Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Il-liġi Taljana tiggarantixxi l-aċċess għall-qrati bħala miżura ġenerali tal-ħarsien tad-drittijiet.

Madankollu, min irid jibda kawża dwar blokk ta' appartamenti, id-drittijiet reali, id-diviżjoni, is-suċċessjoni, il-ftehimiet familjali, il-lokazzjoni, il-kuntratti tal-komodat, il-lokazzjoni kummerċjali, il-kumpens għad-danni kkawżati mir-responsabbiltà medika u s-servizzi tas-saħħa u l-libell permezz ta' mezzi tal-istampa jew b'mezzi oħra ta' riklamar, kuntratti tal-assigurazzjoni, bankarji u finanzjarji, għandu, bl-għajnuna ta' avukat, l-ewwel nett jipprova l-proċess ta' medjazzjoni, li hija kundizzjoni għall-ammissibiltà tal-kawża nnifisha.

Alternattiva oħra hija l-arbitraġġ, fejn min jiddeċiedi t-tilwima hija persuna privata maħtura mill-partijiet: f'dan il-każ jinħtieġ il-kunsens taż-żewġ partijiet biex tintagħżel il-proċedura tal-arbitraġġ minflok kawża l-qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Trid tiġi osservata l-preskrizzjoni stabbilita mil-liġi. Il-preskrizzjoni ordinarja hija dik ta' 10 snin, madankollu hemm numru ta' preskrizzjonijiet iqsar skont il-każ (l-Artikoli 2934 – 2961 tal-Kodiċi Ċivili).

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Sabiex tingħata sentenza li taqta' u tiddeċiedi t-tilwima li jkollha s-saħħa ta' sentenza definittiva trid tmur quddiem awtorità ġudizzjarja. L-għażla tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti tiddependi mit-tip ta' tilwima u tvarja skont il-kriterji ta' kompetenza indikati mid-dritt nazzjonali u mid-dritt tal-Unjoni Ewropea

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ir-regola ġenerali hija li wieħed għandu jidher quddiem il-qorti tal-post fejn huwa residenti l-konvenut (ġuriżdizzjoni territorjali: il-post fiżiku tal-persuni naturali). Skont l-ammont tal-pretensjoni (ġuriżdizzjoni skont il-valur) jiġifieri n-natura partikolari tas-suġġett (ġuriżdizzjoni skont is-suġġett) wieħed għandu jidher quddiem ġudikant speċifiku (kummissarju tal-Ġustizzja jew tribunal b'imħallef uniku jew iffurmat minn kulleġġ) jiġifieri f'post differenti mill-post ġenerali tal-persuni naturali (ġuriżdizzjoni skont it-territorju mhux derogabbli).

Ara t-tabella "quddiem liema mħallef nista' nippreżenta l-kawża tiegħi - jurisdiction of the court".

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Għal kawżi dwar beni mobbli b'valur li ma jaqbiżx il-EUR 5 000, il-ġuriżdizzjoni hija tal-Kummissarju tal-Ġustizzja. Dan tal-aħħar għandu kompetenza sa EUR 20 000 jekk il-kawża tkun dwar kumpens għal danni kkawżati miċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi jew bastimenti. Għall-kawżi l-oħra b'valur superjuri huwa kompetenti t-Tribunal b'imħallef uniku. Hemm imbagħad ukoll suġġetti, ikun xi jkun il-valur tagħhom, assenjati lill-Kummissarju tal-Ġustizzja (l-Artikolu 7, 3 , tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ), lit-tribunal b'imħallef uniku (l-Artikolu409 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jew lit-Tribunal iffurmat minn kulleġġ (l-Artikolu 50-bis tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Ara t-tabella "quddiem liema mħallef nista' nippreżenta l-kawża tiegħi - jurisdiction of the court".

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Ir-regola ġenerali trid li l-parti tkun megħjuna minn avukat (obbligu tad-difiża teknika). Hemm eċċezzjonijiet għal kawżi b'valur ekonomiku minimu (quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja sa massimu ta' EUR 1 000) u sitwazzjonijiet fejn il-parti għandha l-kwalità neċessarja biex taġixxi bħala difensur bi prokura quddiem l-imħallef presjedenti (l-Artikolu 86 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-rikors jiġi indirizzat lill-parti l-oħra u ppreżentat fir-reġistru tal-Uffiċjal Ġudizzjarju kompetenti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Ir-rikors jista' jiġi ppreżentat oralment biss f'kawżi quddiem il-Kummissjarju tal-Ġustizzja (l-Artikolu 316 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili); fil-każijiet l-oħra jrid isir bil-miktub u bil-lingwa Taljana. Mhix ammissibbli l-preżentata ta' rikors bil-faks jew bil-posta elettronika.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ma jeżistux mudelli jew formoli, ir-rikors irid ikun fih id-dettalji tal-partijiet, tal-imħallef, tal-oġġett u tat-titolu.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Trid titħallas somma lill-Istat, skont il-valur tat-tilwima dakinhar tal-preżentata tar-rikors (kontribut unifikat previst mit-Test Uniku tal-Ispejjeż Ġudizzjarji, DPR 115 / 2002).

Il-metodi u l-perjodi tal-ħlas tal-avukat jiddependu mill-ftehim milħuq mill-avukat u l-klijent tiegħu.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Kulħadd, ċittadini u mhux, jista' jibbenefika mill-assistenza legali mħallsa mill-Istat jekk ikollu r-rekwiżiti tal-qligħ stabbiliti mil-liġi (Test Uniku tal-Ispejjeż Ġudizzjarji DPR  115 / 2002).

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Ir-rikors jitiqies ippreżentat

  • meta jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra f'każ ta' ċitazzjoni,
  • meta jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti f'każ ta' rikors.

Il-verifika tal-ammissibbiltà ssir waqt il-kawża kontenzjuża bejn il-partijiet, u mhux qabel.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistabbilixxi t-termini għad-dehra u l-azzjonijiet li jistgħu jieħdu l-partijiet u l-ġudikant. L-imħallef uniku, imbagħad, iwettaqhom permezz tal-kalendarju tal-proċess (l-Artikolu 81-bis d.att. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili)

Ħoloq relatati

bringing a case to court articles codice procedura civile PDF (84 Kb) it

L-aħħar aġġornament: 21/01/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna