Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Fil-Latvja, persuna tista' tmur il-qorti jew, jekk il-partijiet ikunu laħqu ftehim u kkonkludew ftehim ta' arbitraġġ, tmur quddiem bord tal-arbitraġġ (ħlief għal ċertu tilwim li ma jistax imur għall-arbitraġġ).

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Il-preskrizzjoni għall-ftuħ ta' kawża l-qorti tvarja skont il-każ partikolari. Jekk għandek xi mistoqsija dwar il-preskrizzjoni, ħu parir mingħand avukat jew aġenzija tal-informazzjoni pubblika.

Hemm diversi limiti taż-żmien ġenerali previsti fil-liġi ċivili. Dawn jistgħu jiġu affettwati mis-suġġett u miċ-ċirkostanzi tat-talba, u jridu jiġu determinati każ b'każ, u jiġu meqjusa dawn li ġejjin:

Il-Liġi tal-Familja

Il-kawżi ġejjin minn wegħda taż-żwieġ jridu jitressqu fi żmien sena li jiġi kkalkulat mid-data meta titħassar l-għerusija jew minn meta waħda mill-partijiet tmur lura minn kelmitha, jew fejn l-għarusa tkun tqila, mid-data meta jitwieled il-wild, jekk f'dak il-perjodu l-għerusija tkun diġà tħassret jew il-parti ma tkunx żammet kelmitha.

Il-kawżi ġejjin mir-relazzjonijiet ta' proprjetà bejn il-konjuġi jridu jitressqu fi żmien sena mit-tranżazzjoni konkluża mill-konjuġi l-ieħor.

Ir-raġel ta' omm it-tifel jista' jikkontesta l-preżunzjoni ta' paternità fi żmien sentejn mill-ġurnata li fiha jiskopri li t-tifel mhux tiegħu. Omm it-tifel għandha l-istess dritt biex tikkontesta preżunzjoni ta' paternità. It-tifel innifsu jista' jikkontesta preżunzjoni ta' paternità fi żmien sentejn wara li jilħaq l-età adulta.

Il-kawżi ġejjin mir-rikonoxximent tal-paternità jridu jitressqu fi żmien sentejn minn meta l-parti ssir taf biċ-ċirkostanzi li jeskludu l-paternità, jew minn meta t-tifel jilħaq l-età adulta jekk it-talba ssir mit-tifel innifsu;

Il-kawżi ġejjin mir-relazzjonijiet bejn tutur u minuri jridu jitressqu fi żmien sena minn meta l-minuri jilħaq l-età adulta jew iseħħ waħda miċ-ċirkostanzi l-oħra stabbiliti mil-liġi.

Il-Liġi dwar il-Proprjetà

Il-kawżi dwar tfikxil fil-pussess jew l-ispoll iridu jitressqu fi żmien sena minn meta l-parti ssir taf bit-tifxkil jew l-ispoll.

Il-kawżi kontra persuna li għandha l-pussess ta' proprjetà u li tista' takkwistaha bil-preskrizzjoni jridu jitressqu fi żmien 10 snin minn meta l-parti l-oħra tinduna bil-pussess.

Il-kawżi mressqa minn sid ġdid minħabba żidiet li seħħew minħabba proċess naturali jridu jitressqu fi żmien sentejn.

Il-Liġi tal-obbligazzjonijiet

Id-drittijiet skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet huma preskritti jekk il-persuna b'dawn id-drittjiet ma teżerċitahomx fiż-żmien stabbilit mil-liġi.

Kawżi ġejjin minn drittjiet skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet li għalihom il-liġi ma tispeċifikax terminu iqsar iridu jitressqu fi żmien 10 snin; dawn it-tipi ta' drittijiet li għalihom il-liġi ma tispeċifikax terminu iqsar huma preskritti jekk il-persuna li tgawdi minn dawn id-drittijiet ma teżerċitahomx fi żmien 10 snin, ħlief għal xi drittijiet li ma jistgħux ikunu preskritti.

Id-dritt għall-annullament ta' kuntratt ta' bejgħ minħabba telf eċċessiv huwa preskritt jekk it-talba ma ssirx fi żmien sena mill-konklużjoni tal-kuntratt.

Il-kawżi dwar it-telf minħabba trasferiment, ċaħda jew ċediment iridu jitressqu fi żmien sena.

Il-kawżi kummerċjali

Il-kawżi ġejjin minn tranżazzjoni kummerċjali jridu jitressqu fi żmien tliet snin, sakemm ma jkunx hemm preskrizzjoni oħra prevista mil-liġi.

Il-kawżi LI ġejjin minn kuntratt ta' aġenzija kummerċjali jridu jitressqu fi żmien erba' snin mit-tmiem tas-sena bil-kalendarju li fiha qamet it-talba.

Il-kawżi kontra negozjant individwali minħabba l-mod kif qed imexxi n-negozju tiegħu jridu jitressqu fi żmien tliet snin wara t-tneħħija tiegħu mir-reġistru tal-kummerċ, sakemm it-talba ma tkunx soġġetta għal preskrizzjoni iqsar.

Il-kawżi li ġejjin minn projbizzjoni imposta fuq membru ta' sħubija li ma tħallihx jikkonkludi tranżazzjonijiet fl-istess tip ta' negozju tas-sħubija, jew milli jkun membru b'responsabbiltà sħiħa fi sħubija oħra li tmexxi l-istess tip ta' negozju mingħajr il-kunsens tal-bqija tal-membri, iridu jitressqu fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-membri l-oħra tas-sħubija jsiru jafu bil-ksur tal-projbizzjoni dwar il-kompetizzjoni, iżda mhux aktar tard minn ħames xhur minn meta jseħħ il-ksur.

Il-kawżi kontra membru ta' sħubija rigward l-obbligi tas-sħubija jridu jitressu fi żmien tliet snin minn meta t-terminazzjoni tas-sħubija tiddaħħal fir-reġistru, sakemm it-talba kontra s-sħubija mhix soġġetta għal preskrizzjoni iqsar.

Il-kawżi kontra l-fundaturi ta' kumpanija rigward l-obbligi li daħlet għalihom il-kumpanija qabel it-twaqqif tagħha jridu jitressqu fi żmien tliet snin minn meta l-kumpanija tniżżlet fir-reġistru tal-kummerċ.

Il-kawżi kontra l-fundaturi rigward telf speċifiku li tkun ġarrbet il-kumpanija u terzi li seħħ matul l-operat tal-kumpanija jridu jitressqu fi żmien ħamest ijiem minn meta l-kumpanija tniżżlet fir-reġistru tal-kummerċ. Din il-preskrizzjoni tapplika wkoll għall-persuni li jkunu għenu biex sar dan it-telf.

Il-kawżi li ġejjin minn drittijiet kontra l-kumpanija ta' kreditur li ma jistax jottjeni l-ħlas tat-talba tiegħu mill-kumpanija u jdur għall-persuni responsabbli skont il-liġi (il-fundaturi, terzi, eċċ) jridu jitressqu fi żmien ħames snin minn meta tkun saret it-talba.

Il-kawżi li ġejjin minn ksur ta' projbizzjoni tal-kompetizzjoni imposta fuq il-membri tal-bord ta' kumpanija jridu jitressqu fi żmien ħames snin mid-data tal-ksur.

Il-kawżi li ġejjin mit-telf ikkawżat lill-kumpanija, il-membri tagħha jew lill-kredituri tagħha matul ir-riorganizzazzjoni tagħha jridu jitressqu fi żmien ħames snin mid-data minn meta ssir effettiva r-riorganizzazzjoni.

Il-kawżi kontra speditur jridu jitressqu fi żmien tliet snin.

Il-kawżi kontra speditur rigward il-merkanzija, sakemm l-ispeditur ma kellux aġir in mala fede jew ippermetta negliġenza gravi, u l-kawżi kontra persuna li tieħu ħsieb il-maħżen, sakemm ma kellhiex aġir in mala fede jew ippermettiet negliġenza gravi, iridu jitressqu fi żmien sena.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara l-iskeda informattiva dwar "Il-Ġurisdizzjoni tal-Qrati".

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara l-iskeda informattiva dwar "Il-Ġurisdizzjoni tal-Qrati - il-Latvja".

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara l-iskeda informattiva dwar "Il-Ġurisdizzjoni tal-Qrati - il-Latvja".

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Ir-rikors jista' jiġi ppreżentat mir-rikorrent innifsu jew minn persuna awtorizzata. L-awtorizzazzjoni tista' tiġi mehmuża mar-rikors. Mhemmx bżonn ta' avukat jew ta' konsulent legali ieħor.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-ewwel istanza li għandha ġurisdizzjoni.

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat fir-reġistru (kanceleja) tal-qorti mir-rikorrent jew minn persuna awtorizzata. Ir-rikorsi jistgħu jintbagħtu wkoll bil-posta, u għandhom jiġu indirizzati lill-qorti rispettiva.

Ir-rikorsi jiġu aċċettati matul il-ħinijiet tax-xogħol minn impjegat maħtur mill-president tal-qorti - normalment ikun l-assistent tal-president tal-qorti jew impjegat tar-reġistru.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Skont il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums), il-partijiet iridu jippreżentaw kwalunkwe dokumenti b'lingwi‑barranin flimkien ma' traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa uffiċjali, il-Latvjan, skont il-proċeduri stabbiliti mil-Liġi. Persuna eżenti mill-ispejjeż tal-qorti ma għandhiex għalfejn tehmeż traduzzjoni.

Il-qorti tista' taċċetta li ċerti passi proċedurali jsiru f'lingwa oħra jekk xi parti jekk titlob u jkun il-qbil tal-partijiet kollha. Il-minuti tas-seduti u d-deċiżjonijiet tal-qorti jsiru bil-Latvjan.

Il-kawża tinfetaħ permezz tal-preżentata ta' rikors bil-miktub quddiem il-qorti. Ir-rikors jista' jiġi ppreżentat mir-rikorrent innifsu jew minn persuna awtorizzata minnu, u jista' jintbagħat bil-posta, iżda mhux bil-faks jew bil-posta elettronika.

Għandu jingħad ukoll li d-dokumenti ċertifikati b'firma elettronika sigura jistgħu jintużaw għall-preżentata ta' kull tip ta' rikors sakemm il-liġi ma tkunx ipprovdiet għal proċedura speċifika għall-bidu tal-proċedimenti. Id-dokumenti elettroniċi mhux aċċettati għal ċerti tipi ta' dokumenti li jikkonċernaw il-proprjetà immobbli, il-familja u s-suċċessjoni u ċerti tipi ta' kuntratti ta' garanzija.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ir-rikors irid ikun miktub. Għall-maġġoranza tat-talbiet mhemmx formola apposta. Hemm formoli apposta għat-talbiet iż-żgħar (maza apmēra prasības, Kapitolu 30.3 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili); l-eżekuzzjoni tal-obbligi fuq notifika tal-qorti (saistību piespiedu izpildīšana brīdinājuma kārtība, Kapitolu 50.1 tal-Liġi); u r-rikorsi għall-protezzjoni provviżorja kontra l-vjolenza (pagaidu aizsardzība pret vardarbību, Kapitolu 30.5 tal-Liġi).

Fejn mhemmx formola apposta, l-informazzjoni essenzjali u d-data li jridu jiġu indikati fir-rikors huma stabbiliti mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Skont il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, ir-rikors irid jindika dan li ġej:

  • l-isem tal-qorti li quddiemha tressaq ir-rikors;
  • l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali u l-post ta’ residenza rreġistrat, jew fin-nuqqas, il-post ta’ residenza de facto tar-rikorrent. f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat; jekk ir-rikorrent jaqbel li jikkomunika mal-qorti b’mezzi elettroniċi jew jekk huma nklużi fost il-persuni/entitajiet imniżżla fl-Artikolu 56(23) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, indirizz tal-posta elettronika u, fejn huma reġistrati fis-sistema online għall-korrispondenza mal-qorti, ir-referenza ta’ reġistrazzjoni jenħtieġ li tiġi indikata wkoll. Ir-rikorrent jista' jindika wkoll indirizz ieħor minħabba korrispondenza mal-qorti;
  • l-isem, kunjom, numru tal-identità personali, il-post ta' residenza dikjarata u kull indirizz addizzjonali ieħor ta-konvenut jew parti interessata, jew fin-nuqqas, post ta' residenza de facto; f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat. In-numru tal-identità personali jew ta' reġistrazzjoni tal-konvenut, jekk magħruf, irid jiġi indikat;
  • l-isem, kunjom, numru tal-identità personali u indirizz għall-korrispondenza mal-qorti tar-rappreżentant tar-rikorrent, jekk il-kawża ssir mir-rappreżentant, jew f'każ ta' persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta' reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat; jekk ir-rappreżentant tar-rikorrent, b’post ta’ residenza rreġistrat jew indirizz għall-korrispondenza fil-Latvja, jaqbel li jikkomunika mal-qorti b’mezzi elettroniċi, jenħtieġ li jiġi indikat ukoll indirizz tal-posta elettronika u, fejn huwa rreġistrat fis-sistema online għall-korrispondenza mal-qorti, ir-referenza ta’ reġistrazzjoni. Jekk il-post ta’ residenza rreġistrat jew l-indirizz għall-korrispondena tar-rappreżentant tar-rikorrent jinsabu barra l-Latvja, l-indirizz tal-posta elettronika jew ir-referenza għar-reġistrazzjoni tagħhom fis-sistema għall-korrispondenza mal-qorti jridu jiġu indikati wkoll. Jekk ir-rappreżentant tar-rikorrent huwa avukat, jenħtieġ li jkun hemm ukoll l-indirizz tal-posta elettronika tal-uffiċċju tiegħu;
  • l-isem tal-istituzzjoni ta’ kreditu u n-numru tal-kont fejn għandhom jitħallsu l-ammonti irkuprati u l-ispejjeż legali;
  • is-suġġett tat-talba;
  • l-ammont tat-talba, jekk it-talba tista' tiġi kwantifikata fi flus, flimkien mal-metodu ta' kalkolu tal-ammont li jrid jiġi rkuprat jew qed jiġi kontestat;
  • il-fatti li fuqhom ir-rikorrent ibbaża t-talba tiegħu, u provi li jappoġġaw dawn il-fatti;
  • il-liġi li fuqha hija bbażata t-talba;
  • kull rapport ta’ medjazzjoni li ppruvat issir qabel infetħet kawża l-qorti;
  • it-talbiet tar-rikorrent;
  • lista tad-dokumenti mehmuża mar-rikors;
  • id-data li fiha sar ir-rikors, u kull informazzjoni oħra li tista' tkun rilevanti. Ir-rikorrent jista’ jindika n-numru tat-telefown tiegħu, jekk huwa jaqbel li jikkomunika mal-qorti bit-telefown.

Hija meħtieġa aktar informazzjoni mil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili għal rikors partikolari (pereżempju ta' divorzju) u għal tipi speċjali ta' proċedimenti (pereżempju l-konferma jew l-annullament ta' adozzjoni, il-protezzjoni tas-suċċessjon u l-kurazija).

Ir-rikors irid jiġi ffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu, jew mir-rikorrent flimkien mar-rappreżentant tiegħu jekk titlob hekk il-qorti, ħlief fejn il-liġi tipprovdi mod ieħor. Jekk ir-rappreżentant irid jaġixxi f'isem ir-rikorrent, trid tiġi mehmuża mar-rikors il-prokura (pilnvara) jew dokument ieħor li jiċċertifika d-dritt tar-rappreżentant li jmexxi l-kawża.

Ir-rikors għandu jiġi sottomess lill-qorti f’numru ta’ kopji ekwivalenti għan-numru ta’ konvenuti u terzi involuti.

Kif stipulat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea u konvenzjonijiet internazzjonali, rikors għall-manteniment għandu jsir permezz tal-formoli indikati fil-leġiżlazzjoni rilevanti u jista’ jiġi ppreżentat jew mibgħut permezz tal-awtoritajiet ċentrali Latvjani apposta għall-kooperazzjoni.

Ir-rikors irid jiġi akkumpanjat ukoll minn dokumenti li:

  • juru li tħallsu t-tariffi tal-Istat (valsts nodevas) u spejjeż oħra tal-qorti skont il-proċeduri stabbiliti mil-liġi u fl-ammonti korretti;
  • jikkonfermaw li ġew osservati l-proċeduri għall-istħarriġ ekstraġudizzarju tal-kwistjoni, fejn tali stħarriġ huwa rikjest mil-liġi;
  • jippruvaw il-fatti li fuqom hija bbażata t-talba.

Fis-sit elettroniku tal-portal tal-qrati Latvjani, taħt E-Pakalpojumi (“servizzi elettroniċi”), E-veidlapas (mudelli elettroniċi”), hemm numru ta' formoli għad-dokumenti proċedurali. Dawn il-formoli jistgħu jitniżżlu, jimtlew u jiġu ppreżentati f'forma stampata.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

L-ispejjeż tal-qorti jridu jitħallsu qabel il-preżentata tar-rikors (tariffa tal-Istat (valsts nodeva), tariffa tar-reġistru (kancelejas nodeva), u l-ispejjeż meħtieġa minħabba s-smigħ tal-kawża (ar lietas izskatīšanu saistītie izdevumi)); il-ħlas jista' jsir il-bank. Meta l-qorti taqta' s-sentenza favur parti minnhom, hjia tordna lill-parti t-telliefa biex tħallas l-ispejjeż kollha li tkun ġarrbet il-parti rebbieħa. Jekk it-talba tiġi milqugħa biss parzjalment, l-ispejjeż tal-qorti jitħallsu skont dak il-proporzjon. Jekk ir-rikorrent ma jkomplix bil-kawża jew il-kawża ma tinqatgħax, ir-rikorrent irid iħallas lura l-ispejjeż tal-qorti tal-konvenut (ħlief fil-każijiet stabbiliti mil-liġi fejn talba hija marbuta mal-ħruġ taċ-ċertifikat previst fir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill). F'dan il-każ il-konvenut ma jħallasx lura l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent, iżda jekk ir-rikorrent ma jkomplix bil-kawża għaliex il-konvenut volontarjament issodisfa t-talba tiegħu wara l-preżentata tar-rikors, il-qorti tista', b'talba tar-rikorrent, tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent.

Bl-istess mod, l-ispejjeż tat-tmexxija tal-kawża (it-tariffi tal-avukat, l-ispejjeż ta' kull dehra l-qorti u l-ispejjeż marbuta mal-kumpilazzjoni tal-provi) jitħallsu mill-konvenut favur ir-rikorrent jekk it-talba tar-rikorrent tiġi milqugħa kollha jew parti minnha, jew jekk ir-rikorrent ma jkomplix bil-kawża għaliex il-konvenut volontarjament issodisfa t-talba tiegħu wara l-preżentata tar-rikors Jekk il-kawża ma tiġix milqugħa, il-qorti tordna lir-rikorrent iħallas l-ispejjeż tad-difiża tal-konvenut.

It-tariffi tal-avukat jew konsulent legali jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-klijent u l-avukat jew konsulent legali.

10 Nista' nitlob għajnuna legali?

Ara l-iskeda informattiva dwar "L-Għajununa Legali".

11 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Id-dokumenti li jaslu bil-posta, jew matul il-ħinijiet tal-ftuħ, jiġu reġistrati mill-qorti f'reġistru għall-korrispondenza li tidħol kuljum dakinhar tal-wasla tagħhom. Rikors jitqies li tressaq dakinhar tal-wasla tiegħu. Il-preskrizzjoni għall kull pass proċedurali li jrid isir il-qorti tiskadi meta l-qorti tieqaf taħdem. Jekk ir-rikors, appell jew konsenja postali oħra jaslu għan l-operatur tal-komunikazzjoni sa nofsillejl fil-ġurnata finali taż-żmien imħolli għal dan il-għan, id-dokument jitqies li ġie ppeżentat fil-ħin.

Jekk ir-rikors ma jkunx ġie mfassal tajjeb, jew jekk ikun hemm xi dokumenti meħtieġa neqsin, l-imħallef jagħti deċiżjoni dettaljata fejn isib li ma tistax tittieħed azzjoni fuq dak ir-rikors. Kopa ta' dik id-deċiżjoni tintbagħat lir-rikorrent bi żmien speċifiku li fih irid jikkoreġi dawn in-nuqqasijiet. Dan il-limitu taż-żmien ma jistax ikun iqsar minn 20 ġurnata li jibdew jgħaddu mid-data tal-għotja tad-deċiżjoni. Jekk ir-rikorrent jikkoreġi dawn in-nuqqasijiet fiż-żmien mogħti lilu, ir-rikors jitiqies li ġie ppreżentat fid-data li fiha wasal għall-ewwel darba quddiem il-qorti. Jekk ir-rikorrent jonqos milli jagħmel il-korrezzjonijiet fil-ħin, ir-rikors jitqies li qatt ma ġie ppreżentat, u jintbagħat lura lir-rikorrent. Il-fatt li r-rikors ġie ritornat ma jfissirx li r-rikorrent ma jistax jerġa' jressqu quddiem il-qorti.

Konferma speċifika li r-rikors ġie ppreżentat fil-forma korretta: jekk ir-rikors jitfassal tajjeb, u jiġu mehmuża miegħu d-dokumenti kollha meħtieġa, l-imħallef jiddeċiedi fi żmien sebat ijiem mill-wasla tar-rikors il-qorti fejn jilqa' r-rikors u jagħti bidu għall-proċedimenti.

Meta jibdew il-proċedimenti, ir-rikors u l-kopji tad-dokumenti mehmuża miegħu jintbagħtu lill-konvenut flimkien ma' perjodu ta' żmien stabbilit għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub. B'notifika tal-osservazzjonijiet l-imħallef jibgħat kopja tagħhom lir-rikorrent u lill-partijiet interessati. L-imħallef jista' jitlob lir-rikorrent biex jagħti l-kummenti tiegħu dwar l-osservazzjonijiet. Hekk kif jaslu l-osservazzjonijiet, jekk jiskadi ż-żmien għall-preżentazzjoni tagħhom, l-imħallef jiffissa data għas-seduta ta' smigħ. L-iskrivan tal-qorti jibgħat ċitazzjoni lill-partijiet. Jekk il-kawża tkun se tinstema' permezz tal-proċedura bil-miktub, ma tingħatax data għas-smigħ, u ma tintbagħat l-ebda ċitazzjoni lill-partijiet.

12 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-partijiet jirċievu ċitazzjoni mill-qorti bil-ħin u l-post tas-seduta ta' smigħ jew ta' xi azzjoni proċedurali oħra. Iċ-ċitazzjoni tal-qorti tintbagħat fl-indirizz tal-post ta' residenza dikjarata, iżda persuna tista' tindika wkoll indirizz ieħor għall-korrispondenza mal-qorti.

Jekk il-konvenut ma jkollux post ta' residenza dikjarata fil-Latvja u r-rikorrent, għal raġunijiet oġġettivi, ma jkunx irnexxielu jiddetermina l-post ta' residenza tal-konvenut barra l-Latvja, il-qorti tista', b'rikors dettaljat tar-rikorrent, tagħmel użu mill-proċeduri ta' rintraċċar għall-indirizz tal-konvenut li hemm previsti fil-ftehimiet internazzjonali li huma vinkolanti fuq il-Latvja jew fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Jekk l-indirizz tal-konvenut ma jistax jiġu traċċat bil-proċeduri previsti fil-ftehimiet internazzjonali li huma vinkolanti fuq il-Latvja jew fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jew jekk ikun impossibbli li jintbagħtu d-dokumenti lill-konvenut fl-indirizz stabbilit mir-rikorrent, jew jekk ikun impossibbli li jintbagħtu d-dokumenti lill-konvenut permezz tal-proċeduri previsti fil-ftehimiet internazzjonali li huma vinkolanti fuq il-Latvja jew permezz tal-proċedura prevista fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili għall-kooperazzjoni internazzjonali fi proċedimenti ċivili, il-konvenut li ma għandux post ta' residenza dikjarat fil-Latvja jitħarrek mill-qorti permezz ta' avviż ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali, Latvijas Vēstnesis.

Fil-portal tal-qrati tal-Latvja, taħt E-pakalpojumi ("servizzi elettroniċi") u Tiesvedības gaita ("progress tal-proċedimenti ġudizzjarji"), tista' ssib informazzjoni dwar il-progress tal-proċedimenti ġudizzjarji billi ddaħħal in-numru tal-każ jew taċ-ċitazzjoni.

L-aħħar aġġornament: 30/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.