aħħar post tar-residenza magħruf tiegħu fir-Repubblika tal-Litwanja. Pretensjoni relatata mal-attivitajiet ta’ fergħa ta’ entità ġuridika tista’ tiġi ppreżentata wkoll skont l-uffiċċju rreġistrat tal-fergħa.

Pretensjoni għall-għoti ta’ manteniment u l-azzjoni għaċ-ċħid tal-paternità tista’ tiġi ppreżentata wkoll skont il-post tar-residenza tal-pretendent. Pretensjoni għal kumpens għad-dannu għas-saħħa ta’ persuna, inkluża mewt, tista’ tiġi ppreżentata skont il-post tar-residenza tal-pretendent jew il-post fejn kien imġarrab id-dannu. Pretensjoni għal kumpens għad-dannu għall-proprjetà ta’ persuna tista’ tiġi ppreżentata skont il-post tar-residenza (l-uffiċċju rreġistrat) tal-pretendent jew il-post fejn sar id-dannu.

Pretensjoni dwar ftehim/kuntratt li jispeċifika l-post tal-eżekuzzjoni tista’ tiġi ppreżentata wkoll skont il-post tal-eżekuzzjoni indikat fil-ftehim/kuntratt.

Pretensjoni li tirrigwardja persuna li taġixxi fil-kapaċità ta’ gwardjan, kustodju jew amministratur tal-proprjetà tista’ tiġi ppreżentata wkoll skont il-post tar-residenza (l-uffiċċju rreġistrat) tal-gwardjan, tal-kustodju jew tal-amministratur tal-proprjetà.

Pretensjoni dwar kuntratti konklużi minn konsumaturi tista’ tiġi ppreżentata wkoll skont il-post tar-residenza tal-konsumatur.

Pretendent għandu d-dritt li jagħżel bejn diversi qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni għall-kawża.

Il-pretensjonijiet għal drittijiet in rem fi proprjetà immobbli, l-użu ta’ proprjetà immobbli, ħlief għal rikorsi li jikkonċernaw il-likwidazzjoni ta’ beni tal-miżżewġin f’kawżi ta’ divorzju, u l-kanċellazzjoni tas-sekwestru ta’ proprjetà immobbli jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti fil-post tal-proprjetà immobbli jew il-parti ewlenija tal-proprjetà.

Il-pretensjonijiet minn kredituri ta’ suċċessjoni ppreżentati qabel ma l-eredi jkunu aċċettaw il-wirt jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti fil-post tal-wirt jew tal-parti ewlenija tal-wirt.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Il-kawżi ċivili kollha jinstemgħu mill-qrati distrettwali bħala qrati tal-prim’istanza, ħlief għall-kawżi li jinstemgħu minn qrati reġjonali jew mill-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius.

Il-qrati reġjonali jisimgħu l-kawżi ċivili li ġejjin bħala qrati tal-prim’istanza:

  1. mill-4 ta’ April 2013, azzjonijiet li jinvolvu pretensjonijiet li jaqbżu LTL 150.000, ħlief għall-kawżi li jikkonċernaw il-familja u r-relazzjonijiet industrijali u l-kawżi li jikkonċernaw il-kumpens għal dannu mhux materjali;
  2. kawżi rigward ir-relazzjonijiet legali ta’ drittijiet tal-awtur mhux relatati mal-proprjetà;
  3. kawżi rigward ir-relazzjonijiet legali f’offerti pubbliċi ċivili;
  4. kawżi rigward falliment jew ristrutturar, ħlief għall-kawżi relatati mal-falliment ta’ persuni fiżiċi;
  5. kawżi fejn waħda mill-partijiet tkun Stat barrani;
  6. kawżi bbażati fuq pretensjonijiet rigward il-bejgħ obbligatorju ta’ ishma (sehem, imgħax);
  7. kawżi bbażati fuq pretensjonijiet rigward l-investigazzjoni tal-attivitajiet ta’ entità ġuridika;
  8. kawżi rigward il-kumpens għal dannu materjali u mhux materjali li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet tal-pazjenti stabbiliti;
  9. kawżi ċivili oħrajn li jenħtieġ li jinstemgħu minn qrati reġjonali bħala qrati tal-prim’istanza skont liġijiet speċifiċi.

Il-kawżi li ġejjin jinstemgħu biss mill-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, bħala qorti tal-prim’istanza:

  1. kawżi rigward it-tilwimiet imsemmija fil-Liġi dwar il-Privattivi (Lietuvos Respublikos patentų įstatymas);
  2. kawżi rigward it-tilwimiet imsemmija fil-Liġi dwar it-Trademarks (Lietuvos Respublikos prekių ženklų įstatymas);
  3. kawżi rigward l-adozzjoni ta’ ċittadinanza Litwana għal persuna li tirrisjedi fir-Repubblika tal-Litwanja kif mitluba minn ċittadini ta’ Stati oħrajn;
  4. kawżi ċivili oħrajn li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni unika tal-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius bħala l-qorti tal-prim’istanza skont liġijiet speċifiċi.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Il-persuni jistgħu jressqu kawża l-qorti huma stess jew permezz tar-rappreżentanti tagħhom. Il-parteċipazzjoni ta’ persuna f’seduta ta’ smigħ ma ċċaħħadx lil dik il-persuna mid-dritt li jkollha rappreżentant fil-proċedimenti. Huwa meqjus bħala xieraq li rappreżentant jattendi seduta ta’ smigħ fil-qorti f’isem il-persuna li jkun qed jirrappreżenta, sakemm il-qorti ma tqisx li huwa meħtieġ li l-persuna li tkun qed tiġi rrappreżentata tkun preżenti.

Persuna jrid ikollha avukat fil-proċedimenti fil-kawżi speċifikati fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili u fil-Kodiċi Ċivili (Civilinis kodeksas), pereżempju, jekk il-qorti tkun qed tisma’ kawża li tinvolvi persuna li tiġi ddikjarata bħala legalment inkapaċi, il-persuna inkwistjoni trid tkun irrappreżentata minn avukat.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Il-persuni li juru x-xewqa li jippreżentaw dokumenti f’qorti jew li jiksbu dokumenti mingħandha jridu jikkuntattjaw lir-reġistru tal-qorti, li jispjega l-proċedura għall-preżentazzjoni, il-kisba jew ir-ritorn tad-dokumenti. Punti ta’ kuntatt tal-qorti

Minn mindu tnieda l-portal tas-servizzi elettroniċi e.teismas.lt fl-1 ta’ Lulju 2013, kien possibbli li tiġi ppreżentata d-dokumentazzjoni ta’ kawża, jinżamm rendikont tal-proċedimenti, titħallas it-tariffa tal-qorti u jinkisbu servizzi oħrajn online.

Bil-għan li jiġi żgurat li l-kawżi jiġu ttrattati b’mod konsistenti, huwa stabbilit b’riżoluzzjoni li, mill-1 ta’ Jannar 2014, il-kawżi pproċessati b’mod elettroniku minn qrati inferjuri u ttrasferiti lill-qrati tal-appell u tal-kassazzjoni kellhom jiġu pproċessati wkoll b’mod elettroniku.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-persuni li jipparteċipaw f’kawża jridu jipprovdu kopji oriġinali tad-dokumenti proċedurali. Barra minn hekk, il-qorti trid tirċievi numru suffiċjenti ta’ kopji ta’ dokumenti proċedurali stampati: kopja waħda għal kull parti opposta (f’kawżi li jinvolvu bosta konvenuti jew pretendenti, kopja waħda għal kull wieħed jew waħda minnhom, jew jekk ikunu nħatru rappreżentant jew persuna awtorizzata sabiex jirċievu d-dokumenti proċedurali relatati mal-kawża, sempliċiment kopja waħda għal dak ir-rappreżentant jew dik il-persuna awtorizzata) u għall-partijiet terzi, ħlief meta dokument proċedurali jiġi ppreżentat bl-użu ta’ komunikazzjoni elettronika. Kull anness mad-dokumenti proċedurali jrid jiġi ppreżentat fl-istess numru ta’ kopji bħad-dokumenti proċedurali, ħlief meta jiġi ppreżentat bl-użu ta’ komunikazzjoni elettronika jew jekk il-qorti tkun awtorizzat li l-annessi ma jiġux ipprovduti lill-partijiet minħabba li jkun hemm numru kbir minnhom.

Id-dokumenti proċedurali kollha u l-annessi tagħhom iridu jiġu ppreżentati lill-qorti bil-lingwa nazzjonali. Meta l-partijiet fil-proċedimenti li d-dokumenti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati lilhom ma jkunux jitkellmu l-lingwa nazzjonali, il-qorti trid tirċievi traduzzjonijiet ta’ dawn id-dokumenti f’lingwa li jifhmu. Meta d-dokumenti pprovduti jkollhom jiġu tradotti f’lingwa barranija, il-partijiet iridu jipprovdu traduzzjonijiet debitament iċċertifikati.

Pretensjoni tista’ tiġi ppreżentata b’mod elettroniku permezz tal-portal tas-servizzi elettroniċi tal-qrati Litwani https://e.teismas.lt/lt/public/home/, li jista’ jiġi aċċessat fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali (Teismų administracija): https://www.teismai.lt/en.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Formola ta’ pretensjoni elettronika tista’ timtela fuq il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-qrati Litwani https://e.teismas.lt/lt/public/home/.

Kwalunkwe pretensjoni ppreżentata lill-qorti trid tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali applikabbli għall-kontenut tad-dokumenti proċedurali. (L-Artikolu 111 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Id-dokumenti proċedurali jridu jiġu ppreżentati lill-qorti bil-miktub. Kull dokument proċedurali ta’ parti fil-proċedimenti jrid jispeċifika:

  1. l-isem tal-qorti li tkun qed tiġi ppreżentata bid-dokument proċedurali;
  2. l-istatus proċedurali, l-ismijiet, il-kunjomijiet, in-numri tal-identifikazzjoni personali (jekk ikunu magħrufa) u l-postijiet tar-residenza tal-partijiet fil-proċedimenti; indirizzi oħrajn ta’ partijiet oħrajn fil-proċedimenti għan-notifika ta’ dokumenti proċedurali magħrufa mir-rikorrent; meta l-partijiet fil-proċedimenti jew waħda minnhom tkun persuna ġuridika, l-isem sħiħ, l-uffiċċju rreġistrat u kwalunkwe indirizzi oħrajn ta’ partijiet oħrajn fil-proċedimenti għan-notifika tad-dokumenti proċedurali magħrufa mir-rikorrent, il-kodiċijiet, in-numri tal-kontijiet kurrenti (jekk ikunu magħrufa) u d-dettalji tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (jekk ikunu magħrufa);
  3. il-metodu li għandu jintuża għan-notifika tad-dokumenti proċedurali lill-parti u l-indirizz postali għall-korrispondenza, jekk ikun differenti mill-post tar-residenza jew mis-sede;
  4. in-natura u s-suġġett tad-dokument proċedurali;
  5. iċ-ċirkostanzi li jissostanzjaw is-suġġett tad-dokument proċedurali u kwalunkwe evidenza li tikkonferma dawk iċ-ċirkostanzi;
  6. kwalunkwe annessi jridu jiġu mehmuża mad-dokument proċedurali ppreżentat;
  7. il-firma tal-persuna li tippreżenta d-dokument proċedurali u d-data li tfasslet fiha.

Persuna fil-proċedimenti li tibbaża dokument proċedurali fuq regola ta’ interpretazzjoni adottata minn qorti internazzjonali jew qorti ta’ Stat barrani trid tipprovdi kopja tad-deċiżjoni tal-qorti li tistabbilixxi dik ir-regola u traduzzjoni debitament iċċertifikata tad-deċiżjoni fil-lingwa nazzjonali.

Dokument proċedurali ppreżentat lill-qorti minn rappreżentant irid ikun fih l-informazzjoni dwar ir-rappreżentant kif speċifikat fil-punti 2 u 3 ta’ hawn fuq u jrid ikun akkumpanjat minn dokument li jattesta d-drittijiet u l-obbligi tar-rappreżentant, diment li tali dokument ikun għadu ma ġiex ippreżentat jew ikun skada t-terminu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni inkluża fil-fajl.

Persuna awtorizzata minn parti fil-proċedimenti li ma tkunx tista’ tiffirma d-dokument proċedurali trid tiffirmah f’isem din tal-aħħar, filwaqt li tindika r-raġuni għelfejn il-parti ma tistax tiffirma d-dokument ippreżentat hija stess.

L-Artikolu 135 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jispeċifika li d-dikjarazzjoni tal-pretensjoni jrid ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:

  1. l-ammont tal-pretensjoni, fejn għandu jiġi ddeterminat valur fuq il-pretensjoni;
  2. iċ-ċirkostanzi li il-pretendent jibbaża l-pretensjoni tiegħu fuqhom (raġunijiet fattwali tal-pretensjoni);
  3. evidenza li tattesta ċ-ċirkostanzi stabbiliti mill-pretendent, il-postijiet tar-residenza tax-xhieda u l-post fejn tinstab evidenza oħra;
  4. x’qiegħed ifittex il-pretendent (is-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-pretensjoni);
  5. l-opinjoni tal-pretendent dwar il-possibbiltà li tingħata sentenza f’kontumaċja jekk ma jkun hemm ebda rispons għall-pretensjoni jew għad-dokument proċedurali preliminari;
  6. informazzjoni dwar jekk il-kawża hijiex se titmexxa permezz ta’ avukat. Jekk iva, għandhom jiġu pprovduti l-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-uffiċċju tal-avukat;
  7. l-opinjoni tal-pretendent dwar il-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim ta’ soluzzjoni jekk il-pretendent ikun jixtieq jipprovdi opinjoni bħal din.

Id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni trid tkun akkumpanjata minn dokumenti jew evidenza oħra li fuqhom il-pretendent jibbaża l-pretensjonijiet tiegħu, prova tal-ħlas tat-tariffa tal-qorti u kwalunkwe talbiet għall-ġbir tal-provi li l-pretendent ma jkunx jista’ jippreżenta, filwaqt li tiġi indikata r-raġuni għal dan.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Dikjarazzjoni ta’ pretensjoni trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha li jsostnu l-pretensjonijiet tiegħek u prova tal-ħlas tat-tariffa tal-qorti. It-tariffa tal-qorti għal talbiet mhux finanzjarji hija ta’ LTL 100. F’tilwimiet finanzjarji, it-tariffa tal-qorti li għandha titħallas hija ugwali għal perċentwal tal-ammont mitlub, kif speċifikat minn liġijiet speċifiċi: 3 % u mill-inqas LTL 50 għal pretensjonijiet sa LTL 100 000; LTL 3 000 flimkien ma’ 2 % tal-ammont mitlub għal pretensjonijiet ta’ aktar minn LTL 100 000 u sa LTL 300 000; u LTL 7 000 flimkien ma’ 1 % tal-ammont mitlub għal pretensjonijiet ta’ aktar minn LTL 300 000. It-tariffa tal-qorti totali f’tilwimiet finanzjarji ma tistax tkun ta’ aktar minn LTL 30 000.

Liġijiet speċifiċi jipprevedu każijiet fejn il-pretendenti jkunu eżentati mit-tariffa tal-qorti. Barra minn hekk, il-qorti hija intitolata li tagħti eżenzjoni parzjali mill-ħlas tat-tariffa jew tiddifferiha sakemm tiġi adottata d-deċiżjoni tagħha, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ persuna. Kwalunkwe talba għal eżenzjoni mit-tariffa tal-qorti jew differiment minnha trid tkun ġustifikata u akkumpanjata minn prova tas-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-persuna.

Fi proċedimenti dokumentarji, it-tariffa tal-qorti li għandha titħallas hija nofs it-tariffa li għandha titħallas għall-pretensjoni, iżda mhux inqas minn LTL 20.

Ma għandha titħallas ebda tariffa tal-qorti għal appelli separati, ħlief għal appelli separati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ miżuri interim, li għalihom għandha titħallas tariffa tal-qorti ta’ LTL 100.

Meta d-dokumenti proċedurali jew l-annessi ma' dawn id-dokumenti jiġu ppreżentati lill-qorti bl-użu ta’ komunikazzjoni elettronika biss, it-tariffa li għandha titħallas hija ugwali għal 75 % tat-tariffa tal-qorti li għandha titħallas għad-dokument proċedurali inkwistjoni, soġġetta għal tariffa minima ta’ LTL 10.

Klijent irid jaqbel fuq il-forniment ta’ servizzi legali mal-avukat jew l-avukati tiegħu jew ma’ assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati billi jiffirma ftehim. Il-parti trid tħallas it-tariffa miftiehma għas-servizzi legali pprovduti. Il-partijiet huma liberi li jaqblu fuq it-twaqqit tal-ħlas skont kif jixtiequ.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Il-Liġi dwar l-Għajnuna Legali Garantita mill-Istat (Lietuvos Respublikos valstybės garantuojamos teisinės pagalbos įstatymas) tiggarantixxi l-forniment ta’ għajnuna legali primarja u sekondarja f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti.

L-għajnuna legali primarja tiġi pprovduta lil ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja u ta’ Stati Membri oħrajn tal-UE, persuni li jirrisjedu legalment fir-Repubblika tal-Litwanja jew fi Stati Membri oħrajn tal-UE, u persuni intitolati għal tali għajnuna skont il-ftehimiet internazzjonali li r-Repubblika tal-Litwanja hija parti fihom . L-għajnuna primarja trid tiġi pprovduta minnufih. Meta dan ma jkunx possibbli, tiġi nnotifikat meta se tiġi aċċettata, li jrid ikun mhux aktar tard minn 5 ijiem mid-data tal-applikazzjoni. L-uffiċjali muniċipali u l-impjegati, l-avukati jew l-ispeċjalisti ta’ aġenziji pubbliċi li magħhom il-muniċipalità kkonkludiet kuntratt jagħtu pariri personali dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwima tiegħek, jipprovdu informazzjoni dwar l-ordinament ġuridiku, il-liġijiet u leġiżlazzjoni oħra u jgħinu fit-tfassil ta’ ftehim ta’ soluzzjoni jew fl-ikkompletar ta’ rikors għal għajnuna sekondarja. L-għajnuna legali primarja tista’ tiġi rrifjutata meta l-pretensjoni tal-attur ma tkunx ġustifikata b’mod ċar, meta l-attur ikun diġà rċieva konsultazzjoni estensiva dwar l-istess kwistjoni, meta jkun ċar li l-persuna tista’ tikseb il-pariri ta’ avukat mingħajr l-għajnuna legali garantita mill-Istat f’konformità mal-liġi, jew meta r-rikors ma jkunx jirrigwarda l-interessi leġittimi u d-drittijiet proprji tal-persuna, ħlief għall-każijiet ta’ rappreżentanza speċifikati skont il-liġi.

L-għajnuna legali sekondarja tista’ tiġi rċevuta mill-istess benefiċjarji, iżda l-forniment ta’ din l-għajnuna huwa soġġett ukoll għal-livell tal-introjtu totali tagħhom.

L-għajnuna legali sekondarja tista’ tiġi pprovduta lil kwalunkwe persuna residenti fir-Repubblika tal-Litwanja li l-assi u l-introjtu annwali tagħha ma jaqbżux il-livelli ta’ eliġibbiltà stabbiliti mill-Gvern fir-rigward tal-forniment tal-għajnuna legali. L-assi u l-introjtu huma kklassifikati fil-livelli I u II: għal-livell I, l-Istat ikopri 100 % tal-ispejjeż tal-għajnuna legali sekondarja, filwaqt li għal-livell II, l-Istat ikopri 50 % tal-ispejjeż tal-għajnuna legali sekondarja (bil-50 % li jifdal iridu jitħallsu mill-persuna).

