Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

It-talbiet għal pagamenti dovuti jistgħu jiġu eżegwiti permezz ta’ ordni għall-ħlas, filwaqt li talbiet speċifikati mil-liġi jistgħu jiġu eżegwiti biss permezz ta’ ordni għall-ħlas. Dawn il-proċedimenti barra l-qorti jsiru minn nutara tal-liġi ċivili. Ara s-suġġett Proċedura ta’ Ordni għall-Ħlas.

Fl-Ungerija huma disponibbli proċeduri għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim. Ara s-suġġett Soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Il-preskrizzjoni għal kawża l-qorti u l-forma ta’ din il-preskrizzjoni tvarja skont il-każ. Pereżempju, f’każ ta’ propjetà ma hemmx preskrizzjoni biex tinfetaħ kawża, u lanqas ma japplika perjodu ta’ żmien. Min-naħa l-oħra, ma hemmx preskrizzjoni biex tinfetaħ kawża għal danni mhux kuntrattwali iżda din il-kawża hija soġġetta għal preskrizzjoni ġenerali (ħames snin) li l-qorti tqis fil-proċedimenti jekk din il-kwistjoni titqajjem mill-parti avversarja. Għal talbiet oħra, il-preskrizzjoni għall-ftuħ ta’ kawża tiġi stabbilita mil-liġi.

Għalhekk jiġi rakkomandat li l-kwistjoni tal-preskrizzjoni tiġi ċċarata ma’ avukat, konsulent legali jew mal-Uffiċċju ta’ Pariri għaċ-Ċittadini.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Il-kwistjoni ta’ ġuriżdizzjoni, li tiddetermina liema Stat Membru u l-qrati tiegħu għandhom ġuriżdizzjoni fuq diversi tipi ta’ kawżi b’lat barrani hija speċifikata mil-liġi tal-Unjoni Ewropea, mill-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti u mir-regoli tad-dritt internazzjonali privat Ungeriż.

Leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE li ġeneralment tapplika f’materji ċivili u kummerċjali tinkludi r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u l- Konvenzjoni l-ġdida ta’ Lugano (ippubblikata bid-Deċiżjoni Nru 2009/430/KE), ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u r-Regolament (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

Jekk ma tapplikax il-leġiżlazzjoni tal-UE jew xi konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li l-Ungerija hija parti fihom, il-ġuriżdizzjoni tiġi ddeterminata skont id-dispożizzjonijiet tal-Att XXVIII tal-2017 dwar id-dritt internazzjonali privat.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara s-suġġett Ġuriżdizzjoni tal-Qrati - l-Ungerija.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara s-suġġett Ġuriżdizzjoni tal-Qrati - l-Ungerija.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Kull persuna tista’ tieħu sehem f’kawżi l-qorti kemm personalment kif ukoll bi prokura, jekk

a) ikollha kapaċità sħiħa skont ir-regoli tal-liġi ċivili,

b) tkun adulta parzjalment inabilitata iżda li l-kapaċità tagħha skont ir-regoli tal-liġi ċivili ma jkunux limitati rigward is-suġġett u l-atti proċedurali tal-kawża, jew

c) ikollha awtorità skont ir-regoli tal-liġi ċivili biex tagħti struzzjonijiet validi rigward is-suġġett tal-kawża.

Rappreżentant legali jaġixxi f’isem parti fil-kawża, jekk

a) dik il-parti ma jkollhiex kapaċità fil-kawża,

b) ġie maħtur rappreżentant legali għal dik il-parti mingħajr ma tkun affettwata l-kapaċità tagħha, sakemm il-parti tmexxi personalment jew bi prokura, jew

c) il-parti ma tkunx persuna fiżika.

Ir-rappreżentazzjoni minn rappreżentant legali hija obbligatorja skont l- Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (“is-CCP”) fi proċedimenti l-qorti. Is-CCP jeżenta l-każijiet quddiem il-qrati distrettwali tal-ewwel istanza u l-proċedimenti ġudizzjarji rigward il-liġi industrijali fil-kompetenza tal-qrati amministrattivi u industrijali mir-regola bażika tar-rappreżentazzjoni legali obbligatorja; f’dawn il-każijiet ir-rappreżentazzjoni legali mhix obbligatorja sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

Is-CCP jispeċifika wkoll min jista’ jaġixxi bħala rappreżentant legali. Ir-rappreżentanti legali tal-partijiet is-soltu jkunu avukati u ditti tal-avukati. Meta r-rappreżentazzjoni legali tkun obbligatorja, persuna li tkun għaddiet mill-eżami tal-warrant tista’ tmexxi l-kawża tagħha stess mingħajr rappreżentazzjoni legali, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi.

F’każijiet fejn il-preżenza ta’ avukat ma tkunx obbligatorja, ir-rikors li bih jinfetħu l-proċedimenti jista’ jiġi ppreżentat minn rappreżentant awtorizzat (pereżempju avukat) maħtur mill-parti jew mir-rappreżentant legali tiegħu. Ir-regoli dwar min jista’ jkun rappreżentant awtorizzat u min ma jistax jinsabu fis-CCP.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat direttament lill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni u l-kompetenza biex tisma’ l-każ. Skont is-CCP, parti tista’ tmexxi mingħajr rappreżentazzjoni legali f’kawża quddiem qorti distrettwali jew fi proċedimenti quddiem qorti industrijali quddiem qorti amministrattiva u industrijali biex tippreżenta r-rikors tagħha oralment matul il-ħinijiet tal-uffiċċju u tiġi rreġistrata fil-formola x-xierqa quddiem il-qorti kompetenti tal-post ta’ residenza, l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tax-xogħol tagħha, jew fil-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawża.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi? Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwa uffiċjali tal-proċedimenti fil-qorti hija l-Ungeriż. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, att legali vinkolanti tal-Unjoni Ewropea jew konvenzjoni internazzjonali, sottomissjonijiet indirizzati lill-qorti jridu jiġu ppreżentati bl-Ungeriż u s-sottomissjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-qorti jingħataw bl-Ungeriż. Kulħadd għandu dritt juża lsien twelidu fil-proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll il-lingwa reġjonali jew minoritarja tiegħu fejn hekk jiġi provdut mill-konvenzjonijiet internazzjonali.

Meta ffirmat il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji, l-Ungerija ħadet l-obbligu li fir-rigward tal-Kroat, il-Ġermaniż, ir-Rumen, is-Serb, is-Slovakk, is-Sloven, ir-Romani u l-Boyash:

  • tħalli lill-parti li tidher personalment quddiem il-qorti tuża l-lingwa reġjonali jew minoritarja tagħha mingħajr ma jkollha għalfejn tħallas spejjeż żejda biex tagħmel dan,
  • u tippermetti li d-dokumenti u l-provi jiġu ppreżentati f’lingwa reġjonali jew minoritarja, bl-għajnuna ta’ interpreti u traduzzjonijiet, jekk meħtieġa.

Il-qorti tassenja interpretu, interpretu tal-lingwa bis-sinjali jew traduttur, jekk hekk ikun meħtieġ biex jiġi osservat id-dritt ta’ dik il-parti li tuża l-lingwa jew jekk ikun meħtieġ skont id-dispożizzjoni tas-CCP dwar l-użu tal-lingwa.

Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat bil-miktub quddiem il-qorti meta tkun se tinfetaħ il-kawża. Meta tkun obbligatorja jew tintgħażel il-komunikazzjoni elettronika, ir-rikors irid jiġi ppreżentat elettronikament, skont kif stipulat mil-liġi. Jekk il-komunikazzjoni ssir bil-miktub, ir-rikors irid jiġi ppreżentat bil-posta jew personalment (matul il-ħinijiet tal-uffiċċju fl-uffiċċju tal-amministrazzjoni jew matul il-ħinijiet tax-xogħol bit-tqegħid fil-kaxxa tal-ġbir li tinsab fid-daħla tal-qorti) iżda parti li tipproċedi mingħajr rappreżentazzjoni legali f’kawża quddiem qorti distrettwali jew fi proċedimenti quddiem qorti industrijali quddiem qorti amministrattiva u industrijali tista’ tippreżenta r-rikors tagħha oralment matul il-ħinijiet tal-uffiċċju u tirreġistraha fuq il-formola standard fil-qorti kompetenti tal-post ta’ residenza, l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tax-xogħol tagħha, jew quddiem il-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-kawża.

Ir-rikorsi ma jistgħux jintbagħtu bil-fax.

Għal aktar informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ sottomissjoni elettronika, ara t-taqsima Ipproċessar Awtomatiku.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi? Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Il-kawża trid titressaq permezz ta’ rikors, jiġifieri sottomissjoni bil-miktub li jkun fiha t-talba. Ir-rekwiżiti dwar l-elementi ta’ rikors u d-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors huma speċifikati fid-dettall fis-CCP.

Parti li tipproċedi mingħajr rappreżentazzjoni legali f’kawża quddiem qorti distrettwali jew fi proċedimenti quddiem qorti industrijali quddiem qorti amministrattiva u industrijali trid tippreżenta r-rikors tagħha b’formola introdotta għal dan il-għan. It-talba tagħha tiġi megħjuna ħafna għaliex l-informazzjoni obbligatorja li trid tiġi inkluża fir-rikors tidher fuq il-formola u l-formola tagħmel referenza għall-annessi li jridu jiġu mehmuża. Il-formoli jiġu ppubblikati fis-sit ċentrali tal-qrati.

Ir-rikors u l-annessi mehmuża miegħu jridu jiġu ppreżentati f’kopja aktar milli kemm hemm partijiet involuti fil-proċedimenti f’każ ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub. Jekk diversi partijiet ikollhom rappreżentant komuni (bi prokura) jirċievu kopja waħda bejniethom.

Għal aktar informazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ preżentata ta’ rikorsi elettronikament, ara t-taqsima Ipproċessar Awtomatiku.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Fil-proċedimenti ċivili jridu jitħallsu l-ispejjeż tal-qorti. L-ammont ta’ spejjeż tal-qorti li jridu jitħallsu għal kull proċediment huwa stabbilit fl-Att XCIII tal-1990 dwar it-Taxxi. Ir-rikorrent irid iħallas it-tariffi meta jippreżenta r-rikors, sakemm id-deċiżjoni dwar il-ħlas tat-tariffi ma tkunx se tittieħed aktar tard. F’dan il-każ it-tariffi jitħallsu mill-persuna li għandha dan l-obbligu skont il-qorti.

Qorti li jinfetħu proċedimenti ċivili quddiemha tiċħad rikors mingħajr ma titlob għal aktar informazzjoni jekk ir-rikorrent ma jkunx ħallas ammont f’tariffi proċedurali li jkun proporzjonali għall-ammont tat-talba indikata fir-rikors jew tariffa b’rata fissa speċifikata mil-liġi u ma jkunx ippreżenta rikors għall-għajnuna legali jew iċċita għajnuna legali bbażata fuq il-liġi.

Il-parti tista’ tingħata l-għajnuna legali sabiex tiġi assistita fl-osservazzjoni tad-drittijiet tagħha matul il-proċess.

Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, parti għandha dritt għall-għajnuna legali (“személyes költségmentesség”) u għal eżenzjoni personali mill-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem (“személyes költségfeljegyzési jog”) fuq talba bbażata fuq id-dħul u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, filwaqt li eżenzjoni personali mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti (“személyes illetékmentesség”) ibbażata fuq il-persuna tagħha tingħataex officio. Parti tingħata l-għajnuna legali (“tárgyi költségkedvezmény”) minħabba s-suġġett tal-kawża, filwaqt li tnaqqis tat-tariffi (“mérsékelt illeték”) jingħata ex officio jekk iseħħu atti speċifiċi matul il-kawża.

Eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti jew teżenta lill-persuna soġġetta għal dawk id-drittijiet mill-ħlas tagħhom jew tiġi applikata fir-rigward tas-suġġett tat-tariffi. F’każ ta’ eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti, il-parti tiġi eżentata mill-ħlas bil-quddiem ta’ dawk it-tariffi u, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, mill-ħlas ta’ tariffi mhux imħallsa. Eżenzjoni mit-tariffi tal-qorti ma teżentax lill-parti mill-ħlas ta’ tariffi li ma ġewx imħallsa waqt proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. L-Att dwar it-Taxxa jispeċifika liema entitajiet ġuridiċi jistgħu jingħataw eżenzjoni mill-ispejjeż tal-qorti. Dawn jinkludu l-Istat Ungeriż, il-muniċipalitajiet, l-aġenziji baġitarji u l-knejjes.

Jekk l-eżenzjoni tingħata minħabba s-suġġett tal-każ, il-partijiet ikunu t-tnejn eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti irrispettivament mill-introjtu jew il-qagħda finanzjarja tagħhom. Eżenzjoni tingħata minħabba s-suġġett tal-każ, pereżempju, f’appelli minn deċiżjonijiet dwar l-għajnuna legali, kontrotalbiet ippreżentati f’kawża ta’ divorzju u talbiet għal rettifiki jew supplimenti għad-deċiżjonijiet.

Minkejja l-introjtu jew il-qagħda finanzjarja tagħhom, il-partijiet jingħataw eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż minħabba s-suġġett tal-każ (“tárgyi illetékfeljegyzési jog”), pereżempju, fi proċedimenti marbuta mal-protezzjoni skont il-liġi ċivili ta’ persuni jew talbiet għad-danni kkawżati mill-eżerċizzju tas-setgħat amministrattivi. Kull min jingħata din l-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi bil-quddiem minħabba s-suġġett tal-kawża jkun eżentat milli jħallashom bil-quddiem. F’dan il-każ, l-ispejjeż jitħallsu fl-aħħar tal-proċedura mill-parti li tiġi ordnata tħallas mill-qorti.

Parti tiġi eżentata mill-ħlas ta’ parti mit-tariffi jekk tingħata tnaqqis fit-tariffi. It-tnaqqis tat-tariffi huwa forma ta’ għajnuna legali fundamentalment differenti mill-bqija għaliex tingħata meta jseħħu ċertu atti matul il-proċedimenti, mingħajr il-bżonn għal rikors, u mhux ibbażat fuq iċ-ċirkostanzi personali tal-parti jew mis-suġġett tal-kawża.

Il-benefiċċju li ma jitħallsux it-tariffi bil-quddiem huwa parti kemm mill-għajnuna legali kif ukoll mill-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem. L-għajnuna legali tista’ tingħata wkoll fuq bażi individwali jew minħabba n-natura tal-każ. It-tip ta’ każijiet fejn tista’ tingħata l-għajnuna legali minħabba s-suġġett tal-kawża u l-kriterji għall-għoti ta’ għajnuna legali personali huma stabbiliti mil-liġi. Eżempju ta’ każ fejn tista’ tingħata eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż minħabba s-suġġett tal-kawża huma l-proċedimenti ta’ tutela.

L-eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem tista’ tingħata fuq bażi individwali jew minħabba n-natura tal-każ. Il-partijiet jingħataw eżenzjoni speċifika għall-każ mill-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem, pereżempju, fi proċedimenti ta’ filjazzoni jew fi proċedimenti rigward ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

Skont l- Att dwar l-attivitajiet tal-avukati il-ħatra ta’ avukat tista’ tiġi nnegozjata liberament għal attivitajiet ta’ avukat, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-Att jew mill-Kodiċi Ċivili; għalhekk il-partijiet jistgħu jinnegozjaw liberament dwar it-tariffi tal-avukat fi ħdan il-limiti speċifikati mill-Att dwar l-attivitajiet tal-avukati. L-għajnuna legali tinkludi l-eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-avukati jew il-ħlas tagħhom bil-quddiem. Ir-rappreżentazzjoni minn avukat hija awtorizzata mis-servizz tal-għajnuna legali.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Il-parti tista’ tingħata l-għajnuna legali personali jew speċifika għall-każ sabiex tiġi assistita fl-osservazzjoni tad-drittijiet tagħha matul il-proċess. Persuna fiżika għandha dritt għall-għajnuna legali personali fuq talba bbażata fuq id-dħul u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u l-għajnuna legali speċifika għall-każ fuq bażi ex officio minħabba s-suġġett tal-proċedimenti. Jekk il-parti tingħata l-għajnuna legali, hija tiġi eżentata mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti bil-quddiem u mill-ħlas bil-quddiem ta’ kwalunkwe spejjeż li jistgħu jinqalgħu matul il-proċedimenti u t-tariffi mhux imħallsa, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi, kif ukoll mill-ħlas ta’ spejjeż bil-quddiem mill-Istat u mill-ħlas ta’ depożitu għall-ispejjeż tal-proċedimenti.

Il-kriterji marbuta mal-qagħda finanzjarja u tad-dħul li trid tissodisfa l-parti sabiex tingħata l-għajnuna legali personali huma speċifikati mil-liġi, kif inhuma l-każijiet fejn l-għajnuna legali tista’ tingħata minħabba s-suġġett tal-kawża.

Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini mhux tal-UE li jgħixu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jingħataw l-għajnuna legali personali u eżenzjoni personali mill-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem soġġetti għall-kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini Ungeriżi, filwaqt li ċittadini barranin oħra jistgħu jingħataw dawn il-benefiċċji kif deskritti abbażi ta’ trattati internazzjonali.

L-għajnuna legali tinkludi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar minħabba seduta ta’ smigħ għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini mhux tal-Unjoni Ewropea li jgħixu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jekk il-preżenza ta’ dik il-parti fis-seduta tkun legalment obbligatorja.

Jekk il-liġi ta’ stat barrani tipprovdi benefiċċju ta’ livell ogħla għal parti Ungeriża quddiem qorti barranija mill-eżenzjoni speċifika għall-każ għall-ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem, iridu jiġu applikati dawk ir-regoli iktar vantaġġużi matul is-seduta ta’ smigħ għall-benefiċċju tal-parti barranija involuta f’litigazzjoni quddiem qorti Ungeriża.

Jekk jogħġbok ikkonsulta wkoll it-taqsima Għajnuna Legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Bħala regola ġenerali, il-kawża titqies miftuħa meta r-rikors jasal il-qorti u jiġi rreġistrat fir-reġistru. Jekk il-komunikazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi, bħala regola ġenerali, is-sottomissjoni trid titqies li saret meta s-sistema tal-IT tibgħat irċevuta ta’ rikonoxximent.

Il-kwistjoni ta’ meta kawża titqies miftuħa hija ta’ importanza partikolari f’każijiet fejn hemm il-preskrizzjoni sabiex tinfetaħ il-kawża. Il-preskrizzjoni tvarja kemm fit-tul ta’ żmien li tkopri u kemm fil-kundizzjonijiet li fuqhom ir-rikors jitqies li ddaħħal fil-ħin.

