Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Jista’ jkun preferibbli li jintużaw metodi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Ara aktar dwar dan is-suġġett.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini għat-tressiq ta’ azzjoni fil-qorti jvarjaw skont il-każ. Din il-kwistjoni tat-termini fuq il-ftuħ ta' kawżi l-qorti tista’ tiġi kkjarifikata minn konsulent legali jew uffiċċju ta’ pariri għaċ-ċittadini.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara "Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati - Franza".

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara "Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati - Franza".

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara "Il-ġuriżdizzjoni tal-qrati - Franza".

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

F’xi każijiet, iridu jintużaw is-servizzi ta’ uffiċjal ġudizzjarju jekk il-proċedimenti jkunu jridu jitressqu permezz ta’ taħrika li tinħareġ lill-parti avversarja tal-parti li tressaq l-azzjoni. Din it-taħrika tista’ tinħareġ biss minn uffiċjal ġudizzjarju. Dan huwa l-każ fil-proċedimenti quddiem il-qrati reġjonali (tribunaux de grande instance), ħlief fil-proċedimenti fejn l-użu ta’ avukat mhuwiex obbligatorju. Għandu jiġi nnotat li għar-rikorsi għal miżuri interim (référés), huwa obbligatorju li l-azzjoni titressaq permezz ta’ taħrika. Fi kwistjonijiet ta’ divorzju, fejn l-użu ta’ avukat bi drittijiet ta’ udjenza huwa obbligatorju, l-azzjoni titressaq permezz ta’ talba.

Kawża titressaq quddiem imħallef ta’ qorti tal-minuri (juge des enfants) minn wieħed mill-ġenituri, mit-tutur jew mill-minuri nnifishom permezz ta’ talba ordinarja.

Sabiex kawża titressaq quddiem imħallef tal-eżekuzzjoni (juge de l'exécution), taħrika hija obbligatorja, ħlief f’kawżi li jikkonċernaw il-proċedimenti tal-eżekuzzjoni rigward deċiżjonijiet relatati mad-deportazzjoni.

Quddiem qorti distrettwali (tribunal d’instance), taħrika mhijiex obbligatorja sabiex jitressqu azzjonijiet li jikkonċernaw valur ta’ mhux aktar minn EUR 4 000 jew għal mandat biex jitħallsu l-proċedimenti li jikkonċernaw djun kuntrattwali jew statutorji ta’ ammont speċifiku.

Quddiem qorti kummerċjali (tribunal de commerce), il-mandati biex jitħallsu l-proċedimenti li jistgħu jitressqu permezz ta’ talba weħidha jikkonċernaw djun li jirriżultaw minn ċekk bankarju (une traite), kambjala (une lettre de change), ċedola (un billet à ordre) jew assenjazzjoni ta’ nota ta’ debitu (un bordereau de cession). Fi kwistjonijiet oħrajn, l-azzjoni trid titressaq permezz ta’ taħrika.

Quddiem tribunal industrijali (conseil des prud'hommes), pretensjoni tista’ ssir permezz ta’ ittra rreġistrata jew direttament lill-iskrivan tal-uffiċċju tat-tribunal bil-miktub jew bil-fomm.

Il-kawżi jistgħu jitressqu quddiem tribunali tal-artijiet agrikoli (tribunal paritaire des baux ruraux) permezz ta’ ittra rreġistrata b’talba għal konferma tal-irċevuta indirizzata lill-uffiċċju tat-tribunal, ħlief għall-kawżi fejn tkun meħtieġa l-pubblikazzjoni tal-pretensjoni fir-reġistru tal-artijiet jew fejn l-att ta’ uffiċjal ġudizzjarju jkun obbligatorju.

Kawża tista’ titressaq biss quddiem tribunal tal-affarijiet soċjali (tribunal des affaires sociales) wara riferiment minn qabel lill-bord ta’ soluzzjoni bonarja (commission de recours amiable). Azzjoni titressaq permezz ta’ ittra jew dikjarazzjoni ppreżentata lill-uffiċċju tas-segretarju.

Il-partijiet jistgħu jiftħu kawża wkoll il-qorti permezz ta’ talba konġunta, azzjoni konġunta li fiha jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom lill-imħallef. Din it-talba tiġi ppreżentata lill-iskrivan tal-uffiċċju tal-qorti.

Bħala regola, quddiem qorti reġjonali, ir-rappreżentanza minn avukat hija obbligatorja, ħlief fi kwistjonijiet ta’ lokazzjonijiet kummerċjali, rikorsi għal miżuri interim, telf jew irtirar ta’ awtorità tal-ġenituri u dikjarazzjonijiet ta’ abbandun. Quddiem imħallef tal-affarijiet tal-familja (juge aux affaires familiales), ir-rappreżentanza minn avukat mhijiex obbligatorja fi kwistjonijiet ta’ delega ta’ awtorità tal-ġenituri, proċedimenti ta’ wara d-divorzju, awtorità tal-ġenituri, l-iffissar ta’ kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta’ żwieġ u l-obbligi ta’ manteniment.