Il-persuni li ġejjin huma intitolati li jirċievu għajnuna legali sekondarja mingħajr ħlas, irrispettivament mill-assi jew l-introjtu annwali tagħhom: persuni suspettati, persuni akkużati jew ikkundannati f’kawżi kriminali, fejn il-parteċipazzjoni ta’ avukat tad-difiża hija obbligatorja; vittmi f’kawżi li jirrigwardaw kumpens għad-dannu li jirriżulta minn reat kriminali, inklużi kawżi fejn il-kwistjoni tal-kumpens trid tiġi deċiża f’kawża kriminali; benefiċjarji tal-benefiċċji soċjali; persuni appoġġati minn stabbilimenti ta’ kura soċjali residenzjali; persuni kkonfermati li qegħdin isofru minn diżabilità severa jew rikonoxxuti bħala mhux tajbin għax-xogħol; persuni li laħqu l-età tal-irtirar u li ġew iġġudikati bħala li għandhom livell għoli ta’ bżonnijiet speċjali; tuturi (kustodji) ta’ tali persuni, fejn tkun meħtieġa għajnuna legali sabiex jiġu rrappreżentati u mħarsa d-drittijiet u l-interessi tal-persuni taħt it-tutela (il-kustodja) tagħhom; persuni li pprovdew prova (mandat ta’ qbid ta' proprjetà, eċċ.) li huma ma jistgħux, għal raġunijiet oġġettivi, jużaw il-proprjetà u l-fondi tagħhom u, b’riżultat ta’ dan, il-proprjetà u l-introjtu annwali tagħhom, li huma jkunu jistgħu jużaw kif jixtiequ, ma jaqbżux il-livell ta’ eliġibbiltà stabbilit mill-Gvern fir-rigward tal-forniment tal-għajnuna legali sekondarja; persuni li jsofru minn marda mentali serja, fejn ikun hemm ospitalizzazzjoni jew kura sfurzata; it-tuturi (il-kustodji) ta’ tali persuni, fejn tkun meħtieġa għajnuna legali sabiex jiġu rrappreżentati u mħarsa d-drittijiet u l-interessi ta’ dawn il-persuni; debituri, meta ssir pretensjoni kontra l-aħħar post tar-residenza tagħhom fejn qegħdin jgħixu bħalissa; il-ġenituri jew rappreżentanti statutorji oħrajn ta’ minuri, meta jkun hemm it-tneħħija tal-wild; minuri li mhumiex miżżewġin jew iddikjarati minn qorti bħala li għandhom kapaċità ġuridika sħiħa u li jmorru l-qorti f’isimhom stess fil-kawżi speċifikati f’liġijiet speċifiċi; persuni li jfittxu li jiġu ddikjarati bħala legalment inkapaċi f’kawżi li jikkonċernaw id-dikjarazzjoni ta’ persuna fiżika bħala legalment inkapaċi; persuni li jfittxu li jirreġistraw twelid u kawżi oħrajn previsti fi ftehimiet internazzjonali li r-Repubblika tal-Litwanja hija parti fihom.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Qorti tiddeċiedi dwar l-ammissibilità billi tadotta riżoluzzjoni. Din il-proċedura hija meqjusa bħala l-bidu ta’ kawża ċivili. Jekk ikun hemm xi nuqqasijiet u persuna li tipparteċipa fil-kawża jew li tkun ippreżentat pretensjoni/dokument proċedurali telimina dak in-nuqqas skont ir-rekwiżiti u l-iskadenzi tal-qorti, il-pretensjoni/id-dokument jitqiesu bħala li ġew ippreżentati fid-data tal-konsenja tagħhom lill-qorti. Inkella, huma jitqiesu bħala li ma ġewx ippreżentati u jintbagħtu lura lill-attur, flimkien mal-annessi, permezz ta’ ordni tal-imħallef, sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol wara l-iskadenza għall-eliminazzjoni tan-nuqqasijiet.

Pretendent huwa intitolat li jirtira l-pretensjoni tiegħu, sakemm il-qorti ma tkunx bagħtet kopja tagħha lill-konvenut. Il-pretensjoni tista’ tiġi rtirata fi stadju aktar tard biss jekk il-konvenut jaqbel ma’ dan u l-pretensjoni tiġi rtirata qabel ma l-qorti tal-prim’istanza tadotta d-deċiżjoni tagħha.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-partijiet fil-proċedimenti jiġu informati dwar il-ħin u l-post tas-seduta ta’ smigħ tal-qorti jew miżuri proċedurali individwali permezz ta’ taħrika jew avviż tal-qorti. Skeda tas-seduti ta’ smigħ tal-qorti hija disponibbli wkoll fuq l-internet permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Qrati Litwani aċċessibbli fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali. http://liteko.teismai.lt/tvarkarasciai/

L-aħħar aġġornament: 21/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.