Dwar il-preskrizzjoni proċedurali, is-CCP jgħid li l-konsegwenzi ta’ preskrizzjoni li tkun skadiet ma jgħoddux jekk is-sottomissjoni lill-qorti ssir bil-posta reġistrata l-iktar tard fl-aħħar ġurnata tal-preskrizzjoni. Jekk il-komunikazzjoni matul il-proċedimenti saret b’mezzi elettroniċi, il-konsegwenzi minħabba nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ terminu - f’jiem, ġranet tax-xogħol, xhur jew snin - ma japplikawx jekk is-sottomissjoni lill-qorti saret elettronikament skont ir-rekwiżiti tal-IT, tal-inqas fl-aħħar ġurnata tat-terminu stabbilit. Madankollu, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, din ir-regola ma tapplikax għall-kalkolu tal-preskrizzjoni bil-liġi għas-sottomissjoni ta’ rikors. Ir-rikorsi jitqiesu li ddaħħlu fil-ħin jekk jaslu l-qorti l-aktar tard fl-aħħar ġurnata tal-preskrizzjoni għas-sottomissjoni tar-rikorsi.

Ir-rikorsi ppreżentati wara l-iskadenza jiġu miċħuda mill-qorti. Il-qorti tinnotifika l-ordni ta’ ċaħda tar-rikors fuq ir-rikorrent u tinnotifika lill-intimat bil-miżura li tkun ħadet. L-ordni huwa soġġett għal appell speċjali mir-rikorrent.

Għalhekk wieħed għandu jieħu parir mingħand konsulent legali, avukat jew l-Uffiċċju ta’ Konsulenza għaċ-Ċittadini, sabiex jiċċara meta rikors jitqies li uffiċjalment ġie ppreżentat fil-ħin.

Jekk il-parti tmexxi mingħajr rappreżentazzjoni legali f’kawża quddiem qorti distrettwali jew fi proċedimenti quddiem qorti industrijali quddiem qorti amministrattiva u industrijali tista’ tissottometti r-rikors tagħha oralment matul il-ħinijiet tal-uffiċċju fil-qorti kompetenti tal-post ta’ residenza, tal-uffiċċju rreġistrat jew tal-post tax-xogħol tagħha, jew fil-qorti li għandha ġuriżdizzjoni fil-kawża, imbagħad ir-rappreżentant tal-qorti jipprovdi gwida xierqa u jsejħilha biex tikkoreġi kwalunkwe nuqqas mingħajr dewmien. Il-qorti inkella ma tavżax lill-partijiet bis-sempliċi fatt li l-proċedimenti bdew. Kif tirċievi r-rikors, il-qorti teżaminah biex tara għandux ir-rekwiżiti kollha meħtieġa mil-liġi.

Jekk ir-rikors ikun xieraq biex tinfetaħ il-kawża, il-qorti tinnotifika r-rikors fuq l-intimat u fl-istess ħin issejjaħlu biex jissottometti l-kontratalba tiegħu fi żmien ħamsa u erbgħin jum mill-wasla tar-rikors. L-intimat iwieġeb billi jippreżenta l-kontrotalba.

Il-qorti tmexxi l-bidu tal-proċedimenti wara s-sottomissjoni tal-kontrotalba bil-miktub skont is-CCP, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, u mbagħad tagħlaq l-ewwel stadju tal-proċedimenti u tiffissa data għal seduta ta’ smigħ fuq il-mertu tal-kawża.

Għal aktar informazzjoni dwar is-sottomissjoni elettronika ta’ rikors u l-konferma tiegħu, ara t-taqsima Ipproċessar Awtomatiku.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Wara s-sottomissjoni ta’ rikors il-qorti tipproċedi skont kif deskritt fl-Artikolu 12. Skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, il-parti tista’ tirċievi aktar informazzjoni matul sottomissjonijiet miktuba ulterjuri, jekk dawn ikunu ġew ordnati, jew fis-seduta ta’ tħejjija għall-proċess u s-seduta ta’ smigħ dwar il-mertu tal-kawża, skont il-karatteristiċi individwali tal-kawża.

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.