Quddiem qorti kummerċjali, qorti distrettwali, imħallef tal-eżekuzzjoni, imħallef ta’ qorti tal-minuri, tribunal tal-affarijiet soċjali, tribunal industrijali jew tribunal tal-artijiet agrikoli, ir-rappreżentanza minn avukat bi drittijiet ta’ udjenza mhijiex obbligatorja.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

It-talbiet kollha għall-informazzjoni għandhom isiru fl-uffiċċju tal-akkoljenza ta’ kull qorti. Barra minn hekk, konsultazzjonijiet legali mingħajr ħlas huma disponibbli fil-maġġoranza tal-qrati, iċ-ċentri tal-ġustizzja tal-komunità (maisons de justice et du droit) u l-muniċipji (mairies).

Sabiex tressaq pretensjoni legali, għandek tippreżenta t-talba mal-uffiċċju tal-qorti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-Franċiż huwa l-unika lingwa aċċettata. Interpretu jista’ jassisti lil parti matul is-seduti ta’ smigħ, iżda mħallef mhuwiex obbligat li juża wieħed jekk huwa jkun jaf il-lingwa li biha tkun qed titkellem il-parti.

Bħala regola, il-pretensjonijiet isiru bil-miktub. Madankollu, quddiem it-tribunali industrijali u fid-dikjarazzjonijiet lill-uffiċċju tal-qorti quddiem il-qrati distrettwali, jistgħu jsiru bil-fomm jew jiġu rreġistrati mill-iskrivan tal-qorti.

Il-kawżi jistgħu jitressqu quddiem it-tribunali industrijali b'riżultat tad-dehra volontarja tal-partijiet quddiem l-uffiċċju ta’ konċiljazzjoni.

Kif inhuma r-regolamenti bħalissa, mhuwiex possibbli li tressaq kawża quddiem qorti ċivili permezz ta’ fax jew ittra elettronika.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

L-unika proċedura li fiha hemm formola speċjali sabiex tinfetaħ kawża hija dikjarazzjoni lill-uffiċċju tal-qorti quddiem qorti distrettwali. Fi proċeduri oħrajn, l-atti jridu jinkludu informazzjoni dwar l-attur u l-konvenut u d-dokumenti kollha li jirrigwardaw is-suġġett tal-kawża, li jridu jiġu ppreżentati, skont il-kawża, lill-uffiċċju tal-qorti meta titressaq l-azzjoni jew lill-imħallef fil-ħin tas-seduta ta’ smigħ.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Bħala regola, ma hemmx imposti li jridu jitħallsu lill-Istat meta titressaq azzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mal-qrati kummerċjali, fejn ikun hemm imposti fissi tal-qorti.

Madankollu, minn mindu daħal fis-seħħ id-Digriet 2011-1202 tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar it-tariffi allokati għall-fond ta’ kumpens għall-avukati (avoués) fil-qrati tal-appell u l-kontribuzzjoni għal għajnuna legali, trid titħallas kontribuzzjoni ta’ EUR 35 meta tinfetaħ il-kawża. Din tista’ titħallas fl-uffiċċju tal-qorti permezz ta’ kard tal-bank.

F’kawżi ta’ appell, iridu jiżdiedu EUR 150, li jridu jitħallsu miż-żewġ partijiet u jiġu allokati għall-fond ta’ kumpens għall-avukati fil-qorti tal-appell (avoués), li l-professjoni tagħhom ġiet amalgamata ma’ dik tal-avukati bi drittijiet ta’ udjenza (avocats) mill-1 ta’ Jannar 2012. Minn hemm ’il quddiem, ma baqax obbligatorju li dawn jintużaw bħala intermedjarji.

L-ispejjeż jirrappreżentaw l-ispejjeż iġġenerati mit-tmexxija tal-proċedimenti. Dawn jinkludu l-għoti ta’ kumpens lix-xhieda, lill-esperti tal-pagamenti u lill-uffiċjali ġudizzjarji u l-avukati għall-ispejjeż li jġarrbu, flimkien mat-tariffi tagħhom. Xi spejjeż iridu jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti jew matulhom. Fi tmiem il-proċedimenti, bħala regola, l-ispejjeż jiġu imposti fuq il-parti telliefa mill-imħallef, sakemm dik il-parti ma tkunx qed tirċievi għajnuna legali.

It-tariffi tal-avukati huma soġġetti għal ftehim ta’ ħlas stabbilit mal-klijent tagħhom. L-avukati jistgħu jitolbu ħlas ta’ riżerva, li huwa ammont imħallas bil-quddiem jew matul il-kompitu bħala pagament akkont mill-klijent.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, jekk il-mezzi ta’ pretendent ta’ għajnuna legali ma jaqbżux limitu massimu ta’ eliġibbiltà li jiġi evalwat mill‑ġdid kull sena (EUR 929 fl-2012 għal għajnuna legali sħiħa u EUR 1 393 għal għajnuna legali parzjali). Il-limiti stabbiliti jistgħu jiġu emendati skont is-sitwazzjoni tal-familja tal-attur (Ara "Għajnuna legali – Franza")

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

L-azzjoni titressaq:

  • għall-proċedimenti li fihom taħrika hija obbligatorja, billi tiġi ppreżentata kopja tat-taħrika lill-uffiċċju tal-qorti;
  • għal proċedimenti oħrajn, billi l-pretensjoni tiġi ddepożitata jew irreġistrata mal-uffiċċju tal-qorti;

Il-pretendenti ma jirċievu ebda konferma tal-validità tal-azzjoni tagħhom.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

L-uffiċċju tal-qorti jista’ jipprovdi informazzjoni dwar il-progress tal-proċedimenti u d-data tas-seduta ta’ smigħ li tkun ġiet stabbilita.

Ħoloq relatati

Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 19/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna